L-aħbarijiet mis-suq tat-trasferimenti (24 ta’ Mejju)by Matthew Scerri
Is-suq tat-trasferiment qed ikompli jiddomina l-gazzetti, il-website u l-programmi tat-televixin. Dan li ġej hu dak li laqatna matul il-ġurnata tal-lum.
Morata – L-Ispanjol dejjem stqarr li jqis lil Juventus il-familja tiegħu. Nafu li Juventus lesti jżommuh imma mhux se jonfqu l-35 miljun li kienu parti mill-ftehim ma’ Atletico Madrid sentejn ilu. Nafu wkoll li l-istrateġija ta’ Juventus hi li jkomplu jinnegozjaw ma’ Atletico bit-tama li jinżlu mill-prezz għal Morata. Jidher, però, li l-aġent ta’ Morata għadu jitkellem ma’ Barcellona, klabb li f’Jannar kien qrib ħafna li jikseb il-firma ta’ Morata. L-attakkant Spanjol lest imur jilgħab ma’ Barcellona u Atletico Madrid jistgħu jikkuntentawh anki minħabba l-fatt li l-klabbs Spanjoli għad iridu jissetiljaw kollox bejniethom għal Griezmann.
Koulibaly – Fl-aħħar jiem issemma b’ċerta insistenza Koulibaly ma’ Juventus. Kien hemm rapporti, mhux konfermati, li l-aġent tiegħu tkellem ma’ Juventus wara li kellu kuntatti ma’ Barcellona fix-xhur li għaddew. Koulibaly irrifjuta l-offerta ta’ Napoli għall-kuntratt il-ġdid. Il-kuntratt attwali tiegħu jiskadi s-sena d-dieħla u l-għidut hu li Napoli lesti jbigħuh das-sajf għal somma ta’ bejn 30 u 35 miljun Ewro.
Rabiot – Adrien Rabiot spiċċa fil-mira ta’ Chelsea. Il-prezz li qed jitolbu Juventus għalih hu ta’ bejn 15 u 20 miljun Ewro. I-Bianconeri x’aktarx se jkunu lesti jħallu lil Rabiot jitlaq f’każ li taslilhom offerta tajba.
Miretti, Ranocchia u Fagioli – X’se jkun il-futbol ta’ Miretti, Ranocchia u Fagioli s’issa għadu mhux magħrud b’mod uffiċjali. Ix-xnigħat tal-lum huma li Miretti se jibqa’ ma’ Juventus, filwaqt li Ranocchia u Fagioli se jkunu misluf lil xi tim tas-Serie A. Għal Ranocchia qed jissemma interess min-naħa ta’ Udinese. Fagioli spiss issemma ma’ Lazio, biss Juventus x’aktarx jippreferu jisilfuh lil xi tim inqas ikkwotat. Se jkun interessanti naraw kif se jaħdmu l-klabbs wara l-bidliet fir-regolamenti dwar is-self ta’ plejers.
Full-backs – Kulħadd irid li Juventus isibu full-backs ġodda, l-aktar mal-linja x-xellugija fejn Alex Sandro ilu jiddeludi. Spiss issemmew il-full-backs ta’ Udinese, Molina u Udogie. Illum La Stampa qed tirraporta li Juventus jinsabu qrib li jiffinalizzaw l-akkwist ta’ Raoul Bellanova mingħand Cagliari.
Matthew Scerri