L-ewwel il-bejgħ!by Matthew Scerri
Manna, assistit minn Tognozzi, bħalissa għaddej b’ħidma intensiva bil-għan li jirnexxilu jbigħ jew jislef il-plejers li kienu mislufin u li m’għadhomx parti mill-pjanijiet ta’ Juventus. Qed nirreferu għal plejers bħal Arthur, Zakaria, Kulusevski u oħrajn.
Il-bejgħ ta’ dawn il-plejers mhux se jkun faċli, ovvjament, anki għax uħud minnhom ġejjin minn staġun kemxejn deludenti. Hawn trid tidher il-bravura ta’ Manna u Tognozzi. Interess fil-plejers jidher li hemm u l-uffiċċjali ta’ Juventus iridu jkunu bil-għaqal biżżejjed biex dak l-interess jibdluh f’opportunità vera ta’ trasferiment.
Il-pjanijiet ta’ Juventus ma jieqfux hawn. Qed ikun irrapurtat minn diversi sorsi li Elkann ta istruzzjonijiet sabiex il-klabb inaqqas l-operational costs tiegħu u dan jinkludi anki għażliet li jwasslu biex jonqsu l-pagi tal-plejers fit-tim. Mhux eskluż li plejers b’paga għolja bħal Szczesny u Alex Sandro jinbigħu. F’din l-ottika rridu nifhmu anki, pereżempju, għala Juventus ma xtrawx lil Milik għal kollox bil-prezz maqbul sena ilu. Milik kien u għadu plejer li Juventus japprezzaw, imma x’aktarx iridu jixtruh għal somma inqas jew inkella jippruvaw iġeddu s-self tiegħu għal sena oħra.
Jista’ jkun ukoll li jinbigħu xi stilel tat-tim bħal Chiesa jew Vlahovic jekk tasal offerta tassew kbira (s’issa imma ma jidhirx li hemm għalihom offerti sensazzjonali). Hawn ta’ min jgħid li Chiesa għandu kuntratt li jiskadi fl-2025 u allura Juventus das-sajf iridu jifhmu jekk il-winger Taljan iridx iġedded il-kuntratt ma’ Juventus bil-kundizzjonijiet tal-Bianconeri jew inkella għandux miri oħra (jekk dan ikun il-każ allura issa hu l-aqwa żmien għall-bejgħ tiegħu!)
Kif għidna, l-ewwel il-bejgħ. Juventus bħalissa ma tantx jidhru li qed jinnegozjaw l-akkwist ta’ plejers ġodda. L-unika eċċezzjoni hu Frattesi li għalih Juventus diġà kellhom żewġ laqgħat ma’ Sassuolo. Hu meqjus is-sostitut ideali għal Rabiot, imma hawn irridu ngħidu li hemm xnigħat li Juventus offrew anki kuntratt ġdid ta’ sena lill-Franċiż bl-istess paga li kellu fl-aħħar snin. Apparti Frattesi ma nafux li Juventus realment qed jippruvaw jixtru lil ħadd iktar.
Il-bejgħ fiċ-ċentru tal-attenzjoni tad-diriġenti Juventini. Il-bejgħ u t-tnaqqis tal-operational costs. Qed tissemma minn diversi sorsi s-somma ta’ 120-130 miljun Ewro li Juventus iridu jiffrankaw dis-sena. Ħadd ma spjega minfejn ħarġet dis-somma jew kif ġiet ikkalkulata. Hi x’inhi s-somma li Juventus iridu jiffrankaw, li hu żgur hu li, kif kien beda jagħmel Arrivabene, qed jinbidel l-operat ta’ Juventus: daqshekk infiq bla rażan; daqshekk pagi għoljin; tmexxija iktar għaqlija mil-lat finanzjarju; u klabb li jimmira li jkun self-sustainable filwaqt li jibqa’ kompetittiv.
Matthew Scerri