L-iskwadra Juventina kollha fil-klabb tagħna – Iswed u Abjad (is-sitt parti)by Aleandro Bartolo
- ikompli mil-ħames parti
L-itwal Laqgħa Ġenerali Annwali
Fl-annali tal-klabb tagħna, wieħed isib li l-itwal Laqgħa Ġenerali Annwali li qatt saret fl-istorja kienet dik li saret nhar it-Tnejn 20 ta’ Settembru 2004. Dan għaliex fl-aġenda tal- Laqgħa Ġenerali, minbarra xogħol ieħor, kellha ssir elezzjoni għall-membri li kellhom iservu fuq il-Kumitat Eżekuttiv għas-sena 2004/2005.
L-interess kbir li qajmet din il-Laqgħa Ġenerali kien dovut għall-fatt li l-President Mark Zammit ma kienx se jikkontesta għall-presidenza wara seba’ snin li matulhom qatt ma kien kontestat. Għal din il-kariga, is-Segretarja, Caroline Attard, irċeviet żewġ nominazzjonijiet, dik ta’ Dr. Michael Sciriha u dik tas-Sur Joe Pellegrini.
Barra minn hekk żewġ kandidati, Omar Busuttil u Mario Mifsud, ressqu n-nomini tagħhom għal Teżorier filwaqt li erbatax-il kandidat ieħor kienu se jikkontestaw għal tnax- il post fil-Kumitat Eżekuttiv. Mill-banda l-oħra l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali kien okkupat awtomatikament mis- Sinjorina Caroline Attard li ma kenitx kontestata.
Fil-bidu tal-Laqgħa Ġenerali, Omar Busuttil irtira l-kandidatura tiegħu qabel bdiet l-elezzjoni u għaldaqstant il-kariga ta’ Teżorier marret direttament għand Mario Mifsud.
Wara l-approvazzjoni tal-Minuti tas-sena ta’ qabel, id-diskors tal-President u l-qari tar-Rapport Amministrattiv u dak Finanzjarju mis-Segretarja u mit-Teżorier, għaddejna għall- elezzjoni tal-Kumitat. Minkejja li għal-Laqgħa kienu preżenti 262 membru, kienu biss 167 li xeħtu l-vot tagħhom.
Minħabba l-għadd kbir ta’ voti u karigi, il-Kummissjoni Elettorali magħmula miċ-Chairman, Manwel Scerri, u minn Dr. Franco Galea u Albert Callus, kellha biċċa xogħol kbira quddiemha, tant li sa tard bil-lejl ir-riżultat finali kien għadu ma tħabbarx.
Kien biss għall-ħabta tat-3.40 ta’ filgħodu li quddiem ftit membri preżenti, iċ-Chairman ħabbar ir-riżultat finali biex b’hekk intemmet din il-maratona ta’ Laqgħa Generali Annwali. Dr. Michael Sciriha kien elett President u b’hekk beda l-presidenza tiegħu li kellha ddum għal 10 snin sħaħ mingħajr interruzzjoni.
Il-membri eletti fil-Kumitat kienu: Kevin Aquilina, Pierre Aquilina, Mark Attard, Brian Borg, Everard Farrugia, William Micallef, Duncan Muscat, Frans Sammut, Matthew Scerri, Joseph Spiteri, Vincent Vassallo u Simon Vella.
Wara diskors qasir mill-President il-ġdid Dr. Michael Sciriha, li irringrazzja lill-membri li tawh il-fiduċja sħiħa tat-tmexxija tal- klabb, kien deċiż li l-Laqgħa tkun aġġornata minħabba li kien tard wisq u ma kienx fadal ħin għall-affarijiet l-oħra fl-aġenda. II-Laqgħa, imbagħad, tkompliet f’data oħra.
Relazzjonijiet ma’ Turin
Iċ-Centro Coordinamento Juventus Clubs tul dawn l-erbgħin sena baqa’ l-punt ta’ riferiment għall-Juventus Clubs imxerrda mad-dinja, għalkemm hu ta’ min wieħed jirrimarka li mal-milja tas-snin seħħew diversi riformi fi ħdan iċ-Centro Coordinamento. Fil-bidu tas-Seklu XXI seħħet riforma fi ħdan iċ-Ċentru meta nbidel il-mod kif ikunu reģistrati I-klabbs. Permezz ta’ din ir-riforma nħolqot l-iskema tal-klabbs DOC, li llum huma l-unići klabbs uffiċjalment rikonoxxuti minn Juventus FC. Ovvjament il-klabb tagħna sa mill-bidunett kien jifforma parti minn din ix-xibka ta’ klabbs DOC. Fl-ewwel snin kien l-ex-plejer Michelangelo Rampulla li ġie fdat bir- responsabbiltà li jmexxi l-istruttura tal-klabbs DOC.
F’Ottubru 2005 kellna l-unur li nilqgħu fostna lil Rampulla u lill-assistent tiegħu Umberto Rissoni għal żjara qasira li serviet biex ikunu konsolidati r-relazzjonijiet bejn il-klabb tagħna u ċ-Centro Coordinamento. Fl-istess ħin il-Kumitat ma naqasx milli japprofitta minn din l-okkażjoni biex, għal darb’oħra, ilaqqa’ lil Rampulla mal-membri.
Gigi Buffon fostna
Il-membri tal-klabb huma dejjem għatxana għal żjarat minn plejers ta’ Juventus u l-Kumitat minn dejjem ħadem ħafna f’dan is-sens. Hu ta’ unur kbir li fl-istorja tiegħu l-Juventus Club DOC Vero Amore (Malta 1975) fetaħ il-bibien tiegħu għall- aktar plejers sinifikattivi tul dawn l-aħħar erbgħin sena. Fost dawn iż-żjarat għandna bir-raġun inżidu dik ta’ Gigi Buffon.
Is-sena 2007 kienet għalina l-Juventini sena ta’ sodisfazzjon mhux biss għax it-tim irritorna fost il-kbar tas-Serie A wara sena purgatorju inġust, iżda wkoll għax ġie fostna l-aqwa goalkeeper tad-dinja, Gigi Buffon.
Ġie f’pajjiżna b’għan sublimi u nobbli, għall-karità, fejn il-preżenza tiegħu kienet ta’ għajnuna kbira għall-Puttinu Cares Children’s Cancer Support Group. Għalkemm din kienet żjara ta’ ftit sigħat, tibqa’ immarkata f’moħħna għax ferrħet lil mijiet ta’ tfal sfortunati fil-grawnds tal-Marsa. Fraħna miegħu aħna wkoll, u Buffon wera sincerament li kien emozjonat fostna.
Bil-kollaborazzjoni sħiħa mal-organizzaturi ta’ Puttinu Cares u l-ħidma kbira tas-Segretarju Internazzjonali tal-klabb, William Micallef, ma setax jonqos li l-klabb tagħna jaħtaf din I-opportunità u jorganizza fis-sede tiegħu l-Buffon Day għall- benefiċċju tal-membri tagħna.
Infatti, kien nhar it-22 ta’ April 2007 li Gigi Buffon żar il- klabb tagħna f’Birkirkara fejn kien milqugħ b’entużjażmu liema bħalu mill-membri li ħonqu s-sala u kull parti oħra tal- kwartieri għal din l-okkażjoni speċjali.
Akkumpanjat minn William Micallef, Buffon kien milqugħ mis-Segretarju Ġenerali, Manwel Scerri, li ppreżentah lil Viċi- President, Brian Borg (il-President Dr. Michael Sciriha kien imsiefer). Wara li mar dritt fuq żewġ persuni bi bżonnijiet speċjali li kellhom post riservat ħdejn il-bieb tal-klabb, Buffon tela’ fis-sala fejn kien milqugħ b’għajjat li jtarrax minn folla ta’ madwar ħames mitt persuna.
Wara li ffirma l-ktieb tal-viżitaturi, Buffon niżel fis-sala fejn fuq palk imħejji apposta, sema’ l-indirizzi ta’ merħba mis- Segretarju Ġenerali u mill-Vici-President. Imbagħad kien imiss lil Gigi jirrispondi. F’indirizz qasir ħarġet l-umanità, id- disponibbiltà u r-rikonoxxenza tiegħu lejn il-partitarji Juventini ta’ dawn il-gżejjer.
Waqt id-diskors tiegħu fis-sala rrenja skiet taqtgħu b’sikkina iżda malli spiċċa l-folla mill-ġdid infexxet f’ċapċip u nħakmet minn entużjażmu liema bħalu. Tul il-laqgħa, Gigi kompla jkun disponibbli billi ffirma flokkijiet, blalen, ritratti u memorabilja oħrajn tal-membri.
Wasal il-ħin tar-rigali. Rigal sabiħ mill-Juventus Club Vero Amore (Malta 1975) kienet id-Dgħajsa tal-Latini tal-fidda. Rigal ieħor stupend ippreżentat mis-Sur Jesmond Azzopardi, President tal-Juventus Club Vero Amore Għawdex, kien jikkonsisti f’pittura artistika taż-żejt ta’ livell għoli b’messaġġ fuqha
“Gianluigi Buffon passato-presente-futuro”.
Dan ir- rigal kien apprezzat immens minn Gigi tant li għal bosta drabi għolla l-kwadru lejn il-membri preżenti fost l-għajjat
“Gigi! Gigi!”
Il-folla ħarġet kuntenta mill-klabb għax rat fostha ftit metri ‘l bogħod minnha lill-aqwa goalkeeper tad-dinja. Buffon kellem lill-partitarji u iċċajta magħhom, u huma sellmulu bl-għajta ta’
“Juve! Juve!”
Iż-żjara ta’ Gianluca Pessotto
Wara Furino, Morini, Boniperti, Bettega, Conte u Buffon, kien imiss lil Gianluca Pessotto li jirfes l-għatba tal-klabb tagħna nhar it-28 ta’ Ottubru 2007. L-impressjoni li ħallew fostna dawn il-persunaġġi, li huma parti integrali mill-istorja kbira ta’ Juventus, tkompliet biż-żjara qasira iżda sinifikattiva tat- team manager u ex-plejer ta’ Juventus li hekk kif daħal fil- klabb esklama
“Mamma mia, dan palazz!”
Il-merħba kbira u l-mod kif kien milqugħ ‘Il-Professore’, kif hu magħruf Pessotto, flimkien mal-organizzazzjoni perfetta fil-klabb, impressjonawh tant li mill-ewwel ħassu bejn ħbieb veri u sinċieri daqs li kieku kien f’daru.
Impressjonanti kienet ukoll it-tifkira li ħalla fostna Gianluca, dik ta’ bnieden intelligenti, kolt, kordjali, u fuq kollox umli. Il-ferħ għall-fatt li kien jinsab fostna, fost il-ħbieb veri, deher jixgħel fuq wiċċu sa mill-ewwel sekonda. Iċċajta, kien disponibbli l-ħin kollu u l-membri preżenti ħarġu mill-klabb kuntenti u sodisfatti li tkellmu, iddjalogaw u laqgħu fosthom persuna li tant u tant tat lil Juve f’karriera sabiħa bil-flokk Juventin kif ukoll persunaġġ li kien qed ikun apprezzat għax-xogħol kbir u diffiċli bħala team manager ta’ Juventus FC.
Il-kordjalità u l-umiltà tiegħu kienu espressi fi kliemu, ferm meqjus u f’mumenti anki ċajtier u l-mod uman li bih wera kemm hu tassew bniedem mahbub minn kulħadd. Għalina I-Juventini ta’ dawn il-gżejjer kienet tassew okkażjoni sabiħa u memorabbli.
L-iskwadra Juventina kollha fil-klabb tagħna
Mument storiku mhux biss għall-klabb lokali, imma b’mod ġenerali fl-istorja ta’ kull Juventus Club fid-dinja, għexnih nhar il-Ħamis 10 ta’ Jannar 2008. Dakinhar it-tim kollu ta’ Juventus u d-dirigenti żaru I-klabb tagħna f’Birkirkara. Din kienet l-ewwel u s’issa l-unika darba fl-istorja li seħħet ħaġa ta’ dan it-tip fejn jidħlu l-klabbs tal-partitarji.
Dan sar possibbli wara ħidma intensiva mill-Kumitat li rnexxielu jikkonvinċi lid-dirigenti ta’ Juventus FC li kienu f’Malta għal training camp. Iż-żjara tat-tim fis-sede tal-klabb f’Birkirkara qajmet interess qawwi bħal dejjem fost mijiet ta’ partitarji lokali tal-iskwadra Bianconera. Dawn kellhom l-opportunità li joqogħdu fit-triq ta’ quddiem il-klabb li ngħalqet apposta u hekk setgħu jaraw minn ftit metri ‘l bogħod lill-benjamini tagħhom. F’mument partikolari I-plejers Juventini ħarġu jsellmu lill-partitarji mill-gallarija tal-klabb fost għajjat u ċapċip.
Ċertament li anki f’din l-okkażjoni speċjali, il-klabb tagħna wera professjonalità kbira li ġibdet I-ammirazzjoni tad- dirigenti Bianconeri mmexxija mid-Direttur Ġenerali Jean- Claude Blanc u l-uffiċjal għoli taċ-Centro Coordinamento, Ezio Morina. Sal-ġurnata ta’ llum din iż-żjara għadha mfakkra fil-klabb permezz ta’ poster kbir tat-tim iffirmat mill-plejers direttament fil-klabb.
Li tara l-plejers kollha Juventini, fosthom il-leġġendarji Del Piero, Nedved, Buffon, Chiellini u Trezeguet jirfsu l-għatba tal- klabb tagħna kienet xi ħaġa straordinarja. Fl-istess ħin li tara wkoll l-istess plejers ma’ sħabhom jammiraw dak kollu li joffri I-klabb tagħna qanqal fil-Kumitat u fil-membri sentiment qawwi ta’ kburija. Tassew li dakinhar inkitbet paġna oħra storika għall-Moviment Juventin f’pajjiżna li għadha sal- ġurnata ta’ llum tagħmlilna unur.
Inawgurata s-Sala ‘Giovanni Agnelli’
L-għada taż-żjara uffiċjali tat-tim Juventin kollu fis-sede tagħna, nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Jannar 2008, Jean-Claude Blanc inawgura uffiċjalment is-Sala ‘Giovanni Agnelli’ fis-sede, jiġifieri l-parti tas-sede fejn jiltaqa’ l-Kumitat u li tintuża bħala s-Segretarjat tal-klabb.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm l-Eċċellenza Tiegħu Mons. Pawlu Cremona, Arċisqof ta’ Malta, u mistiedna oħrajn distinti, fosthom l-uffiċjali għolja taċ-Centro Coordinamento, Umberto Rissone u Ezio Morina.
Wara li l-mistiedna speċjali kienu milqugħa mill-President Dr. Michael Sciriha u s-Segretarju Ġenerali Manwel Scerri, saru diskorsi qosra tal-okkażjoni.
Fl-indirizz tiegħu, il-President Dr. Michael Sciriha ta merħba u irringrazzja lill-mistiedna preżenti. Hu għadda mbagħad biex spjega għaliex il-klabb tagħna kien qed jiddedika s-sala l-ġdida lil mibki ex-President ta’ Juventus FC, l-avukat Giovanni Agnelli.
“Dan qed isir,” sostna Dr. Sciriha, “bħala turija ta’ rispett u ringrazzjament għal dak kollu li l-avukat Agnelli u I-familja tiegħu għamlu għal Juventus mal-milja tas-snin.”
Il-President kompla qal li l-isem tal-avukat Agnelli hu sinonomu mal-istorja glorjuża ta’ Juventus u għaldaqstant kien xieraq li fil-ħames anniversarju mill-mewt tiegħu din is- sala tissemma għalih.
Fit-tweġiba tiegħu, Jean-Claude Blanc wera sodisfazzjon għal din l-okkażjoni u stqarr li kien qed iħossu kburi u onorat li kien qed jinawgura s-sala moderna dedikata lill-avukat Giovanni Agnelli f’sede verament stupenda. Hu faħħar il-ħidma dejjem siewja tal-klabb bil-għan li jippromwovi f’pajjiżna l-ideali, il-valuri u l-attakkament inkundizzjonat lejn il-kuluri Bianconeri.
Blanc temm id-diskors qasir tiegħu billi rringrazzja lill-Kumitat lokali, il-membri u l-partitarji Juventini ta’ dawn il-gżejjer għal-laqgħa memorabbli mogħtija lid-dirigenti u lill-iskwadra kollha ta’ Juventus FC f’Malta.
“L-okkażjoni ta’ llum,” qal Blanc, “hi xiehda, jekk qatt kien hemm bżonn, tal-imħabba u r-rispett li jgawdi t-tim Juventin f’Malta u f’Għawdex. Nawgura kull suċċess lill-Juventus Club Vero Amore (Malta 1975) u nittama li ma tkunx l-aħħar darba li Juventus jiġu fostkom.”
Jean-Claude Blanc imbagħad kixef ir-ritratt tal-avukat Giovanni Agnelli fost l-applaws tal- preżenti filwaqt li l-Eċċellenza Tiegħu Mons. Pawlu Cremona bierek is-sala.
Iż-żewġ mistednin distinti mbagħad għaddew fil-kamra tal-Kumitat fejn iffirmaw il-ktieb tal-viżitaturi u wara sar riceviment fis-sala ewlenija ta’ fuq għal dawk kollha preżenti.
Gemellaġġi ma’ Juventus Clubs DOC oħra
Fid-dinja globalizzata ta’ llum hu aktar faċli li jinħolqu rabtiet ma’ korpi barra mill-pajjiż, inkluż fid-dinja tal-ballun. Għall-klabb tagħna, iż-żjara tal-iskwadra Juventina f’Malta qajmet interess kbir mhux biss bejnietna l-Maltin u l-Għawdxin, iżda wkoll fost il-partitarji Bianconeri speċjalment fin-naħa t’isfel tal-peniżola Taljana.
Proprju fil-ġranet li l-Juventus FC kienu Malta, kien hawn fostna wkoll Raffaello ‘Lello’ Roberto, il-President tal- Juventus Club DOC Siderno ‘Gianluca Pessotto’. Mill-ewwel sar ħabib tal-klabb tagħna u kien deċiz li jsir ġemellaġġ bejn iż-żewġ klabbs. L-għan ewlieni kien li jissaħħu r-rabtiet u r-relazzjonijiet bejn il-klabbs DOC kemm fuq livell sportiv kif ukoll fuq livell kulturali.
II-klabb tagħna laqa’ bil-ferħ din l-istedina u ftit ġimgħat wara delegazzjoni mmexxija mill-Vici-President Brian Borg, mis-Segretarju Ġenerali Manwel Scerri, mis-Segretarju Internazzjonali William Micallef u mill-Assistent Segretarju Matthew Scerri marret Siderno fil-Kalabrija fejn kienet milqugħa tajjeb ferm mill-uffiċjali u mill-membri tal-Juventus klabb DOC ‘Gianluca Pessotto’ (Siderno).
F’din l-okkażjoni l-avukat Roberto ippreżenta lis-Segretarju Internazzjonali, William Micallef plakka kommemorattiva biex jitfakkar dan il-ġemellaġġ. Brian Borg, il-Viċi-President, irreċiproka billi ippreżenta lill-avukat Roberto tifkira tal- okkażjoni.
Id-delegazzjoni tal-klabb tagħna ħadet sehem anki fil- ‘Calabria Day’ f’Reggio Calabria b’rappreżentanza mit-tim Juventin li kien jinsab f’Reggio għall-partita kontra Reggina. Waqt il-‘Calabria Day’, magistralment organizzata u mmexxija minn Raffaello Roberto nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Frar 2008, saru diskorsi u diskussjonijiet minn panel rappreżentattiv ta’ diversi Juve Clubs DOC min-naħa t’isfel tal-Italja. Kien ta’ sodisfazzjon kbir għad-delegazzjoni tal-Juventus Club Vero Amore li s-Segretarju Internazzjonali William Micallef kien mistieden biex jieħu sehem bħala wieħed mill-kelliema.
Matul id-diskussjonijiet ħareġ biċ-ċar li l-klabbs Juventini kollha għandhom l-istess problemi, principalment dik tal- biljetti għal-logħbiet tal-Juventus f’Turin u diffikultajiet biex plejers Juventini jżuru l-klabbs barra minn Turin. Preżenti għall- ‘Calabria Day’ kien hemm il-President ta’ Juventus, Giovanni Cobolli Gigli, il-plejers Nedved, Chiellini u Legrottaglie, kif ukoll għadd kbir ta’ tesserati fil-Juventus DOC. Fi tmiem I-avveniment, Pavel Nedved kien ippreżentat b’donazzjoni ta’ €5,000 għall-Isptar tat-tfal, Sant’Anna.
Ta min wieħed jgħid li dan il-ġemellaġġ kien provvidenzjali għall-klabb tagħna, għax ir-rabta u l-ħbiberija mill-qrib li tnisslet u ssaħħet mal-President ta’ Siderno, Raffaello Roberto llum ħadet xejra importanti ferm billi llum Lello hu I-Amministrattur Eżekuttiv taċ-Centro Coordinamento.
Klabb ieħor li kellna l-pjaċir nilqgħu fostna u nagħmlu ġemellaġġ miegħu f’dik l-istess sena tal-2008 kien il-Juventus Club DOC ‘Michelangelo Rampulla’ ta’ Caltanissetta. F’Settembru 2008 delegazzjoni ta’ tmintax-il persuna ġiet Malta minn Sqallija u saru għadd ta’ attivitajiet biex ikun ċelebrat il-ġemellaġġ.
Mal-wasla tad-delegazzjoni, nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Settembru 2008, immedjatament saret ikla li serviet biex il-Kumitat isir jaf aħjar lil dawn il-persuni li ġew minn Sqallija apposta biex iżuru l-klabb tagħna. F’din l-okkażjoni kien hemm mistieden speċjali li wasal direttament minn Turin: Fabio Ellena, Press Officer ta’ Juventus FC.
L-għada s-Sibt 6 ta’ Settembru fil-Floriana ntlagħbet partita ta’ ħbiberija 5-a-side bejn it-tim tal-klabb tagħna u r-rappreżentanti tal-klabb Sqalli. Fi sħana kbira, it-timijiet tqabdu sew u l-klabb tagħna fl-aħħar ħareġ rebbieħ bl-iskor ta’ 5-2. Għaldaqstant it-tim tal-klabb tagħna seta’ jgħolli t-‘Trofeo dell’Amicizia’ li sar apposta għall-okkażjoni.
Filgħaxija tal-istess jum, imbagħad, id-delegazzjoni minn Caltanissetta żaret il-klabb u rat flimkien mal-membri tagħna l-partita Ċipru-Italja. Fi tmiem il-partita sar it-tqassim ta’ tifkiriet kommemorattivi tal-okkażjoni bejn il-Kumitati taż- żewġ klabbs. Dr. Michael Sciriha kellu kliem ta’ tifhir għall-mod kif sar dan il-ġemellaġġ u wiegħed li kien se jkun promotur għat-twaqqif ta’ Kumitat Reġjonali tan-naħa t’isfel tal-Italja, bil-klabb Malti jkun parti minnu wkoll. L-idea għoġbot lill-President tal-klabb ta’ Caltanissetta, Calogero Rizza. Filwaqt li rringrazzja lill-Kumitat Malti għall-merħba kbira li ngħatat lid-delegazzjoni minn Sqallija, is-Sur Rizza awgura li jkun hemm aktar okkażjonijiet sbieħ bħal dik u fl-istess ħin esprima x-xewqa li l-klabb Sqalli u dak Malti jissaħħu f’rabta ta’ ħbiberija bejniethom.
Il-ġemellaġġ mal-klabbs ta’ Siderno u Caltanissetta ssaħħaħ fid-29 ta’ Ottubru 2009 meta s-Segretarju tal-klabb Malti, Matthew Scerri, f’ċerimonja li saret f’Turin, attenda għall- ftuħ tas-sezzjoni Turin-Milan li twaqqfet b’mod konġunt bejn iż-żewġ klabbs tan-naħa t’isfel tal-Italja. Il-Presidenti, f’din iċ- ċerimonja, irringrazzjaw u tennew ir-rapport ta’ ħbiberija mal- klabb Malti. Huma stqarrew li anki l-bibien ta’ din is-sezzjoni se jkunu dejjem miftuħa għall-partitarji Juventini Maltin.
Fi snin riċenti I-Juventus Club DOC Vero Amore (Malta 1975) għamel gemellaġġi anki mal-Juventus Club DOC Alcamo u mal-Juventus Club DOC Cercola. Dawn il-ġemellaġġi ġew miftiehma direttament fl-Italja mis-Segretarju Internazzjonali William Micallef u mill-President Joseph Fenech permezz ta’ bdil ta’ gadgets ma’ rappreżentanti tal-klabbs.
Fausto Rossi
Is-sena 2008 bdiet biż-żjara tat-tim Juventin kollu fil-klabb tagħna u ntemmet bi żjara oħra minn Turin, din id-darba minn talent żagħżugħ li kien jifforma parti mit-tim ‘Primavera’ ta’ Juventus: Fausto Rossi. Iż-żjara kienet sinifikattiva billi, apparti l-attivitajiet tas-soltu bħal-laqgħa mal-membri fil-klabb u l-ikla ad unur il-mistieden speċjali fil-lukanda Le Meridien, Fausto Rossi kellu anki l-opportunità li jferraħ lil xi tfal membri tal-klabb li huma inqas ixxurtjati. Fil-fatt hu mar fl-iskola St. Patrick’s biex jiltaqa’ ma’ dawn il-membri u qatta’ xi ħin jilgħab il-ballun magħhom. Ċertament li dawn it-tfal m’huma qatt se jinsew il-mument f’ħajjithom fejn lagħbu u qattgħu ftit tal-ħin fil-kumpanija ta’ plejer ta’ Juventus.
Tisbieħ u kumdità fis-sede
Sa mill-ewwel ġimgħat wara l-akkwist tas-sede f’Birkirkara, il-Kumitat ħadem qatigħ biex isebbaħ u jagħti xejra komda lill-kwartieri fejn jingabru l-membri. Saru xogħlijiet fis-sala ewlenija, liżar kbir għall-partiti, b’siġġijiet komdi u għadd kbir ta’ air-conditioners f’kull rokna tal-klabb.
Maż-żmien il-proċess ta’ titjib fil-klabb ra l-introduzzjoni ta’ Wi-fi free connection area għall-użu tal-membri u dawk li jiffrekwentaw il-klabb. Il-Kumitat ħaseb għal dan is-servizz biex mill-bar u mis-sala wieħed ikun jista’ jikkonnettja mal- internet mingħajr ħlas.
Il-ħajja tal-klabb iddur prinċipalment madwar il-partiti ta’Juventus u għaldaqstant il-Kumitati dejjem investew ħafna fi projectors u apparat televiziv bl-aqwa teknoloġija tal-mument. Apparat bħal dan jiswa ħafna flus u żgur li r-rinnovament ma setax iseħħ mingħajr l-għajnuna tal-isponsors.
Fuq bażi regolari sar ukoll ħafna xogħol ieħor ta’ manutenzjoni tas-sede tal-klabb biex anki l-binja tibqa’ fi stat tajjeb. Mal- milja tas-snin baqa’ ċentrali fil-ħidma tal-Kumitati x-xogħol kemm ta’ tiswija ta’ xi ħsarat li kien hemm, kif ukoll xogħol ieħor biex tingħata dehra moderna u isbaħ lill-klabb. Anki hawn, ix-xogħol kollu sar grazzi għall-isforz u għall-għajnuna ta’ membri tal-Kumitat u membri oħrajn tal-klabb li taw sehemhom mingħajr interessi.
Wieħed mix-xogħlijiet ewlenin fil-proċess ta’ tisbih u rinnovament tal-klabb kien mingħajr dubju l-ftuħ tas-sala Giovanni Agnelli, jiġifieri l-parti tas-sede li tilqa’ fi ħdanha s-segretarjat u l-board room fejn jiltaqa’ I-Kumitat. Il-ħtieġa ta’ din il-parti l-ġdida tas-sede kienet ilha tinħass sa minn meta l-kamra tal-Kumitat maġenb is-sala nbidlet fi smoking room skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar it-tipjip fil- pubbliku. Għal perjodu qasir is-segretarjat mexa għal kamra fuq il-bejt, imma kien ovvju li din il-kamra ma kinitx tissodisfa l-ħtiġijiet tal-membri. Għaldaqstant il-Kumitat fl-2007 laħaq ftehim mas-sidien tas-sede biex jikseb bil-kera garaxx taħt is- sala tal-klabb. Il-garaxx fl-antik kien ħanut tal-merċa, imma għal żmien twil kien safa’ magħluq.
Ix-xogħol ta’ rinnovament tal-garaxx ġie fdat f’idejn Joseph Fenech u Pierre Galea. Huma ħadmu biex il-garaxx żdingat seta’ jinbidel f’uffiċini u board room mill-aktar moderni, sbieħ u professjonali kif jixraq lill-klabb tagħna. Strumentali f’dan is- sens kienu bħal dejjem l-isponsors u l-ħidma volontarja ta’ xi membri tal-klabb, b’mod partikolari Gino Sciberras u Saviour Desira. F’temp ta’ ftit xhur ix-xogħol tlesta u sal-ġurnata ta’ llum il-membri u l-mistednin speċjali tal-klabb għadhom igawdu l-frott ta’ dan ix-xogħol.
Fi snin aktar riċenti kien hemm xogħol ieħor ta’ rinnovament u tisbiħ tal-area tal-bar li tinkludi t-toilets u l-kamra riservata għal min ipejjep. F’din il-parti tal-klabb il-membri jqattgħu I-aktar ħin u allura I-Kumitati li mexxew il-klabb minn dejjem tawha aktar importanza. Għal darb’oħra Joseph Fenech kien stumentali fid-direzzjoni tax-xogħlijiet li, malli tlestew, dehru li laqtu l-gosti tal-Juventini Maltin.
Il-proċess ta’ tisbiħ tal-area tal-bar hu kontinwu, tant li fi żminijiet riċenti żdied liżar kbir ieħor fil-bar li jikkumplimenta s-sistema awdjo-video ferm teknoloġika li biha hu mgħammar il-klabb. Twaħħlu wkoll CCTV cameras barra s-sede u barra biex jiġi protett il-post u min jiffrekwentah. Dan kollu jixhed I-impenn kbir tal-Kumitat Eżekuttiv biex kontinwament itejjeb is-servizz offrut lill-membri u fl-istess ħin iżomm is-sede fl- aqwa kundizzjoni.
Fl-aħħarnett nixtiequ nsemmu li bl-għan li l-membri jkunu moqdija minn kull lat, infetaħ anki souvenir shop li fih jinbiegħu flokkijiet u memorabilja ta’ Juventus. Fil-bidu kien sempliċi vetrina eżatt malli wieħed jitla’ t-taraġ. Maż-żmien is-souvenir shop tant kiber li sar jokkupa l-ispazju tal-entrata tal-klabb b’kamra tal-alluminju minn fejn il-partitarji jistgħu jixtru l-prodotti uffiċjali ta’ Juventus.
… ikompli
- partijiet preċedenti