La Juve siamo noi. Ħaqqna rispett u mhux iktar dardir!by Aleandro Bartolo
M’hemmx għalfejn ngħidu li l-aħbar tal-ikla jew festa fir-residenza ta’ McKennie kienet daqqa ta’ ħarta oħra għas-supporters Juventin fi staġun tassew tqil u fastidjuż. Iċ-ċiklu wasal fi tmiemu u bħalma jiġri f’każijiet bħal dawn, it-tim kollu qed jintelaq. Dis-sena rarissimu rajna partita tat-tim tal-qalb tagħna u ħadna verament gost. Nemmen li ħafna plejers ma tawx l-almu tagħhom. Rajna ħafna partiti mitlufa minħabba żbalji stupidi li llum lanqas it-tfal fin-nurseries m’għandhom jagħmlu. Ma tistax tirbaħ tajjeb. Dan hu fatt li qatt ma ċħadna. Li ma nistgħux inġerrħu iktar hu l-atteġġament tal-plejers ġewwa u barra l-grawnd. Ħalli titlef, imma f’ġieħ kemm hemm għandna kull dritt nitolbu li l-plejers jitfgħu qalbhom fil-grawnd. Għandna d-dritt nitolbu li l-plejers jilagħbu għall-flokk. Għandna d-dritt nitolbu li barra l-grawnd il-plejers iġibu ruħhom b’mod diċenti. Kulħadd hu liberu li jagħmel li jrid fil-ħajja privata tiegħu, imma hemm limitu għal kollox. Li tliet plejers jiddeċiedu li jinġabru ma’ nies oħra (10 jew 20, min jaf kemm kienu) għal ikla sa tard billejl meta fl-Italja hemm curfew hi ħaġa inaċċettabbli. Hemm rapporti li għal din l-ikla/festa xi xhieda raw taxis bi tfajliet deħlin fir-residenza ta’ McKennie. Hemm stejjer li McKennie għal siegħa sħiħa ma ħalliex lil Carabinieri jidħlu fid-dar tiegħu. ksur ta’ liġi sfaċċat u ripetut. Dan kollu hu tal-mistħija, speċjalment meta wieħed iqis li partijiet kbar tal-Italja u tad-dinja ilhom iktar minn sena b’restrizzjonijiet kbar minħabba l-imxija tal-Covid. Il-qżież m’hemmx iktar postu ma’ Juventus! It-tim li rridu nibdew nibnu s-sena d-dieħla jrid ikun ibbażat mhux biss fuq it-talent imma anki fuq l-imħabba li l-plejers għandhom lejn it-tim. Li fil-ġimagħtejn ta’ wara t-telfa umiljanti kontra Benevento plejer bħal Dybala jdarras lis-supporters l-ewwel b’filmat fuq Instagram fejn jidher jikkummiedja mal-partner tiegħu u wara jinqabad f’din l-ikla/festa hi ħaġa tal-mistħija! Jien wieħed minn dawk li lil Dybala nħobbu immens u nemmen li dan l-istaġun morna ħażin anki għax ma kienx hemm hu fil-grawnd. Biss issa nqabeż kull limitu u ma naħsibx li qed juri li Juventus għadhom prijorità għalih. Moħħu iktar fil-ħajja privata u Juventus jixirqilhom aħjar minn hekk!!
Matthew Scerri