Lukaku se jilgħab għax hekk irid Gravinaby Matthew Scerri
Romelu Lukaku se jilgħab xorta waħda kontra Juventus għax hekk iddeċieda Gravina. Il-President tal-Federazzjoni ġie jaqa’ u jqum mill-fatt li ġustizzja sportiva kkonfermat anki l-appell li Lukaku kellu jkun sospiż għal partita. Tah il-maħfra għax irid bellagħha lil kulħadd li hekk tiġġieled ir-razziżmu. Fil-passat, imma, meta Kean kien ġralu l-istess kontra Cagliari ħadd ma kien neħħilu l-karta safra. Dis-sena stess kontra Spezia Kostic safa vittma ta’ tgħajjir razzist imma kulħadd għalaq għajnejh għax hekk kien konvenjenti. Tafu li aħna kontra r-razziżmu… imma kontra r-razziżmu dejjem mhux meta jaqblilna biss! Il-Federazzjoni xebgħet timxi mod magħna u mod ma’ ħaddieħor. Li kieku Lukaku ma keċċiex kontrina u kieku ma jmisshomx jilagħbu kontrina, kieku żgur Gravina ma kienx jaħfriha lil Lukaku. Ma twelidniex ilbieraħ!
L-iktar ħaġa inkredibbli f’din l-istorja hi li Inter irnexxilhom jgħaddu l-ħrafa tagħhom li dak kollu li nqala’ fi tmiem Juventus-Inter kien frott ir-razziżmu. Il-verita’ nafu x’inhi. Sal-35 minuta tat-tieni taqsima ħadd ma kien għajjar lil Lukaku. It-tgħajjir stupidu beda wara dik id-daħla jerga fejn kellu jitkeċċa (tiftakru l-qrid dwar il-karta safra ta’ Pjanic?!). Skurja minn penalty li ma kienx. Wara l-gowl mar jipprovoka lis-supporters tagħna u kif jitlob ir-regolament ġie muri karta safra. Imbagħad beda it-teatrin tiegħu: sfida lil Cuadrado għall-ġlied. Handanovic saħansitra ta daqqa lil Cuadrado. Hemm filmati li jixhdu dan. Imma ovvjament l-aqwa, li tgħaddi dejjem li Inter huma l-onesti ppersegwitati u aħna l-ħallelin. Sitwazzjoni tat-tqalligħ! Il-ġustizzja li ħafna qed jgħidu li saret hi biss wieħed mill-ħafna episodji ta’ inġustizzji li jsofru Juventus.
Matthew Scerri