Manovra stipendi. X’ġara dil-ġimgħaby Matthew Scerri
Għall-kuntrarju ta’ dak li forsi qed jaħsbu ħafna, dil-ġimgħa l-Procuratore Federale Chine’ ma ddeċidiex li jiftaħ kawża kontra Juventus quddiem il-Ġustizzja Sportiva. Hu għarraf lil Juventus u lil eks uffiċċjali tagħha li għalaq l-investigazzjoni tiegħu dwar il-manovra stipendi, il-partnership ma’ klabbs oħra u r-rapporti tal-klabb ma’ xi aġenti. Fit-tliet każijiet hu qed jikkuntesta l-ksur tal-lealta’ sportiva (l-Artiklu 4 tal-Kodiċi tal-Ġustizzja Sportiva).
Juventus għandhom ħmistax-il ġurnata biex iressqu memorja difensiva tagħhom dwar dan kollu li qed ikun ikkuntestat lilhom. Chine’ mbagħad ikollu tletin ġurnata biex jiddeċiedi għandux jiftaħ kawża kontra Juventus quddiem il-Ġustizzja Sportiva, liema kawża tibda minnufih u l-ewwel seduta tkun skedata f’temp ta’ għaxart ijiem minn meta Chine’ jiftaħ il-kawża.
Ovvjament Chine’ jista’ ma jiftaħx il-kawża jekk ikun hemm risposta b’saħħitha fil-memorja difensiva ta’ Juventus.
Juventus ħarġu stqarrija li fiha kitbu li huma mxew mal-proċeduri ta’ accounting system internazzjonali. Nafu, imma, kif taħdem il-Ġustizzja Sportiva li ma tagħti lil ħadd l-opportunita’ li jiddibatti u jiddefendi ruħu sew waqt is-seduti. Minħabba f’hekk qed jissemma ħafna li Juventus se jkun qed jitolbu patteġġament. Jekk dan se jkun il-każ, tajjeb ngħidu li jekk it-talba għall-patteġġament issir qabel tibda l-kawża, Juventus ikunu intitolati għal skont ta’ nofs il-piena. Mill-banda l-oħra jekk it-talba għall-patteġġament titressaq wara li tibda l-kawża, Juventus jieħdu biss skont ta’ terz tal-piena.
Punti finali: jekk il-kawża verament tinfetaħ u tilħaq tintemm qabel it-30 ta’ Ġunju, il-piena tkun tgħodd f’dan l-istaġun. Imma jekk tinqabeż did-data, allura l-piena tidħol fis-seħħ fl-istaġun li jmiss.
Matthew Scerri