Ngħiduha kif inhi: ma setax jibqa’ kollox kif kien!by Aleandro Bartolo
Ikolli nammetti li llum inħossni qed ngħix ġurnata storika li se tibdel il-kors tal-istorja, xi ftit jew wisq bħal meta ħarġet is-sentenza Bosman. Il-European Super League saret realtà wara li ilna snin nisimgħu dwarha. Kif kien mistenni l-ħolqien tal-European Super League kien qisu terremot li ħasad lil ħafna u qanqal reazzjonijiet ta’ kull tip.
Min-naħa tiegħu jkolli ngħid li jien favur dal-proġett u se nispjega r-raġunijiet li jwassluni nikkonkludi li s-Super League hi ta’ ġid.
Nibda biex ngħid li l-idea kemxejn ‘romantika’ ta’ futbol tal-fqar minflok tas-sinjuri, ta’ futbol fejn iż-żgħir jikkompeti fuq l-istess livell mal-kbir, hi idea mqtugħa mir-realtà. Il-futbol ilu business għal snin twil u dawn narawh f’kull livell, inkluż fost l-hekk imsejħa dilettanti. Jekk hawn min jaħseb li fin-nurseries jew anki fl-iskejjel tal-futbol l-iskop mhuwiex wieħed ta’ flus, sejjer żball bil-kbir. Semmai hu iktar realistiku li ngħidu li l-klabbs il-kbar għal għexieren ta’ snin taw l-opportunità lill-klabbs iż-żgħar li jibqgħu jeżistu u jagħmlu l-business tagħhom.
Jekk inħarsu lejn l-istampa sħiħa ta’ dak li ġara tard ilbieraħ insibu li bil-ħolqien tas-Super League, il-klabbs il-kbar tal-Ewropa għażlu li jimxu fid-direzzjoni tal-business sportiv Amerikan. Għażla elitista, vera, però għażla li kellha tittieħed għax il-klabbs il-kbar huma kollha midjunin u ma jistgħux jibqgħu għaddejjin b’dak li tgħaddilhom l-Uefa. Barcellona, biex insemmu klabb wieħed biss, għandhom iktar minn biljun Ewro f’dejn. Juventus għandhom erba’ mitt miljun dejn. It-timijiet l-oħra kollha għandhom dejn ikbar minn dak ta’ Juventus. Djun kbar li ma jistgħux jitħallsu jekk kollox jibqa’ kif kien fl-aħħar snin. Il-klabbs għażlu għalhekk li jieħdu d’idejhom it-tmexxija tal-finanzi li huma stess jiġġeneraw flok iħallu lill-Uefa ddaħħal dawn il-flus kollha u tagħti lura parti sostanzjalment żgħira minnhom.
Dwar l-Uefa hemm ħafna xi ngħidu. Li l-Uefa tiġi titkellem illum fuq valuri u prinċipji hi kemxejn ħaġa ridikolia Irridu nagħlqu għajnejna u nagħmluha tabirruħna li fl-aħħar snin kollox mexa sew? Irridu taparsi ma nindunawx li taħt ħafna aspetti kien hemm timijiet minn pajjiż wieħed li ġew dejjem iffavuriti fuq l-oħrajn? Il-verita’ hi li l-uffiċċjali tal-Uefa jqassmu għall-finijiet politiċi tagħhom il-flus li jiġġeneraw il-klabbs il-kbar. Huma jeħtieġu l-voti biex ikunu kkonfermati fil-karigi tagħhom u allura jwegħdu l-flus lill-‘fqar’ biex jiksbu l-voti tagħhom. Din mhix għajnuna, mhix karità, mhix ġustizzja jew tqassim ġust ta’ riżorsi. Din tissejjaħ lobbying!
Hemm ħafna x’wieħed jgħid anki dwar l-FIGC u l-Lega Calcio. Il-komportament tagħhom kien dejjem ġust? Jew fil-verità ilna snin taħt id-dittatura ta’ Lotito u De Laurentis? Fejn kienu t-timijiet li llum qed jitolbu li jkunu mħarsa l-valuri tal-isport meta ġiet ivvintata Calciopoli biex jinqered tim? U tħarsu l-valuri tal-isport meta Lazio lagħbu bi plejer pożittiv għall-Covid-19 bla ma ngħataw telfa walk-over? Tħarsu l-valuri tal-isports meta Napoli nstabu ħatja li għamlu pressjoni fuq l-awtoritajiet tas-saħħa biex ikollhom skuża ħalli ma jinżlux għal-logħob kontra Juventus (bit-teatrin tal-Appell, imbagħad, fejn il-Federazzjoni ma bagħtitx id-dokumenti tal-każ u hekk Napoli rebħu l-appell)? Dawn li qed jgħajru lil Juventus, Inter u Milan, qegħdin verament jiddefendu l-valuri tal-isports jew huma rrabjati li tħallew barra? Hi kritika ġenwina jew sempliċiment maħruqin li mhux se jkomplu jpappuha fuq dahar it-tlieta l-kbar?
Ejjew inkunu onesti: il-futbol hu business u bħal f’kull business ieħor kulħadd għandu d-dritt li jagħmel l-interessi tiegħu. L-affarijiet kif kienu sal-bieraħ m’għadhomx jagħmlu wisq sens. Konna qegħdin f’xifer irdum b’ħafna klabbs qrib li jfallu. Is-Super League probabbli kienet l-uniku mod biex il-futbol ta’ ċertu livell jibqa’ jeżisti. Iż-‘żgħir’ illum irid jaqdef ftit iktar waħdu imma finalment ħadd ma jista’ jgħid jekk hux se jkun qabillu hekk ukoll!
Matthew Scerri