It-Tim Juventin Matul iż-Żminijiet
– Iswed u Abjad (is-tminn parti)
- ikompli mis-sebá parti
Kapitlu 5
Juventus 1975-2015
L-istorja ta’ Supporters Club inevitabbilment tintiseġ u timxi b’mod parallel ma’ dik tat-tim li dak il-klabb ikun jappoġġja. Kif rajna tul il-ktieb kollu hemm rabtiet profondi bejn il-ħajja tal-klabb u dak li kien qed jiġri fi ħdan it-tim. Qatt ma konna baħħara tal-bnazzi, anzi dejjem tajna l-appoġġ sħiħ f’kull mument u okkażjoni. Imma hu ovvju li, bħal kollox fil-ħajja, anki I-klabb tagħna għadda minn mumenti sbieħ u oħrajn koroh, u hu tassew interessanti li dan kollu kellu relazzjoni mill- qrib ma’ dak li kien qed iseħħ fit-tim Juventin. Għaldaqstant se nwasslulkom hawnhekk ftit tagħrif dwar it-tim Juventin fl- aħħar erbgħin sena, mingħajr ma nidħlu f’wisq dettall.
Tim mimli storja u faxxinu
Imwaqqaf fl-1897, il-klabb Juventin sa mis-snin tat-twaqqif tiegħu ħalla impatt fil-futbol Taljan u beda jikteb paġni mill- isbaħ li jagħmlu unur lil dawk kollu li b’xi mod jew ieħor kienu protagonisti ta’ din l-istorja Bianconera fil-grawnd u barra.
Konna u għadna sal-ġurnata ta’ llum l-uniku klabb Taljan li qatt rebaħ ħames kampjonati konsekuttivi fil-grawnd f’perjodu ta’ ħames snin (1930-35). F’kull epoka t-tim kien imżewwaq bi stilel ta’ fama mondjali. Juventus kienu anki l-ewwel klabb fl-Italja li kellhom plejers professjonali li jitħallsu biex jilagħbu. Il-familja Agnelli ħadmet bla waqfien biex il-klabb ikollu struttura amministrattiva mill-aktar moderna u nistgħu ngħidu li mil-lat amministrattiv żgur li dejjem wasalna qabel ħaddieħor f’diversi oqsma.
Is-snin Sebgħin raw lil Juventus protagonisti fl-Italja bir-rebħ tal-kampjonati kif kien fit-tradizzjoni tagħhom. Fl-1975 il- kowċ ta’ Juventus kien l-ex-plejer Carlo Parola li jibqa’ famuż fl-istorja tal-futbol Taljan għar-rovexxata li fuq ir-ritratt tagħha nhadem il-logo tal-istickers tal-Panini. Fl-1976, imbagħad, seħħet rivoluzzjoni kbira li ħalliet l-effett tagħha fid-dinja kollha. Il-President Boniperti ħatar lil Giovanni Trapattoni kowċ ta’ Juventus, kariga li dan tal-aħħar żamm għal għaxar snin sħaħ sal-1986 f’perjodu ta’ glorja assoluta meta Juventus rebħu l-kompetizzjonijiet kollha riservati għall-klabbs fl- Ewropa u fid-dinja.
Fl-ewwel sena tiegħu Trapattoni ma talabx rivoluzzjonijiet fit-tim. Bena tim li kien taħlita ta’ plejers ta’ esperjenza (Benetti u Boninsegna kienu l-akkwisti li ried Trapattoni) u talenti żgħażagħ (Scirea, Tardelli, Cuccureddu, Gentile u Cabrini). Kien żmien meta l-klabbs ma setgħux jirreġistraw plejers barranin u kollox kien fdat f’idejn it-Taljani. Nies bħal Zoff, Bettega u Furino kienu r-ruh tat-tim għall-importanza li kellhom fil-ground u barra biex jibnu rabtiet qawwija bejn il- plejers u jkun hemm it-team work tant meħtieġ biex jinkisbu r-riżultati. Is-suċċessi waslu mill-ewwel u l-istaġun 1976/77 ra lill-Bianconeri joħorġu rebbieħa fit-taqtigħa ma’ Torino għall- iscudetto (il-famużi 51 punt li għal żmien twil kienu rekord ta’ punti miksuba minn tim Taljan fis-Serie A). Fl-istess ħin Juventus waslu għall-unur fl-Ewropa: it-Tazza UEFA.
Hekk bdiet I-era ta’ Trapattoni, epoka li matulha kif għidna Juventus iddominaw fl-Italja (sitt kampjonati mirbuħa f’għaxar snin u Coppa Italia) u fl-Ewropa (it-tazzi kollha mirbuħa, inkluża t-Tazza Interkontinentali li għamlitna champions tad-dinja). Hemm wisq xi tgħid dwar dak it-tim formidabbli magħmul minn plejers Taljani u ftit stilel barranin bħal Liam Brady, Michel Platini, Zibi Boniek u Michael Laudrup (fis-Snin Tmenin il-klabbs Taljani setgħu jibdew jirreġistraw anki l-barranin).
Bosta plejers Taljani ta’ Juventus kienu jiffurmaw parti mit-tim nazzjonali li fl-1982 rebaħ it-Tazza tad-Dinja. Nies bħal Cabrini, Tardelli, Scirea, Gentile, Causio, Bettega, Rossi u ħafna oħrajn li libsu l-flokk Juventin f’dawk is-snin kienu fost l-aqwa plejers fid-dinja. Magħhom kien hemm ġenju tal-futbol, Michel Platini, rebbieħ ta’ tliet Blalen tad-Deheb konsekuttivi 1983/84/85. Onestament meta nħarsu lura jissorprendina dan it-tim għal dak kollu li rebaħ u jissorprendina aktar għal dak li seta’ jirbaħ fl-Ewropa u li ħarablu minn idejh fil-partita finali tat-Tazza taċ-Champions li tilef f’Ateni kontra Hamburg.
Kull bidu għandu tmiem, u anki l-era ta’ Trapattoni wara għaxar snin kellha l-epilogu tagħha. Wara s-sena trijonfali tal-1985 meta rbaħna s-Super Cup tal-Ewropa, it-Tazza taċ- Champions u t-Tazza Interkontinentali, Trapattoni beda jħoss li ċ-ċiklu tiegħu ma’ Juventus kien riesaq lejn tmiemu u ipprefera jwarrab sakemm it-tim kien għadu fil-glorja. II- plejers li ffurmaw dak it-tim formidabbli kienu qed jikbru u kienu resqin lejn l-aħħar fażi tal-karriera tagħhom. Kienu qed jonqsu l-motivazzjonijiet f’tim li rebaħ kollox u bdiet tinħass il- ħtieġa ta’ demm ġdid. L-istaġun 1985/86 kien l-aħħar wieħed bi Trapattoni bħala kowċ. Sellmilna bħal dejjem bil-kisba ta’ rebħiet: l-iscudetto u t-Tazza Interkontinentali. Sena biss wara kellna lil Platini jirtira mill-futbol u minn dak il-mument bdew disa’ snin fjakki għal Juventus.
Fid-disa’ snin bejn l-1986 u l-1995, Juventus qatt ma kienu tassew kompetittivi u naqsu milli jiġġieldu għar-rebħ tal- kampjonat. Ix-xena ġiet misruqa minn Milan li kellhom tim stellari u d-distakk bejn il-Bianconeri u r-Rossoneri kien tassew qawwi. Fl-1990 Juventus ippruvaw jagħtu direzzjoni ġdida lit-tim b’ Gigi Maifredi bħala kowć u l-akkwisti ta’ diversi plejers importanti, fosthom Roberto Baggio li kellu jifforma I-attakk ma’ Toto Schillaci u Pierluigi Casiraghi. Kien hemm stennija kbira għal dak it-tim u kulħadd kien qed jittama li jaslu r-riżultati, imma minflok kellna waħda mill-agħar snin fl-istorja ta’ Juventus. Ir-rivoluzzjoni kienet falliet u malajr Juventus marru lura għal bniedem tal-imgħoddi: Giovanni Trapattoni. Imma din id-darba Trapattoni ma rnexxilux jirbaħ wisq. F’dawn id-disa’ snin Juventus rebħu biss Coppa Italia u darbtejn it-Tazza UEFA, minkejja investimenti qawwija fi plejers bħal Baggio, Vialli, Möller, Kohler u oħrajn.
Ir-ritorn għar-rebħ beda fl-1994 bil-ħatra ta’ Moggi–Giraudo–Bettega biex imexxu l-istruttura amministrattiva u sportiva ta’ Juventus FC. Huma ġabu magħhom lil Marcello Lippi bħala kowċ. II-klabb ma kellux wisq flus x’jinvesti fil-mercato, imma xorta waħda Moggi ħadem bil-għaqal u rnexxielu jixtri nies bħal Ciro Ferrara, Paulo Sousa u Didier Deschamps. Id-distakk tekniku ma’ Milan kien jidher li għadu qawwi, imma Lippi rnexxielu jittrasmetti lit-tim mentalità rebbieħa. Vialli, Conte, Torricelli, Carrera, Di Livio u l-plejers l-oħra li kienu diġà fit-tim fis-snin ta’ qabel, issa dehru li saru plejers għal kollox ġodda. Juventus kienu jilagħbu futbol offensiv u spettakolari bl-attakk ikun kompost minn Baggio, Vialli u Ravanelli. Ma’ dawn żdied it-talent ta’ Alessandro Del Piero li proprju f’dik is-sena beda jilgħab regolarment fl-ewwel tim ta’ Juventus.
Kontra kull pronostiku Juventus reġgħu lura għar-rebħ billi kisbu l-iscudetto u l-Coppa Italia fl-ewwel staġun tal-era Lippi.
F’dik l-istess sena t-tim irnexxielu jasal sal-finali tat-Tazza UEFA, imma tilef kontra Parma.
L-era Lippi rat lil Juventus jagħmlu l-istess kisbiet fix-xena nazzjonali u internazzjonali tal-epoka meta l-iskwadra kienet immexxija minn Trapattoni. L-abbiltà tad-dirigenti kienet mifruxa f’kull qasam tat-tmexxija amministrattiva u sportiva. Minħabba kriżi finanzjarja li laqtet lill-klabb, kull sena kellha tinbiegħ xi stilla tat-tim u minflokha jinġieb jew isir użu minn xi talent żagħżugħ li kellu t-tim. Hekk, ngħidu aħna, fl-1995 inbigħ Roberto Baggio u Juventus ibbażaw it-tim fuq Del Piero. Snin wara ġie akkwistat Zinedine Zidane mingħand Bordeaux għal seba’ miljun euro. Zidane ma kienx għadu plejer famuż u kien hemm min kien qed jaħseb li Juventus żbaljaw meta ħaduh. Imma l-grawnd wera li Juventus għamlu l-għażla t-tajba tant li Zidane ftit snin wara rebaħ il-Ballun tad- Deheb u nbiegħ lil Real Madrid għas-somma fenomenali ta’ 75 miljun euro. Anki f’din l-okkażjoni Juventus biegħu l-istilla tat- tim u investew il-flus fl-akkwisti ta’ Buffon, Thuram u Nedved, bil-grawnd jagħtihom raġun għax saru kemm saru bidliet ta’ plejers, it-tim qatt ma waqaf jirbaħ. F’dawk is-snin rajna ma’ Juventus lil Vieri, Davids, Inzaghi, Montero, Pessotto, u aktar tard lil Zambrotta, Trezeguet, Cannavaro, Ibrahimovic, Vieira, Camoranesi, Emerson u ħafna oħrajn.
Fl-erba’ snin bejn l-1995 u l-1998, Juventus lagħbu erba’ finali tal-kompetizzjonijiet Ewropej: darba l-finali tat-Tazza UEFA u tliet darbiet il-finali taċ-Champions League. U erġajna sirna champions tad-dinja bir-rebħ tat-Tazza Interkontinentali. Hi tassew ħasra li dak it-tim Juventin formidabbli tilef ħafna finali tat-tazzi għax mingħajr ebda dubju kien l-aqwa tim fl- Ewropa u kien ħaqqu jirbaħ iċ-Champions League darbtejn oħra. Flimkien mar-riżultati sportivi kellna anki tmexxija amministrattiva mill-aqwa. It-tim kien jattira ħafna sponsors u Bettega, Giraudo u Moggi bdew joħolmu li Juventus jibnu stadium tagħhom. Kollox kien sejjer tajjeb f’dawk is-snin għajr għal ħaġa waħda: il-mewt ta’ Andrea Fortunato li xxukkjat lil kulħadd u qanqlet fil-partitarji sens kbir ta’ dieqa għal ġuvni li ħalla din id-dinja minħabba kumplikazzjonijiet marbuta mal- marda kiefra tal-lukiemja.
L-istess bħalma ġara lil Trapattoni, anki Lippi wara li rebaħ kollox beda jħoss li kien wasal iż-żmien li jitlaq lil Juventus u jibda avventura oħra x’imkien ieħor. Lippi ried jieħu f’idejh it-tmexxija ta’ Inter u fil-bidu tal-istaġun 1998/99 ftihem man-Neroazzurri li kien sejjer magħhom malli jiskadilu I-kuntratt ma’ Juventus fi tmiem dak l-istess staġun. L-aħbar saret magħrufa u ħarbtet mhux ftit lit-tim. Ir-riżultati bdew ikunu fjakki u Lippi tilef ir-riedni tal-iskwadra, tant li f’ċertu punt ma kellux triq oħra għajr li jirriżenja. Floku nħatar Ancelotti li ħadem tajjeb u f’sentejn mar qrib li jirbaħ żewġ kampjonati. Ix-xorti imma ma kenitx miegħu (u forsi mhux ix-xorti biss għax ma rridux ninsew x’gara fil-mishut Ħadd tal-partita kontra Perugia meta Juventus tilfu l-kampjonat wara li kellhom jilagħbu fi grawnd mgħarraq bl-ilma tax-xita). Bażikament tlifna żewġ kampjonati fl-aħħar ġurnata. Morna qrib ħafna li nsiru champions tal-Italja, imma dan ma kienx biżżejjed biex Juventus jikkonfermaw lil Ancelotti bħala kowċ. Ma kienx rebaħ u allura daret il-folja. It-tim kien mill-ġdid fdat f’idejn Marcello Lippi.
It-tieni epoka ta’ Lippi ma’ Juventus hi waħda rikka daqs I-ewwel waħda. Bdejna bir-rebħ tal-kampjonat meta kontra kull pronostku, fil-famuż “5 maggio“, qbiżna lil Inter fl-aħħar ġurnata tal-kampjonat. Bl-istess mod li Ancelotti kien tilef I-iscudetti fl-aħħar ġurnata, hekk dak il-kampjonat intrebaħ fl-aħħar partita. Sena biss wara, Juventus waslu sal-finali taċ- Champions, imma din id-darba Lippi ma irrepetix is-suċċess tal-1996. Fl-Old Trafford ta’ Manchester il-penalties ċaħduna minn rebħa mistħoqqa.
Mitmum it-tieni ċiklu ta’ Lippi, postu ttieħed minn ħadd ħlief Fabio Capello. L-għażla ta’ Capello saret minn Umberto Agnelli ftit qabel miet. Hu kien għażel suċċessur possibbli għal Lippi u fil-verità t-tim kompla jirbaħ fl-Italja. Capello kellu skwadra qawwija b’Nedved, Emerson, Cannavaro, Ibrahimovic, Zambrotta, Vieira, Camoranesi, Thuram, Trezeguet u Del Piero. Imma dak it-tim naqas milli jimpressjona fl-Ewropa fejn ir-riżultati kienu pjuttost deludenti.
Ix-xogħol ta’ Capello waqaf ħesrem fl-2006 meta faqqa’ l-iskandlu ta’ Calciopoli u Juventus sfaw relegati fis-Serie B. Minn hemm beda l-kalvarju ta’ Juventus li kellu jdum bosta snin. Ir-ritorn fis-Serie A kien immedjat, imma t-tim ma kienx attrezzat biex jirbaħ l-iscudetto. Inxtraw ħafna plejers mhux ta’ livell: Andrade, Felipe Melo, Diego, Thiago u Amauri, biex insemmu biss l-aktar każi magħrufa. Kienu snin li fihom konna naraw lil Juventus megħluba u spiss umiljati fil- logħob minn timijiet żgħar. Kemm-il darba sfajna barra mill- kompetizzjonijiet Ewropej.
Il-folja reġgħet nqalbet hekk kif mill-2011 Antonio Conte ħa f’idejh it-tmexxija tat-tim. Hu ħadem ħafna fuq il-mentalità tal-plejers u nissel fihom l-għatx għar-rebħ. F’daqqa waħda, fil-“Juventus Stadium” dehret skwadra l-oppost ta’ dik tas-snin post-calciopoli. Buffon, Barzagli, Bonucci, Chiellini, Marchisio, Pirlo, Vidal, Pepe, Vucinic u Del Piero, flimkien mal-bqija tal- iskwadra bdew jilagħbu futbol mill-isbaħ. Ix-xogħol ta’ Conte ssarraf mill-ewwel fi scudetto u f’finali tal-Coppa Italia (mitlufa kontra Napoli). Fis-snin ta’ wara żdiedu fit-tim nies bħal Pogba, Asamoah, Tevez, Giovinco u Llorente. Dawn komplew fuq ix-xogħol tal-ewwel sena u l-Juventus ta’ Conte spiċċat rebħet tliet kampjonati konsekuttivi bejn l-2012 u l-2014. Ma’ dawn it-tlieta żdied anki r-raba’ kampjonat fl-2015, imma din id-darba t-tim kien immexxi minn Massimiliano Allegri wara li Conte għażel li jitlaq minn idu t-tmexxija tat-tim. Fuq dan l-aħħar kampjonat se nitkellmu aktar fid-dettall fis-sezzjoni konklużiva ta’ dan il-kapitlu.
Rebbieħa tat-tazzi kollha tal-Ewropa
Juventus kienu l-ewwel tim li qatt rebaħ il-kompetizzjoniji Ewropea kollha għall-klabbs. Huma tassew ftit il-klabbs fid- dinja li jistgħu jiftaħru li għandhom it-tazzi kollha fil-mużew tagħhom. Interessanti li sal-1975 Juventus ma kienu għadhom għollew ebda tazza fl-Ewropa. Kienu waslu sal-finali tat-Tazza tal-Fieri fl-1965 u fl-1971 imma tilfuhom it-tnejn kontra Ferencvaros u Leeds United rispettivament. Fl-1973 Juventus b’sorpriża waslu sal-finali tat-Tazza taċ-Champions imma kellhom ibaxxu rashom quddiem il-qawwa ta’ Ajax. F’dik l-istess sena I-Bianconeri lagħbu fil-finali tat-Tazza Interkontinentali u għal darb’oħra ħarġu telliefa bl-iskor ta’ 1-0 kontra Independiente.
L-ewwel unur fl-Ewropa wasal fl-1977, sentejn wara t-twaqqif tal-klabb tagħna. It-tim kien immexxi għall-ewwel darba minn Giovanni Trapattoni u apparti li rnexxielu jirbaħ it-taqtigħa ma’ Torino fil-kampjonat, b’xorti tajba wasal ukoll sal-finali tat- Tazza UEFA. L-avversarji kienu Athletic Bilbao u l-finali kienet tintlagħab fuq żewġ partiti. L-ewwel waħda saret f’Turin bit- tim ta’ Trapattoni joħroġ rebbieħ bl-iskor ta’ 1-0, gowl ta’ Tardelli. Fil-partita ta’ ritorn fi Spanja, Juventus marru mill- ewwel fil-vantaġġ hekk kif Bettega sab ix-xibka b’daqqa ta’ ras. Immedjatament kien hemm reazzjoni qawwija mit-tim Spanjol li qaleb l-iskor favurih u rebaħ il-konfront bl-iskor ta’ 2-1. II-Bianconeri rebħu t-tazza bil-gowls away. Ta’ min isemmi li din kienet l-unika darba fl-istorja tal-kompetizzjonijiet Ewropej li t-tazza ntrebħet minn tim magħmul kompletament minn plejers Taljani.
Fl-1983 l-iskwadra fenomenali ta’ Juventus magħmula minn sitt plejers li rebħu t-Tazza tad-Dinja mal-Italja, flimkien ma’ Platini, Boniek u stilel oħra, kellha mixja trijonfali fit-Tazza taċ-Champions u għaxar snin wara l-finali kontra Ajax, il- Bianconeri kisbu d-dritt li jerġgħu jilagħbu l-finali. L-avversarji din id-darba kienu Hamburg, avversarji pjuttost modesti li ma setgħux ilaħħqu mal-qawwa tat-tim ta’ Trapattoni. Kulħadd kien qed ibassar ir-rebħ tat-tazza min-naħa ta’ Juventus. Ix- xorti riedet iżda li, kontra kull stennija, Hamburg marru fil- vantaġġ b’xutt ta’ Felix Magath minn barra l-kaxxa u l-plejers Bianconeri ma kellhomx is-saħħa jqumu fuq saqajhom biex idawru r-riżultat favurihom. Waslet għaldaqstant it-tieni telfa fil-finali tat-Tazza taċ-Champions.
Sena biss wara, Juventus rebħu t-tieni unur fl-Ewropa. Din id-darba kien imiss lit-Tazza tat-Tazzi. Il-mixja ta’ Juventus fil- kompetizzjoni reġgħet kienet bla rażan. Fil-finali sibna lil Porto bħala avversarji. Vignola fetaħ l-iskor b’azzjoni personali mill- isbaħ wara li rċieva l-ballun fit-tliet kwarti tal-grawnd, qabeż żewġ avversarji u xxuttja b’mod angulat minn barra l-kaxxa. Porto rnexxielhom jagħmlu l-iskor indaqs, imma mbagħad kien Boniek li ffirma l-gowl tar-rebħa meta rċieva I-ballun fil- kaxxa, niżżlu b’sidru u għeleb lill-goalkeeper avversarju b’xutt fil-baxx.
II-kisba tat-Tazza tat-Tazzi fethet it-triq għall-ewwel Super Cup tal-Ewropa li Juventus qatt lagħbu. Il-Bianconeri affrontaw lir- rebbieħa tat-Tazza taċ-Champions, Liverpool. Dakinhar tal- partita, is-16 ta’ Jannar 1985, il-“Comunale” kien miksi bis-silġ imma Boniperti għamel minn kollox biex il-pitch jiġi żgumbrat mis-silġ biex il-partita setgħet tintlagħab regolarment. L-iskor finali kien ta’ 2-0 favur it-tim ta’ Trapattoni b’Boniek jiskorja ż-żewġ goals Juventini.
F’dik l-istess sena tal-1985, Juventus u Liverpool reġgħu Itaqgħu fil-finali tat-Tazza taċ-Champions. Id-29 ta’ Mejju 1985 hi data li ebda Juventin qatt ma jista’ jinsa mhux biss għax Platini, Scirea u shabu rebħu t-Tazza taċ-Champions għall-ewwel darba fl-istorja ta’ Juventus, imma fuq kollox għall-fatti traġiċi u drammatiċi li seħħew qabel il-partita. Tkellimna fit-tul f’dan il-ktieb dwar it-traġedja tal-Heysel li ħalliet 39 persuna innocenti mejta. Dakinhar I-UEFA riedet li l-partita tintlaghab xorta waħda minkejja kollox u Juventus rebħu l-partita surreali b’penalty kontroversjali ta’ Platini.
Is-sena 1985 ingħalqet b’unur ieħor. Fit-8 ta’ Diċembru 1985 f’Tokyo Juventus, iċ-Champions Ewropej, lagħbu kontra r-rebbieħa tal-Amerika t’Isfel, Argentinos Juniors. II-Bianconeri reġgħu wrew il-qawwa tagħhom u kienu xi deċiżjonijiet kontroversjali ferm tar-referee li ma ippermettewx lit-tim ta’ Trapattoni li jirbaħ il-partita sad-disgħin minuta. Fost l-oħrajn dakinhar ir-referee ħassar wieħed mill-isbaħ gowls ta’ dejjem, gowl skorjat minn Michel Platini li wera quddiem id-dinja kollha t-talent infinit tiegħu. Bl-iskor finali ta’ 2-2, it-timijiet marru għall-penalties u hawn Tacconi kien il-protagonist tar- rebħa Bianconera billi laqa’ żewġ penalties. Il-ferħ kien kbir hekk kif mat-tieni penalty milqugħ Juventus saru champions tad-dinja. Barra minn hekk il-Bianconeri kienu saru l-ewwel klabb li qatt rebaħ kull kompetizzjoni Ewropea u mondjali għall-klabbs.
… ikompli
- partijiet preċedenti
- Iswed u Abjad (l-ewwel parti)
- L-Ewwel Snin – Iswed u Abjad (t-tieni parti)
- Mil bidu sa nofs is-snin tmenin – Iswed u Abjad (it-tielet parti)
- Żewġ klabbs jingħaqdu f’familja waħda – Iswed u Abjad (ir-raba’ parti)
- Ilkoll kburin li aħna Juventini – Iswed u Abjad (il-ħames parti)
- L-iskwadra Juventina kollha fil-klabb tagħna – Iswed u Abjad (is-sitt parti)
- Rabta dejjem aktar sogħda má personalitajiet prominenti