Posts

It-Tim Juventin Matul iż-Żminijiet

– Iswed u Abjad (is-tminn parti)

  • ikompli mis-sebá parti

 

Kapitlu 5

Juventus 1975-2015

L-istorja ta’ Supporters Club inevitabbilment tintiseġ u timxi b’mod parallel ma’ dik tat-tim li dak il-klabb ikun jappoġġja. Kif rajna tul il-ktieb kollu hemm rabtiet profondi bejn il-ħajja tal-klabb u dak li kien qed jiġri fi ħdan it-tim. Qatt ma konna baħħara tal-bnazzi, anzi dejjem tajna l-appoġġ sħiħ f’kull mument u okkażjoni. Imma hu ovvju li, bħal kollox fil-ħajja, anki I-klabb tagħna għadda minn mumenti sbieħ u oħrajn koroh, u hu tassew interessanti li dan kollu kellu relazzjoni mill- qrib ma’ dak li kien qed iseħħ fit-tim Juventin. Għaldaqstant se nwasslulkom hawnhekk ftit tagħrif dwar it-tim Juventin fl- aħħar erbgħin sena, mingħajr ma nidħlu f’wisq dettall.

Tim mimli storja u faxxinu

Imwaqqaf fl-1897, il-klabb Juventin sa mis-snin tat-twaqqif tiegħu ħalla impatt fil-futbol Taljan u beda jikteb paġni mill- isbaħ li jagħmlu unur lil dawk kollu li b’xi mod jew ieħor kienu protagonisti ta’ din l-istorja Bianconera fil-grawnd u barra.

Konna u għadna sal-ġurnata ta’ llum l-uniku klabb Taljan li qatt rebaħ ħames kampjonati konsekuttivi fil-grawnd f’perjodu ta’ ħames snin (1930-35). F’kull epoka t-tim kien imżewwaq bi stilel ta’ fama mondjali. Juventus kienu anki l-ewwel klabb fl-Italja li kellhom plejers professjonali li jitħallsu biex jilagħbu. Il-familja Agnelli ħadmet bla waqfien biex il-klabb ikollu struttura amministrattiva mill-aktar moderna u nistgħu ngħidu li mil-lat amministrattiv żgur li dejjem wasalna qabel ħaddieħor f’diversi oqsma.

Is-snin Sebgħin raw lil Juventus protagonisti fl-Italja bir-rebħ tal-kampjonati kif kien fit-tradizzjoni tagħhom. Fl-1975 il- kowċ ta’ Juventus kien l-ex-plejer Carlo Parola li jibqa’ famuż fl-istorja tal-futbol Taljan għar-rovexxata li fuq ir-ritratt tagħha nhadem il-logo tal-istickers tal-Panini. Fl-1976, imbagħad, seħħet rivoluzzjoni kbira li ħalliet l-effett tagħha fid-dinja kollha. Il-President Boniperti ħatar lil Giovanni Trapattoni kowċ ta’ Juventus, kariga li dan tal-aħħar żamm għal għaxar snin sħaħ sal-1986 f’perjodu ta’ glorja assoluta meta Juventus rebħu l-kompetizzjonijiet kollha riservati għall-klabbs fl- Ewropa u fid-dinja.

Fl-ewwel sena tiegħu Trapattoni ma talabx rivoluzzjonijiet fit-tim. Bena tim li kien taħlita ta’ plejers ta’ esperjenza (Benetti u Boninsegna kienu l-akkwisti li ried Trapattoni) u talenti żgħażagħ (Scirea, Tardelli, Cuccureddu, Gentile u Cabrini). Kien żmien meta l-klabbs ma setgħux jirreġistraw plejers barranin u kollox kien fdat f’idejn it-Taljani. Nies bħal Zoff, Bettega u Furino kienu r-ruh tat-tim għall-importanza li kellhom fil-ground u barra biex jibnu rabtiet qawwija bejn il- plejers u jkun hemm it-team work tant meħtieġ biex jinkisbu r-riżultati. Is-suċċessi waslu mill-ewwel u l-istaġun 1976/77 ra lill-Bianconeri joħorġu rebbieħa fit-taqtigħa ma’ Torino għall- iscudetto (il-famużi 51 punt li għal żmien twil kienu rekord ta’ punti miksuba minn tim Taljan fis-Serie A). Fl-istess ħin Juventus waslu għall-unur fl-Ewropa: it-Tazza UEFA.

Hekk bdiet I-era ta’ Trapattoni, epoka li matulha kif għidna Juventus iddominaw fl-Italja (sitt kampjonati mirbuħa f’għaxar snin u Coppa Italia) u fl-Ewropa (it-tazzi kollha mirbuħa, inkluża t-Tazza Interkontinentali li għamlitna champions tad-dinja). Hemm wisq xi tgħid dwar dak it-tim formidabbli magħmul minn plejers Taljani u ftit stilel barranin bħal Liam Brady, Michel Platini, Zibi Boniek u Michael Laudrup (fis-Snin Tmenin il-klabbs Taljani setgħu jibdew jirreġistraw anki l-barranin).

Bosta plejers Taljani ta’ Juventus kienu jiffurmaw parti mit-tim nazzjonali li fl-1982 rebaħ it-Tazza tad-Dinja. Nies bħal Cabrini, Tardelli, Scirea, Gentile, Causio, Bettega, Rossi u ħafna oħrajn li libsu l-flokk Juventin f’dawk is-snin kienu fost l-aqwa plejers fid-dinja. Magħhom kien hemm ġenju tal-futbol, Michel Platini, rebbieħ ta’ tliet Blalen tad-Deheb konsekuttivi 1983/84/85. Onestament meta nħarsu lura jissorprendina dan it-tim għal dak kollu li rebaħ u jissorprendina aktar għal dak li seta’ jirbaħ fl-Ewropa u li ħarablu minn idejh fil-partita finali tat-Tazza taċ-Champions li tilef f’Ateni kontra Hamburg.

Kull bidu għandu tmiem, u anki l-era ta’ Trapattoni wara għaxar snin kellha l-epilogu tagħha. Wara s-sena trijonfali tal-1985 meta rbaħna s-Super Cup tal-Ewropa, it-Tazza taċ- Champions u t-Tazza Interkontinentali, Trapattoni beda jħoss li ċ-ċiklu tiegħu ma’ Juventus kien riesaq lejn tmiemu u ipprefera jwarrab sakemm it-tim kien għadu fil-glorja. II- plejers li ffurmaw dak it-tim formidabbli kienu qed jikbru u kienu resqin lejn l-aħħar fażi tal-karriera tagħhom. Kienu qed jonqsu l-motivazzjonijiet f’tim li rebaħ kollox u bdiet tinħass il- ħtieġa ta’ demm ġdid. L-istaġun 1985/86 kien l-aħħar wieħed bi Trapattoni bħala kowċ. Sellmilna bħal dejjem bil-kisba ta’ rebħiet: l-iscudetto u t-Tazza Interkontinentali. Sena biss wara kellna lil Platini jirtira mill-futbol u minn dak il-mument bdew disa’ snin fjakki għal Juventus.

Fid-disa’ snin bejn l-1986 u l-1995, Juventus qatt ma kienu tassew kompetittivi u naqsu milli jiġġieldu għar-rebħ tal- kampjonat. Ix-xena ġiet misruqa minn Milan li kellhom tim stellari u d-distakk bejn il-Bianconeri u r-Rossoneri kien tassew qawwi. Fl-1990 Juventus ippruvaw jagħtu direzzjoni ġdida lit-tim b’ Gigi Maifredi bħala kowć u l-akkwisti ta’ diversi plejers importanti, fosthom Roberto Baggio li kellu jifforma I-attakk ma’ Toto Schillaci u Pierluigi Casiraghi. Kien hemm stennija kbira għal dak it-tim u kulħadd kien qed jittama li jaslu r-riżultati, imma minflok kellna waħda mill-agħar snin fl-istorja ta’ Juventus. Ir-rivoluzzjoni kienet falliet u malajr Juventus marru lura għal bniedem tal-imgħoddi: Giovanni Trapattoni. Imma din id-darba Trapattoni ma rnexxilux jirbaħ wisq. F’dawn id-disa’ snin Juventus rebħu biss Coppa Italia u darbtejn it-Tazza UEFA, minkejja investimenti qawwija fi plejers bħal Baggio, Vialli, Möller, Kohler u oħrajn.

Ir-ritorn għar-rebħ beda fl-1994 bil-ħatra ta’ MoggiGiraudoBettega biex imexxu l-istruttura amministrattiva u sportiva ta’ Juventus FC. Huma ġabu magħhom lil Marcello Lippi bħala kowċ. II-klabb ma kellux wisq flus x’jinvesti fil-mercato, imma xorta waħda Moggi ħadem bil-għaqal u rnexxielu jixtri nies bħal Ciro Ferrara, Paulo Sousa u Didier Deschamps. Id-distakk tekniku ma’ Milan kien jidher li għadu qawwi, imma Lippi rnexxielu jittrasmetti lit-tim mentalità rebbieħa. Vialli, Conte, Torricelli, Carrera, Di Livio u l-plejers l-oħra li kienu diġà fit-tim fis-snin ta’ qabel, issa dehru li saru plejers għal kollox ġodda. Juventus kienu jilagħbu futbol offensiv u spettakolari bl-attakk ikun kompost minn Baggio, Vialli u Ravanelli. Ma’ dawn żdied it-talent ta’ Alessandro Del Piero li proprju f’dik is-sena beda jilgħab regolarment fl-ewwel tim ta’ Juventus.

Kontra kull pronostiku Juventus reġgħu lura għar-rebħ billi kisbu l-iscudetto u l-Coppa Italia fl-ewwel staġun tal-era Lippi.

F’dik l-istess sena t-tim irnexxielu jasal sal-finali tat-Tazza UEFA, imma tilef kontra Parma.

L-era Lippi rat lil Juventus jagħmlu l-istess kisbiet fix-xena nazzjonali u internazzjonali tal-epoka meta l-iskwadra kienet immexxija minn Trapattoni. L-abbiltà tad-dirigenti kienet mifruxa f’kull qasam tat-tmexxija amministrattiva u sportiva. Minħabba kriżi finanzjarja li laqtet lill-klabb, kull sena kellha tinbiegħ xi stilla tat-tim u minflokha jinġieb jew isir użu minn xi talent żagħżugħ li kellu t-tim. Hekk, ngħidu aħna, fl-1995 inbigħ Roberto Baggio u Juventus ibbażaw it-tim fuq Del Piero. Snin wara ġie akkwistat Zinedine Zidane mingħand Bordeaux għal seba’ miljun euro. Zidane ma kienx għadu plejer famuż u kien hemm min kien qed jaħseb li Juventus żbaljaw meta ħaduh. Imma l-grawnd wera li Juventus għamlu l-għażla t-tajba tant li Zidane ftit snin wara rebaħ il-Ballun tad- Deheb u nbiegħ lil Real Madrid għas-somma fenomenali ta’ 75 miljun euro. Anki f’din l-okkażjoni Juventus biegħu l-istilla tat- tim u investew il-flus fl-akkwisti ta’ Buffon, Thuram u Nedved, bil-grawnd jagħtihom raġun għax saru kemm saru bidliet ta’ plejers, it-tim qatt ma waqaf jirbaħ. F’dawk is-snin rajna ma’ Juventus lil Vieri, Davids, Inzaghi, Montero, Pessotto, u aktar tard lil Zambrotta, Trezeguet, Cannavaro, Ibrahimovic, Vieira, Camoranesi, Emerson u ħafna oħrajn.

Fl-erba’ snin bejn l-1995 u l-1998, Juventus lagħbu erba’ finali tal-kompetizzjonijiet Ewropej: darba l-finali tat-Tazza UEFA u tliet darbiet il-finali taċ-Champions League. U erġajna sirna champions tad-dinja bir-rebħ tat-Tazza Interkontinentali. Hi tassew ħasra li dak it-tim Juventin formidabbli tilef ħafna finali tat-tazzi għax mingħajr ebda dubju kien l-aqwa tim fl- Ewropa u kien ħaqqu jirbaħ iċ-Champions League darbtejn oħra. Flimkien mar-riżultati sportivi kellna anki tmexxija amministrattiva mill-aqwa. It-tim kien jattira ħafna sponsors u Bettega, Giraudo u Moggi bdew joħolmu li Juventus jibnu stadium tagħhom. Kollox kien sejjer tajjeb f’dawk is-snin għajr għal ħaġa waħda: il-mewt ta’ Andrea Fortunato li xxukkjat lil kulħadd u qanqlet fil-partitarji sens kbir ta’ dieqa għal ġuvni li ħalla din id-dinja minħabba kumplikazzjonijiet marbuta mal- marda kiefra tal-lukiemja.

L-istess bħalma ġara lil Trapattoni, anki Lippi wara li rebaħ kollox beda jħoss li kien wasal iż-żmien li jitlaq lil Juventus u jibda avventura oħra x’imkien ieħor. Lippi ried jieħu f’idejh it-tmexxija ta’ Inter u fil-bidu tal-istaġun 1998/99 ftihem man-Neroazzurri li kien sejjer magħhom malli jiskadilu I-kuntratt ma’ Juventus fi tmiem dak l-istess staġun. L-aħbar saret magħrufa u ħarbtet mhux ftit lit-tim. Ir-riżultati bdew ikunu fjakki u Lippi tilef ir-riedni tal-iskwadra, tant li f’ċertu punt ma kellux triq oħra għajr li jirriżenja. Floku nħatar Ancelotti li ħadem tajjeb u f’sentejn mar qrib li jirbaħ żewġ kampjonati. Ix-xorti imma ma kenitx miegħu (u forsi mhux ix-xorti biss għax ma rridux ninsew x’gara fil-mishut Ħadd tal-partita kontra Perugia meta Juventus tilfu l-kampjonat wara li kellhom jilagħbu fi grawnd mgħarraq bl-ilma tax-xita). Bażikament tlifna żewġ kampjonati fl-aħħar ġurnata. Morna qrib ħafna li nsiru champions tal-Italja, imma dan ma kienx biżżejjed biex Juventus jikkonfermaw lil Ancelotti bħala kowċ. Ma kienx rebaħ u allura daret il-folja. It-tim kien mill-ġdid fdat f’idejn Marcello Lippi.

It-tieni epoka ta’ Lippi ma’ Juventus hi waħda rikka daqs I-ewwel waħda. Bdejna bir-rebħ tal-kampjonat meta kontra kull pronostku, fil-famuż “5 maggio“, qbiżna lil Inter fl-aħħar ġurnata tal-kampjonat. Bl-istess mod li Ancelotti kien tilef I-iscudetti fl-aħħar ġurnata, hekk dak il-kampjonat intrebaħ fl-aħħar partita. Sena biss wara, Juventus waslu sal-finali taċ- Champions, imma din id-darba Lippi ma irrepetix is-suċċess tal-1996. Fl-Old Trafford ta’ Manchester il-penalties ċaħduna minn rebħa mistħoqqa.

Mitmum it-tieni ċiklu ta’ Lippi, postu ttieħed minn ħadd ħlief Fabio Capello. L-għażla ta’ Capello saret minn Umberto Agnelli ftit qabel miet. Hu kien għażel suċċessur possibbli għal Lippi u fil-verità t-tim kompla jirbaħ fl-Italja. Capello kellu skwadra qawwija b’Nedved, Emerson, Cannavaro, Ibrahimovic, Zambrotta, Vieira, Camoranesi, Thuram, Trezeguet u Del Piero. Imma dak it-tim naqas milli jimpressjona fl-Ewropa fejn ir-riżultati kienu pjuttost deludenti.

Ix-xogħol ta’ Capello waqaf ħesrem fl-2006 meta faqqa’ l-iskandlu ta’ Calciopoli u Juventus sfaw relegati fis-Serie B. Minn hemm beda l-kalvarju ta’ Juventus li kellu jdum bosta snin. Ir-ritorn fis-Serie A kien immedjat, imma t-tim ma kienx attrezzat biex jirbaħ l-iscudetto. Inxtraw ħafna plejers mhux ta’ livell: Andrade, Felipe Melo, Diego, Thiago u Amauri, biex insemmu biss l-aktar każi magħrufa. Kienu snin li fihom konna naraw lil Juventus megħluba u spiss umiljati fil- logħob minn timijiet żgħar. Kemm-il darba sfajna barra mill- kompetizzjonijiet Ewropej.

Il-folja reġgħet nqalbet hekk kif mill-2011 Antonio Conte ħa f’idejh it-tmexxija tat-tim. Hu ħadem ħafna fuq il-mentalità tal-plejers u nissel fihom l-għatx għar-rebħ. F’daqqa waħda, fil-“Juventus Stadium” dehret skwadra l-oppost ta’ dik tas-snin post-calciopoli. Buffon, Barzagli, Bonucci, Chiellini, Marchisio, Pirlo, Vidal, Pepe, Vucinic u Del Piero, flimkien mal-bqija tal- iskwadra bdew jilagħbu futbol mill-isbaħ. Ix-xogħol ta’ Conte ssarraf mill-ewwel fi scudetto u f’finali tal-Coppa Italia (mitlufa kontra Napoli). Fis-snin ta’ wara żdiedu fit-tim nies bħal Pogba, Asamoah, Tevez, Giovinco u Llorente. Dawn komplew fuq ix-xogħol tal-ewwel sena u l-Juventus ta’ Conte spiċċat rebħet tliet kampjonati konsekuttivi bejn l-2012 u l-2014. Ma’ dawn it-tlieta żdied anki r-raba’ kampjonat fl-2015, imma din id-darba t-tim kien immexxi minn Massimiliano Allegri wara li Conte għażel li jitlaq minn idu t-tmexxija tat-tim. Fuq dan l-aħħar kampjonat se nitkellmu aktar fid-dettall fis-sezzjoni konklużiva ta’ dan il-kapitlu.

Rebbieħa tat-tazzi kollha tal-Ewropa

Juventus kienu l-ewwel tim li qatt rebaħ il-kompetizzjoniji Ewropea kollha għall-klabbs. Huma tassew ftit il-klabbs fid- dinja li jistgħu jiftaħru li għandhom it-tazzi kollha fil-mużew tagħhom. Interessanti li sal-1975 Juventus ma kienu għadhom għollew ebda tazza fl-Ewropa. Kienu waslu sal-finali tat-Tazza tal-Fieri fl-1965 u fl-1971 imma tilfuhom it-tnejn kontra Ferencvaros u Leeds United rispettivament. Fl-1973 Juventus b’sorpriża waslu sal-finali tat-Tazza taċ-Champions imma kellhom ibaxxu rashom quddiem il-qawwa ta’ Ajax. F’dik l-istess sena I-Bianconeri lagħbu fil-finali tat-Tazza Interkontinentali u għal darb’oħra ħarġu telliefa bl-iskor ta’ 1-0 kontra Independiente.

L-ewwel unur fl-Ewropa wasal fl-1977, sentejn wara t-twaqqif tal-klabb tagħna. It-tim kien immexxi għall-ewwel darba minn Giovanni Trapattoni u apparti li rnexxielu jirbaħ it-taqtigħa ma’ Torino fil-kampjonat, b’xorti tajba wasal ukoll sal-finali tat- Tazza UEFA. L-avversarji kienu Athletic Bilbao u l-finali kienet tintlagħab fuq żewġ partiti. L-ewwel waħda saret f’Turin bit- tim ta’ Trapattoni joħroġ rebbieħ bl-iskor ta’ 1-0, gowl ta’ Tardelli. Fil-partita ta’ ritorn fi Spanja, Juventus marru mill- ewwel fil-vantaġġ hekk kif Bettega sab ix-xibka b’daqqa ta’ ras. Immedjatament kien hemm reazzjoni qawwija mit-tim Spanjol li qaleb l-iskor favurih u rebaħ il-konfront bl-iskor ta’ 2-1. II-Bianconeri rebħu t-tazza bil-gowls away. Ta’ min isemmi li din kienet l-unika darba fl-istorja tal-kompetizzjonijiet Ewropej li t-tazza ntrebħet minn tim magħmul kompletament minn plejers Taljani.

Fl-1983 l-iskwadra fenomenali ta’ Juventus magħmula minn sitt plejers li rebħu t-Tazza tad-Dinja mal-Italja, flimkien ma’ Platini, Boniek u stilel oħra, kellha mixja trijonfali fit-Tazza taċ-Champions u għaxar snin wara l-finali kontra Ajax, il- Bianconeri kisbu d-dritt li jerġgħu jilagħbu l-finali. L-avversarji din id-darba kienu Hamburg, avversarji pjuttost modesti li ma setgħux ilaħħqu mal-qawwa tat-tim ta’ Trapattoni. Kulħadd kien qed ibassar ir-rebħ tat-tazza min-naħa ta’ Juventus. Ix- xorti riedet iżda li, kontra kull stennija, Hamburg marru fil- vantaġġ b’xutt ta’ Felix Magath minn barra l-kaxxa u l-plejers Bianconeri ma kellhomx is-saħħa jqumu fuq saqajhom biex idawru r-riżultat favurihom. Waslet għaldaqstant it-tieni telfa fil-finali tat-Tazza taċ-Champions.

Sena biss wara, Juventus rebħu t-tieni unur fl-Ewropa. Din id-darba kien imiss lit-Tazza tat-Tazzi. Il-mixja ta’ Juventus fil- kompetizzjoni reġgħet kienet bla rażan. Fil-finali sibna lil Porto bħala avversarji. Vignola fetaħ l-iskor b’azzjoni personali mill- isbaħ wara li rċieva l-ballun fit-tliet kwarti tal-grawnd, qabeż żewġ avversarji u xxuttja b’mod angulat minn barra l-kaxxa. Porto rnexxielhom jagħmlu l-iskor indaqs, imma mbagħad kien Boniek li ffirma l-gowl tar-rebħa meta rċieva I-ballun fil- kaxxa, niżżlu b’sidru u għeleb lill-goalkeeper avversarju b’xutt fil-baxx.

II-kisba tat-Tazza tat-Tazzi fethet it-triq għall-ewwel Super Cup tal-Ewropa li Juventus qatt lagħbu. Il-Bianconeri affrontaw lir- rebbieħa tat-Tazza taċ-Champions, Liverpool. Dakinhar tal- partita, is-16 ta’ Jannar 1985, il-“Comunale” kien miksi bis-silġ imma Boniperti għamel minn kollox biex il-pitch jiġi żgumbrat mis-silġ biex il-partita setgħet tintlagħab regolarment. L-iskor finali kien ta’ 2-0 favur it-tim ta’ Trapattoni b’Boniek jiskorja ż-żewġ goals Juventini.

F’dik l-istess sena tal-1985, Juventus u Liverpool reġgħu Itaqgħu fil-finali tat-Tazza taċ-Champions. Id-29 ta’ Mejju 1985 hi data li ebda Juventin qatt ma jista’ jinsa mhux biss għax Platini, Scirea u shabu rebħu t-Tazza taċ-Champions għall-ewwel darba fl-istorja ta’ Juventus, imma fuq kollox għall-fatti traġiċi u drammatiċi li seħħew qabel il-partita. Tkellimna fit-tul f’dan il-ktieb dwar it-traġedja tal-Heysel li ħalliet 39 persuna innocenti mejta. Dakinhar I-UEFA riedet li l-partita tintlaghab xorta waħda minkejja kollox u Juventus rebħu l-partita surreali b’penalty kontroversjali ta’ Platini.

Is-sena 1985 ingħalqet b’unur ieħor. Fit-8 ta’ Diċembru 1985 f’Tokyo Juventus, iċ-Champions Ewropej, lagħbu kontra r-rebbieħa tal-Amerika t’Isfel, Argentinos Juniors. II-Bianconeri reġgħu wrew il-qawwa tagħhom u kienu xi deċiżjonijiet kontroversjali ferm tar-referee li ma ippermettewx lit-tim ta’ Trapattoni li jirbaħ il-partita sad-disgħin minuta. Fost l-oħrajn dakinhar ir-referee ħassar wieħed mill-isbaħ gowls ta’ dejjem, gowl skorjat minn Michel Platini li wera quddiem id-dinja kollha t-talent infinit tiegħu. Bl-iskor finali ta’ 2-2, it-timijiet marru għall-penalties u hawn Tacconi kien il-protagonist tar- rebħa Bianconera billi laqa’ żewġ penalties. Il-ferħ kien kbir hekk kif mat-tieni penalty milqugħ Juventus saru champions tad-dinja. Barra minn hekk il-Bianconeri kienu saru l-ewwel klabb li qatt rebaħ kull kompetizzjoni Ewropea u mondjali għall-klabbs.

 

 

… ikompli

 

  • partijiet preċedenti
  1. Iswed u Abjad (l-ewwel parti)
  2. L-Ewwel Snin – Iswed u Abjad (t-tieni parti)
  3. Mil bidu sa nofs is-snin tmenin – Iswed u Abjad (it-tielet parti)
  4. Żewġ klabbs jingħaqdu f’familja waħda – Iswed u Abjad (ir-raba’ parti)
  5. Ilkoll kburin li aħna Juventini – Iswed u Abjad (il-ħames parti)
  6. L-iskwadra Juventina kollha fil-klabb tagħna – Iswed u Abjad (is-sitt parti)
  7. Rabta dejjem aktar sogħda má personalitajiet prominenti

Miftuħa il-Kampanja Tesseramenti 2024-25


Int Juventin ? 🤔

Mela postok huwa fil-Juventus Club Vero Amore (Malta 1975) ġewwa Birkirkara

✅️ Klabb fejn verament il-membru huwa PRIORITA’

✅️ Klabb fejn il-biljetti tal-ground takkwistahom FACEVALUE

✅️ Klabb li dawn l-aħħar snin ġab 19-il player !!

✅️ Klabb b’segretarjat li jiftaħ darbtejn fil-ġimgħa mmexxi minn nies dedikati u professjonali

✅️ Klabb li ma’ kull sħubija minn €20 l-fuq jagħtik €55 lura f’valur ta’ vouchers!

🍾 Klabb li f’April li ġej jagħlaq il-50 sena anniversarju u ghalhekk sejrin ngħamlu l-impossibli sabiex nagħtukom sorprizi KBAR. Idħol membru halli tgawdi magħna.

✅️ Issieħeb membru online

BILLI TIDĦOL ĦAWN www.juventusclubmalta.com/issieheb-maghna/ permezz ta’ PayPal jew Revolut jew billi żżurna l-uffiċju tal-Club kull nhar ta’ Tlieta u Ħamis bejn 6.30pm u 8pm kif ukoll minn siegħa qabel kull partita ta’ Juventus.



📢 NAGĦTIKOM IL-PARIR BIEX MAS-SĦUBIJA TAL-KLABB TIRREĠISTRAW FIL-FAN CLUB UKOLL SABIEX INKUNU NISTGĦU NAQDUKOM BILJETTI DEJJEM JEKK IKUN HEMM DISPONIBBLI

 

 

Awguri lill-missirijiet kollha!

Il-President u l-Kumitat jixtiequ jawguraw il-festa t-tajba lill-missirijiet kollha. Festa li bix-xieraq tiċċelebra s-sagrifiċċji li l-missirijiet kollha jagħmlu għall-familji tagħhom

It-Traġedja tal-Heysel hi parti mill-istorja tal-Club tagħna wkoll!

Qed nisiltu silta mill-ktieb “Iswed u Abjad” li kien ippubblikat mill-Club tagħna sabiex ikun iċċelebrat bl-aktar mod denju l-40 anniversarju mit-twaqqif tal-Club. Il-ktieb, miktub minn Manwel Scerri u Matthew Scerri hu xhieda diretta tal-istorja tal-Club mill-1975 ‘il quddiem. It-traġedja tal-Heysel hi parti mill-istorja tal-Club tagħna wkoll. Ejjew naraw kif:

Is-silta mill-ktieb:
B’dieqa rridu ngħidu li dakinhar konna xhieda diretti ta’ waħda mill-paġni l-aktar suwed fl-istorja tal-futbol Ewropew, dik li sal-lum għadha magħrufa bħala t-Traġedja tal-Heysel.

Malli Juventus kisbu l-aċċess għall-Finali, il-Kumitat tal-Juventus Club (Malta) minnufih beda bil-preparamenti meħtieġa biex jorganizza tour għal din il-partita. Dik il-ħabta l-biljetti kienu jinġiebu biss direttament minn Juventus FC f’Turin u allura l-Kumitat permezz tas-Segretarju Albert Callus mill-ewwel għamel kuntatti diretti mas-Segretarju Ġenerali, Sergio Secco, li kien responsabbli mit-tqassim tal-biljetti għall-Finali. Albert Callus kontinwament kien iċempel lil Secco fejn talbu 42 biljett (daqskemm kienu l-membri li bbukkjaw it-tour) għall-Finali.

Ġimgħa biss qabel il-final, Callus irċieva telefonata mingħand Secco fejn infurmah li peress li s-sehem ta’ Juventus kien biss ta’ ħdax-il elf biljetti ma kellux biljetti disponibbli għalina. Is-Segretarju Callus ċempel lil President Boniperti li nfurmah b’dan kollu u qallu li l-Club kellu diġà kollox imħallas għal dan it-tour. Il-President Juventin b’rispett lejn il-Club tagħna wiegħed li kien se jkellem lil Secco. Infatti jumejn wara Secco ċempel lil Callus u qallu li wara l-intervent ta’ Boniperti kellu biss 20 biljett disponibbli għalina. “Ejjew għalihom malajr għax titilfuhom”. Fuq ordni tal-Kumitat, Albert Callus tela’ Turin u ġab l-20 biljett.

Ovvjament l-20 biljetti ta’ Juventus (li kienu fil-curva riservata għall-partitarji Bianconeri) ma kinux biżżejjed u l-Kumitat ried jara kif se jikseb il-kumplament ta’ 22 biljett biex jaqdi lit-42 persuna li ħallsu t-tour kollu. Il-Kumitat kellu kuntatt ma’ persuna ta’ fiduċja li kienet lesta iġġib it-22 biljett l-ieħor mill-Ingilterra. Il-prezz miftiehem kien ta’ 70 Lira Sterlina ‘l wieħed (prezz għoli għal dak iż-żmien). Hekk kif din il-persuna marret tiġbor il-biljetti mill-Ingilterra, kienet infurmata li biljetti ta’ 70 Lira Sterlina (li kienu fil-misħuta Curva Z fejn ġrat id-diżgrazzja) spiċċaw u fadal biss dawk fit-Tribuna Ċentrali iżda kienu jiswew 140 Lira Sterlina ‘l wieħed.

Tard bil-lejl, il-President Manwel Scerri kien infurmat b’telefonata minn Londra b’din is-sitwazzjoni u dak il-ħin stess kellu jieħu deċiżjoni għax, kif jgħidu l-Ingliżi, kienet sitwazzjoni ta’ ‘take it or leave it’. Fiċ-ċirkostanzi li kienu, bil-Finali ftit jiem ‘l bogħod, bil-membri ma jafux fejn qegħdin bil-biljetti, Manwel Scerri iddeċieda li jinġiebu t-22 biljett bil-prezz il-ġdid offrut fit-Tribuna Ċentrali. Kienet deċiżjoni kuraġġuża u responsabbli.

Kien tassew provvidenzjali li ttieħdet din id-deċiżjoni għax dakinhar, proprju fil-Curva Z qabel il-partita tilfu ħajjithom 39 sapporter. Il-President, Manwel Scerri jirrakkonta, “Dak iż-żmien ma kellniex mobiles u allura biex inserrħu ras il-familjari tagħna, li bħad-dinja kollha assistiet permezz tat-trasmissjoni televiżiva diretta għat-traġedja, malli tlaqna minn Brussels fis-siegħa ta’ filgħodu bil-coach lejn l-Olanda (fejn kellna l-hotel) waqafna fil-fruntiera bejn il-Belġju u l-Olanda u bdejna nċemplu Malta ħalli nserrħu ras il-qraba tagħna li konna qawwijin u sħaħ.”

Mal-wasla lura f’Malta, intervistat mir-radju Manwel Scerri qal, “Nirringrazzjaw lil Alla li b’42 membru morna u b’42 ġejna lura.”

Awguri lill-ommijiet kollha

Il-President u l-Kumitat tal-Juventus Club Vero Amore (Malta 1975) jixtiequ jibagħtu l-isbaħ xewqat lill-ommijiet kollha fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm. Nawguraw lill-ommijiet kollha li jqattgħu jum mill-isbaħ imdawrin bl-għeżież tagħhom.

48 sena ilu twaqqaf il-Juventus Club (Malta)

Illum qed niċċelebraw l-isbaħ u l-iktar anniversarju għal qalbna, dak tat-twaqqif tal-Juventus Club DOC Vero Amore (Malta 1975). Kien proprju fit-13 ta’ April 1975 li ssejħet l-ewwel Laqgħa Ġenerali tal-Club u dakinhar kien imwaqqaf uffiċjalment il-Club tagħna.

Ftit xhur qabel, preċiżament fit-8 ta’ Frar 1975, fil-gazzetta ‘Il-Ħajja’ deher avviż li permezz tiegħu l-Juventini kollha ta’ dawn il-gżejjer ġew mistiedna jingħaqdu u jerġgħu jagħtu ħajja ġdida lill-Club Nazionale Amici della Juve (Malta), li kien imwaqqaf f’Malta fl-1964 u li kien spiċċa fix-xejn ftit snin wara.

L-avviż tal-1975 kien sar minn Tony Dimech, illum wieħed mill-Presidenti Onorarji tal-Club, li fl-avviż stieden lil dawk kollha interessati b’dan il-kliem: “Il-partitarji kollha juventini li jixtiequ jsiru membri tal-Club Nazionale Amici della Juve (Malta) huma ġentilment mitluba jiktbu u jibagħtu 1c 5m f’bolol lil Tony Dimech, Barbara Bastion, il-Belt.”

L-inizjattiva ta’ Tony Dimech qanqlet mill-ġdid l-interess ta’ diversi Juventini Maltin, fosthom in-Nutar Cachia u Manwel Scerri. Huma bdew jiltaqgħu u jaraw kif setgħu jħejju għat-twaqqif tal-Club il-ġdid fuq bażi iktar sodi minn dawk tas-Snin Sittin.

Fis-16 ta’ Marzu 1975, fil-Każin tal-Banda La Vallette fil-Belt, saret laqgħa informali għal dawk kollha interessati f’din l-inizjattiva. Dakinhar inħatret Kummissjoni Speċjali bl-għan li tħejji l-preparattivi u s-sejħa għal-Laqgħa Ġenerali li fiha kellu jitwaqqaf uffiċjalment il-Club u jinħatar l-ewwel Kumitat Eżekuttiv li kellu jmexxi lill-Club.

Il-Kummissjoni sejħet l-ewwel Laqgħa Ġenerali fl-istorja tal-Club nhar il-Ħadd 13 ta’ April 1975 u għaliha kien preżenti 46 persuna. Għal darb’oħra intużat is-Sala tal-Każin La Vallette. Il-Laqgħa Ġenerali approvat it-twaqqif tal-Club bl-isem ta’ Juventus Club (Malta) fost entuzjażmu kbir ta’ dawk kollha preżenti.

Matul il-Laqgħa ġie wkoll elett l-ewwel Kumitat Eżekuttiv li mexxa lill-Club għas-sena 1975/76. In-Nutar Joseph Cachia bħala Chairman u s-Sinjuri Richard Muscat u Robert Caruana kienu magħżula biex imexxu l-elezzjoni. Immedjatament iċ-Chairman staqsa min fost il-membri preżenti xtaq jikkontesta l-elezzjoni. Kien hemm ħdax-il persuna interessata, fosthom anki mara (ħaġa mhux daqstant komuni għal dawk iż-żminijiet meta n-nisa ftit li xejn kienu jinteressaw ruħhom fil-futbol). Minn dawn kellhom jintgħażlu seba’ persuni biex jiffurmaw l-ewwel kumitat. Wara li ntlaqgħu n-nominazzjonijiet kollha, beda l-proċess tal-votazzjoni. Ir-riżultat tal-votazzjoni kien:

Riżultati tal-votazzjoni għall-Kumitat 1975/76
Tony Dimech 46 vot
Manwel Scerri 42 vot
Joseph Aloisio 40 vot
Carmelo Vella 38 vot
Albert Callus 36 vot
Charles Galea 28 vot
Publius Vassallo 22 vot
Joe Attard u Josephine Galea 20 vot
Mario Troisi 14-il vot
Lino Bonello 10 voti

Bil-qari tar-riżultat tal-votazzjoni, saru magħrufa l-ismijiet tal-ewwel seba’ eletti li ffurmaw l-ewwel Kumitat Eżekuttiv fl-istorja tal-club li kellu jservi għall-perjodu ta’ sena 1975/76.

Fi tmiem il-laqgħa, in-Nutar Joseph Cachia u s-Sur Franco Facchetti (illum t-tnejn mejta) kienu unanimament maħtura l-ewwel Presidenti Onorarji fl-istorja tal-Club bħala rikonoxximent għall-ħidma, il-kollaborazzjoni u l-għajnuna bla qies li taw biex setgħet tibda t-triq twila iżda glorjuża tal-Juventus Club (Malta).

Minn dakinhar għaddew 48 sena. Tmienja u erbgħin sena ta’ storja rikka immens, snin ta’ ħbiberija u għaqda li dejjem irrenjat fil-Club tagħna, snin ta’ imħabba inkundizzjonata lejn it-tim Juventin. Illum ninsabu kburin immens li l-Club wasal għal dan l-anniversarju u ninsabu konvinti li għad fadallu ħafna paġni sbieħ x’jikteb.

Matthew Scerri u Manwel Scerri

Ħamsa u tletin sena ilu Giampiero Boniperti kien fostna

Illum qed niċċelebraw rikorrenza importanti hekk kif proprju bħal-lum ħamsa u tletin sena ilu kien fostna Giampiero Boniperti. Hawn taħt qed inġibu silta mill-ktieb Iswed u Abjad. L-40 Anniversarju mit-Twaqqif tal-Juventus Club DOC Vero Amore (Malta 1975) fejn tingħata informazzjoni dettaljata dwar din iż-żjara storika.

Boniperti u l-ġerarkija Juventina fostna
Meta l-eku tas-suċċessi tal-era Platini u Boniek beda jitbiegħed u l-Juventus bdew it-triq biex jaffrontaw perjodu diffiċli, fl-Lulju tal-1987 f’Malta ġriet bħal berqa l-aħbar li fil-polza tat-Tazza UEFA it-tim Malti, Valletta FC, ġie mlaqqa’ ma’ Juventus.

Wieħed jista’ jimmaġina l-fervent, l-entużjażmu u l-istennija għal dik il-ġurnata f’Settembru li l-Juventus ta’ Tacconi, Cabrini, Bonini, Laudrup, immexxija mill-kowċ Rino Marchesi, kellhom jinżlu għal-logħob fl-istadium nazzjonali f’Ta’ Qali.

Wasal Settembru u l-iskwadra kollha Juventina ġiet Malta, immexxija mill-President, Giampiero Boniperti u mill-ġerarkija kollha tal-klabb. Il-Kumitat tal-Juventus Club (Malta) kien ħadem bis-sħiħ malli tħabbret il-polza biex ma taħrablux din l-okkażjoni speċjali.

Infatti kien fil-15 ta’ Settembru, lejlet il-partita, li delegazzjoni tal-Kumitat tal-klabb, immexxija mill-President u s-Segretarju, marret il-lukanda fejn kien alloġġjat it-tim Juventin u minkejja s-sigurtà stretta, b’mod jew ieħor stenniet sa wara l-ikel meta ħareġ il-President Boniperti li minnufih kien iffaċċjat mill-President u s-Segretarju tagħna, li stidnuh iżur il-kwartieri tal-klabb u jiltaqa’ mal-membri.

Boniperti mill-ewwel aċċetta bil-ferħ l-istedina, iżda Sergio Secco malli wasal ħdejh qallu: “President, tinsiex li llum mistednin għand l-isponsors Ariston f’villa l-Bidnija.” Immedjatament Boniperti dar lejh u b’dik it-tbissima sinjorili tiegħu qallu: “Iva naf, iżda l-iskwadra ħudha int għax ili nwegħidhom li xi darba nżur il-klabb Malti, u llejla hija l-okkażjoni t-tajba.”

Ovvjament id-diriġenti tal-klabb ħarġu sparati mill-lukanda ferħana iżda konxji mid-diffikultajiet loġistiċi li kellhom quddiemhom biex iħejju kollox f’temp ta’ ftit sigħat. Saru arranġamenti mal-Pulizija tal-Belt biex jittieħdu l-passi ta’ sigurtà u tingħalaq Strada Żakkarija bejn l-4.00 u s-6.00 ta’ wara nofsinhar. Fl-istess ħin sar ukoll sforz qawwi biex il-membri jkunu nfurmati f’temp daqshekk ristrett.

Kważi b’miraklu kollox sar fil-ħin. Boniperti flimkien mal-uffiċjali għolja ta’ Juventus FC, il-Conte Cavalli D’Olivola u Dante Grassi, wasal il-klabb. Boniperti akkumpanjat mis-Segretarju Albert Callus tela’ taraġ għoli u malli wasal ħdejn il-bieb tal-klabb kien milqugħ mill-President Manwel Scerri u l-bqija tal-Kumitat. Malli wasal fuqnett, Boniperti dar lejn Manwel Scerri u qallu: “President, kemm sibtuha fl-għoli din is-sede!” Għal dan Manwel Scerri wieġeb: “President, il-Juventus hekk jixirqilha li tkun fl-ogħla post possibbli!”

Wara li sar diskors ta’ merħba mill-President tagħna li għalih wieġeb Boniperti bi kliem ta’ tifħir għall-entużjażmu u l-attakkament tal-Maltin lejn Juventus, sar riċeviment żgħir u preżentazzjoni ta’ rigali lill-President Juventin. Wara, għal kważi siegħa sħiħa, Boniperti dar mal-membri jiffirma u jieħu r-ritratti magħhom.

Awguri lin-nisa!

Il-President u l-Kumitat tal-Juventus Club DOC ‘Vero Amore’ (Malta 1975) jixtiequ jawguraw il-festa t-tajba lin-nisa kollha membri, lis-supporters femminili ta’ Juventus u lin-nisa/ommijiet tal-membri tagħna. Awguri mill-qalb!

 

Lejn Lazio vs Juventus – Pierre Borg

Wara l-waqfa tal-kampjonat minħabba l-partiti ta’ kwalifikazzjoni tat-tim nazzjonali li ma’ kienu xejn posittivi ghat team nazzjonali Taljan li ser ikollu jgħaddi mil-playoffs biex forsi jipparteċipa fit-tazza tad-dinja li jmiss.

Il-kampjonat jerġa jkompli u t-tim Juventin wara rebħa mportanti kontra Fiorentina qabel il-waqfa jmissu jilgħab kontra avversarju diffiċli ieħor ta’ Lazio fl-istadio olimpico ta’ Ruma. Wara kull waqfa wieħed dejjem irid jara x’effetti tkun ħalliet u ħallew il-logħob fil-players li jkunu lagħbu mat-timijiet rispettivi tagħhom speċjalment f’injuries li setgħa kien hemm, vjaġġi twal tal-players sud Amerikani u l-moral tal-players speċjalment Taljani jirritornaw lura bih fil-club tagħhom. Għalhekk dawn il-partiti inħobb insejħilom tal-misteru u li ma’ tafx x’jista jiġri fijom.


Lazio dejjem ikunu avversarju ostiku fejn f’dawn l-aħħar staguni dejjem kienu kompettitivi u minn ta’ quddiem. Lazio milli jidher ser ikollom xi nuqqas ta’ players. Immobile reġa irritorna lura minn mat-tim nazzjonali minħabba injury fil-pexxun, u dan jingħaqad mal-player ta’ nofs il-ground Marusic li irriżulta pożittiv ghal covid. Iżda xorta Lazio jibqaw skwadra iebsa b’ħafna players ta’ talent u interessanti, fosthom Milinkovic-Savic; player tajjeb ħafna fil-midfield u għandi kurzita kif dan il-player baqa qatt ma’ ġie akkwistat minn xi top club fl-Ewropa.

L-akkwist ta’ Mattia Zaccagni mingħand Verona ukoll huwa player interessanti ħafna u ta’ ċertu potenzjal. Ma dawn inżid lill-player Luis Alberto, player tekniku u fin immens li l-ħin kollu jisqi lill-attakkanti bi blalen ferm tajba li jistaw jkunu letali ghal avversarji; tip ta’ player illi fl-oppinjoni tiegħi Juventus neqsin ħafna minn dan it-tip ta’ player. Ma ninsewx ukoll l-esperjenza li ġab player bħal Pedro fl-iskwadra Laziali.

Mil-kamp Juventin nittama li ma’ jkunx hemm xi injuries fit-tul. Diġa smajna bl-injury ta’ Paolo Dybala fil-pexxun tant li ġie mibdul waqt il-logħba ta’ l-Argentina. Rodrigo Bentancur ukoll qala daqqa f’irkoptu għalkemm ma’ jidher li hemm xejn gravi, għalkemm il-player ma’ kienx qiegħed ikun ma’ l-ewwel ħdax fl-aħħar logħbiet għaliex mhuwiex għaddej minn forma brillanti.

Din il-partita hija mportanti u fondamentali biex Juventus jibqaw iżidu fil-punti u jibqaw viċin l-ewwel postijiet tal-klassifika bit-tama illi t-timijiet ta’ qabilna jfallu xi punti. Tkun ħasra jekk nerġaw nagħmlu passi lura għaliex jista jkollna effetti ħżiena ħafna mhux biss fil-klassifika iżda anka moralment fir-rendiment tal-partiti li jmiss wara Lazio. Importanti li t-tim isib stabbilita u konċentrazzjoni u determinazzjoni darba għal dejjem f’dan l-istaġun għaliex dan il-kampjonat ser ikun determinanti  rigward l-istat ekonomiku tal-club ghal futur.

Għalhekk nittamaw li nirritornaw minn Ruma bi tlett punti biex minn hawn inħarsu biss il-quddiem u qatt aktar lura f’dan il-kampjonat.

FORZA JUVE #FINOALLAFINE

Kitba ta Pierre Borg

Is-sitwazzjoni ta’ l-iskwadra u s-socjeta Juventina – Pierre Borg

Bla dubju dan kien wiehed mill-aktar bidu difficli u altalenanti li Juventus qatt kellom fl-istorja taghhom. Zgur illi minn wara d-decizjoni ta’ tlett snin ilu, li z-zmien ta’ Allegri bhala kowc kien spicca u s-socjeta kienet iddecidiet illi tibdel u tmur ghal tip ta’ futbol u kowc aktar b’mentalita offensiva, hafna inkluz jien kienu qablu maghha .Izda hafna inkluz anka d-dirigenza ma’ irrealizawx illi dak iz-zmien is-suq tal-kowcis ftit kien joffri alternattiva ta’ livell ta’ Juventus u fl-opinjoni tieghi minn hemm bdiet it-triq ghas sitwazzjoni li qeghdin fija illum.

Forsi qeghdin tistaqsu kif mort daqsekk lura fis-snin? Semplici,ghaliex il-Juventus hija azjenda u bhal kull azjenda trid tkun kapaci taghmel ghazliet kemm jista jkun tajba, programmati, b’kapacita li tanticipa lil clubs ohra bhal ma kien isir fil-passat. Jekk nelenka d-decizjonijiet diskutibli li ittiehdu nahseb dan l-artiklu ma’ jieqafx! Fostom akkwisti ta’ players bil-famuzi free transfer (taparsi) ghaliex fir-realta dawn ghalijom jithallsu commissions enormi lill-agenti ,lill-genituri u salarji kbar lill-players kif filfatt gara u intom daqsi tafu sew min jithallas flejjes kbar bhal 7 miljuni fis-sena u illum kollha nistaqsu imma dawn kif waslu f’dawn il-livelli!

Ghaddew tnax il-loghba u ghalkemm mis-season li ghadda ma’ nbidel xejn partikolari hlief l-akkwist ta’ Locatelli, player tajjeb izda wahdu mhuwiex ha jsolvi kwazi xejn mil-problemi li hemm fil-midfield Juventin zgur li stennejna aktar minn 18 il-punt li ghandna bhalissa. S-socjeta b’Allegri inkluz pruvaw igeluna nemmnu li b’dan il-materjal kien bizzejjed u ser inkunu kompetittivi! Nistqarr maghkom bi tbissima, xi tridom jghidu pubblikament? Izda kif gieli qsamt maghkom opinjoni fil-grupp tal-club taghna s-supporters, ghandom mohh biex jahsbu u qalb li thoss ghalkemm kultant nitkellmu bil-passjoni sforz kemm inhobbu lil Juventus.

Xhieda ta’ decizjonijiet diskutibli hijja l-iskwadra fil-pitch b’wirjiet ftit tajbin fil-kampjonat fejn nibdew nahsbu li ser jinbidlu l-affarijiet u wara nergaw naraw wirjiet li lanqas tibda temmen jekk ma’ tarax! Naturalment wara snin ta’ rebh kulhadd jista jkollu sena jew tnejn illi tnaqqas u ma jigux successi izda ma’ kontx personalment nistenna daqsekk konfuzjoni u ghazliet hziena fis-socjeta u dan nixtieq niktbu u naqsmu maghkom il-membri aktar il-quddiem f’artikli ohra li ser nikteb.

It-triq il-quddiem? Bhalkom nixtieq nibda nara skwadra izjed kompatta fil-pitch, skwadra aktar projetteta ghal kontra attakk ghax il-players taghna huma ta’ dak il-karateristika. Naturalment bhalkom nixtieq li fis-suq ta’ Jannar jinbidel xi haga fil-midfield, izda nistedinkom ma’ noholmux wisq ghaliex trid issir xi cessjoni biex isir xi akkwist u wisq probabli li l-akkwist jista jkun li janticipaw ir-ritorn ta’ Rovella li qieghed b’self ghand Genoa.

Is-sitwazzjoni finanzjarja mhix wahda sabiha wara pandemija li laqtet lil kull klabb fid-dinja; harsu biss lejn Barcellona li kienu mostruzi fil-finanzi u magna tal-marketing izda aktar ma’ tkun kbir aktar id-daqqa tkun kbira. L-ahhar haga ghal illum li xtaqt naghlaq biha. Naqra u nara hafna rabja ghal Andrea Agnelli u ghal familja ghaliex kultant narawom konservattivi wisq! Tajjeb li tkunu tafu illi din il-familja kieku trid ghandom biex jonfqu daqs l-aqwa propjetarji li jonfqu u jixtru lil kulhadd izda dawn huma nies u familja ta’ negozju u kollox isir bl-ghaqal. Ftakru li din il-familja taghtna successi kbar, zammet lil Juventus gewwa stabilita, tellatna mill-infern u l-club ghalijom huwa parti mill-familja mhux bhal haddiehor li jinbiegh darba iva u darba le u anqas biss jaf jghid ta min hi l-propjeta!

Naghlaq billi nirringrazzja lill-President u l-Kumitat kollu tal-fiducja li taghni biex nibda naqsam dawn il-hsibijiet maghkom permezz ta’ dawn l-artikli.

FORZA JUVE #FINOALLAFINE