Posts

Messaġġ ta’ awguri mill-President

Għeżież Membri,

Nixtieq minn qalbi nawguralkom Milied ħieni u sena ġdida mimlija risq, paċi u barka.

Nieħu din l-okkażjoni biex nirringrazzjakom mill-ġdid talli tibqgħu dejjem leali lejn il-club tagħna li għal dan l-aħħar nofs seklu kien id-dar tal-Juventini kollha tal-gżejjer Maltin. Grazzi lil sħabi tal-Kumitat għall-ħidma kbira tagħhom, lill-barman li jżomm il-post għaddej bl-aqwa servizz possibbli, kif ukoll lill-isponsors li mingħajr il-ġenerożità tagħhom ma jkunx possibbli li nżommu l-ġawhra ta’ premises li għandna.

Nawguralkom mill-ġdid,

Joseph Fenech
President
JC Vero Amore (Malta 1975)

BBQ fil-Club tagħna

BBQ għall-familja kollha organizzat mill-Juventus Club Vero Amore ta’ Birkirkara. Nistiednukom għall-BBQ li se jsir fil-premises tagħna nhar il-Ħadd 28 ta’ Awwissu 2022.

Ejja u gawdi atmosfera Juventina waqt il-BBQ li jittella’ kull sena mill-klabb tagħna. Postijiet limitati! Ibbukja issa billi tibgħat messaġġ jew ċċempel lil Wayne jew Bryan fuq in-numri li jidhru hawn fuq.

Bookings jibqgħu jittieħdu sal-21 ta’ Awwissu 2022. X’qed tistenna? Ibbukja issa u ngħaqad magħna dakinhar!

Ħinijiet ta’ ftuħ tas-segretarjat tal-Club tul Lulju u Awwissu

Il-Kumitat jixtieq jinforma lill-membri li matul ix-xhur ta’ Lulju u Awwissu, l-uffiċċju tal-Juventus Club Vero Amore f’Birkirkara se jibda jkun miftuħ kull nhar ta’ Tlieta u Ħamis bejn il-5.30 u s- 7.00 ta’ filgħaxija.

Issieħeb fil-Juventus Club Vero Amore!

Il-Kumitat tal-Juventus Club Vero Amore (Malta 1975) jixtieq iħabbar li l-Kampanja Tesseramenti 2022/23 tinsab miftuħa. Int tista’ tissieħeb membru fil-Club tagħna jew iġedded is-sħubija tiegħek għall-istaġun 2022/23 għall-prezz ta’ €25 biss.

Ma’ kull sħubija jingħata voucher ta’ €20 mingħand Eurosport flimkien ma’ voucher ieħor ta’ pizza b’xejn ma’ kull waħda li tixtri mingħand il-JC Vero Amore Bar & Grill. Hekk il-Membership tkun qed tiġik b’xejn!!

Tista’ tinkiteb online permezz tal-website fuq https://juventusclubmalta.com/issieheb-maghna/ bil-ħlas isir bil-Paypal, Revolut jew ċekk. Min irid jista’ jiġi direttament fl-uffiċċju tal-Club kull nhar ta’ Tlieta u Ħamis bejn 6.30pm u 8pm, jew siegħa qabel xi logħba tal-Juventus biex jinkiteb.

Torricelli u Legrottaglie żaru l-Club tagħna

Żjara qasira però ta’ suċċess bħal dejjem. Nicola Legrottaglie u Moreno Torricelli żaru llum il-premises tal-Juventus Club Vero Amore (Malta 1975) u baqgħu impressjonanti bil-kobor tal-klabb kif ukoll bl-organizazzjoni. Se inkomplu fejn ħallejna qabel il-Covid u għalekk nibqa’ nħeġġiġkom sabiex tidħlu membri magħna ħalli tgawdu magħna.
Kif dejjem ngħid: IL-MEMBRU HUWA PRIORITÀ

Joseph Fenech

President

Żjara ta’ Torricelli u Legrottaglie fil-Club tagħna

Nhar l-Erbgħa 8 ta’ Ġunju 2022 se jkollna fostna ġewwa l-Club lil Moreno Torricelli u Nicola Legrottaglie. Dawn se jkunu fostna fl-okkażjoni tal-Cruise li Radio Bianconera se tkun qiegħda tagħmel fil-Mediterran.

Dħul esklussiv għall-membri 2021/22 jew 2022/23 biss. Għaldaqstant min għadu mhux imsieħeb inħeġġuh jagħmel dan billi jiklikkja hawn:

Din l-istedina hija miftuħa bejn nofsinhar u 3pm. Narawkom!

Kulmin se jattendi huwa mitlub li jibgħat sms fuq dawn in-numri sa mhux aktar tard mit-Tnejn 6 ta’ Ġunju: Brian 99637288 jew Wayne 99869557.

Insellmu l-memorja ta’ Sandra Shields

Il-President u l-Kumitat tal-Juventus Club Vero Amore (Malta 1975) jixtiequ jibagħtu, f’isem anki l-membri tal-Club, il-kondoljanzi lis-Segretarju tal-Club u l-familja tiegħu għat-telfa tal-għażiża Sandra Shields. Sandra kienet persuna li żgur hi għal qalb dawk kollha li jattendu l-premises tal-Club tagħna. Flimkien ma’ Joe u l-familja tagħha kienet tkun preżenti għal kull partita ta’ Juventus. Kienet mara eżemplari, ferriħija, b’qalb tajba u dejjem lesta tgħin lil dak li jkun. Kif dejjem għidna l-Club tagħna hu l-ewwel u qabel kollox familja u llum tlifna pilastru tal-familja tagħna. Ilna nafuha snin u se nibqgħu niftakruha għal dejjem għat-tbissima tagħha, għall-valuri li kienet tħaddan u li kienet tiġġieled għalihom b’qalba kollha imma mingħajr arroganza. Se nibqgħu niftakruha fuq kollox għax kienet mara tal-familja u żgur li għal ħafna minnha kull meta se niftakru fiha se nġibuha quddiem għajnejna mdawra b’żewġha Joe, it-tfal u l-bqija tal-familja.

Agħtiha, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.

Messaġġ mill-President tal-Club

Għeżież Membri,

Ninsabu fl-aħħar jiem tal-2021 u bħal dejjem f’daż-żminijiet nikteb kelmtejn sabiex filwaqt li nibgħatilkom l-awgurji għal Milied ħieni u sena ġdid mimlija risq u barka, nagħlqu s-sena b’ħarsa lura lejn dak kollu li jkun sar.

Kif jaf kulħadd l-2021 kienet sena diffiċli għal kulħadd minħabba l-impatt tal-pandemija. Għal żmien twil kellna nibqgħu bil-bibien magħluqa u tassew ħassejna n-nuqqas tagħkom ilkoll. Prattikament qattjna nofs sena mingħajrkom fiżikament preżenti fil-Club. F’dawk ix-xhur il-ħidma tiegħi u ta’ sħabi tal-Kumitat ma waqfet xejn, anzi ħadna l-okkażjoni biex inwettqu xogħlijiet ta’ tisbiħ u modernizzar tal-premises. Komplejna ninvestu ħafna u nassigurakom li ma waqafniex minuta mill-ħidma tagħna. Nirringrazzja għaldaqstant lill-membri tal-Kumitat li jagħmlu xogħolhom b’tant passjoni u dedikazzjoni.

Kburi ngħid li t-tmexxija għaqlija tal-aħħar snin ħalliet il-frott tagħha għax minkejja li ninsabu f’nofs pandemija li ilha tifleġ lid-dinja kollha għal sentejn sħaħ, il-Club tagħna kien finanzjarjament f’pożizzjoni solida u stajna nibqgħu ninvestu minkejja d-dħul tal-Club naqas. Mhux talli ma waqafniex imma saħansitra qed inħejju ħafna sorpriżi għall-futur sabiex intom il-membri jkollkom verament l-aħjar kif jixirqilkom.

Żammejna kuntatti mill-aqwa ma’ barra minn Malta, komplejna naqdu lilkom il-membri b’biljietti tal-partiti ta’ Juventus at face value. Jien personalment tlajt Turin diversi drabi, sakemm kien possibbli minħabba l-pandemija, biex inżomm ħajjin il-kuntatti li għandna hemmhekk. Kif tafu aħna qatt ma nieqfu naħdmu biex nirrappreżentaw lill-Club barra minn xtutna u nippruvaw noħolqu opportuntajiet mill-aqwa għalikom il-Juventini tal-gżejjer Maltin.

Minn qalbi nirringrazzja lilkom il-membri kollha talli bqajtu leali lejn il-klabb minkejja ż-żmijijet diffiċli tal-pandemija. Grazzi mill-qalb lil dawk li baqgħu jattendu l-klabb fl-aħħatr xhur. Grazzi anki lil dawk il-membri li reġgħu għażlu li jidħlu fil-familja tal-Club tagħna wara li kienu waqfu jattendu għal xi snin.

Nagħlaq bħal dejjem billi nirringrazzja lill-isponsors. Il-ġenerożità tagħhom tassew ma tieqaf qatt anki fi żminijiet daqstant diffiċli.

Grazzi mill-qalb lil kulħadd u nawguralkom il-Festi t-Tajba!

Joseph Fenech

President

Juventus Club Vero Amore (Malta 1975)

Anniversarju: Seba’ snin ilu Joseph Fenech inħatar President tal-Club tagħna

Bħal-lum seba’ snin bdiet il-Presidenza ta’ Joseph Fenech. Seba’ snin ta’ ħidma għall-ġid tal-Club, u li matulhom isem il-Club tagħna kiber kemm fix-xena lokali kif ukoll f’dik internazzjonali. Minn qalbna nirringrazzjaw lill-President għall-ħidma tiegħu u nawgurawlu aktar snin fil-kariga tiegħu sabiex ikompli jibni fuq il-ħafna tajjeb li diġà wettaq. Il-Club tagħna għandu bżonn it-tmexxija għaqlija, l-entużjażmu u l-kapaċitajiet tiegħu!

Il-Euro2020 fil-Club tagħna!

Illum jibda l-Euro2020 u l-Club tagħna jinsab lest biex jilqgħakom mill-ġdid sabiex flimkien inkunu nistgħu naraw il-partiti kollha tal-Kampjonat Ewropew għan-Nazzjonijiet f’atmosfera mill-isbaħ. Nistidnukom sabiex tiġu taraw il-partiti fil-Club tagħna. Ġibu magħkom mill-membri tal-familja tagħkom u lill-ħbieb tagħkom. Dħul b’xejn għal kulħadd. Segwu l-grupp tagħna fuq Facebook sabiex tkunu infurmati bl-offerti u l-inzjattivi li se jkunu qed jitħabbru minn ħin għall-ieħor.

Narawkom!