Posts

Uffiċjali: Juventus maqlugħa ‘l barra mill-Conference League

L-Uefa ħabbret li Juventus ġew esklużi għal sena waħda mill-kompetizzjonijiet Ewropej u weħlu multa ta’ 20 miljun Ewro minħabba li kisru t-termini tas-settlement agreement iffirmat f’Awissu tal-2022. Juventus, għaldaqstant, mhux se jitħallew jikkompetu fil-Conference League dis-sena. 10 miljuni mill-multa mogħtija jkunu jridu jitħallsu biss jekk fit-tliet snin li ġejjin Juventus ma jkunux konformi mar-regolamenti tal-Uefa.

Matthew Scerri

Juventus barra mill-Conference League?

Juventus lesti jaċċettaw li ma jiħdux sehem fil-Conference League fl-istaġun li jmiss. L-aħbar qed tingħata minn Tuttosport, li qed tirraporta kif grupp ta’ avukati u diriġenti Juventini jinsabu f’negozjati mal-Uefa biex tingħalaq il-kwistjoni tal-inkjesta dwar allegat ksur tat-termini tas-settlement agreement tal-2022. Kif nafu Juventus kienu aċċettaw is-settlement agreement propost lilhom mill-Uefa minħabba ksur tal-prinċipji tal-Fair Play Finanzjarju bejn l-2018 u l-2022. Is-settlement agreement għandu l-għan li Juventus jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom. Ftit tax-xhur ilu, malli ntemmet l-inkjesta ‘Prisma’ tal-Procura ta’ Turin, l-Uefa bdiet tindaga jekk l-accounts ippreżentati minn Juventus (li fuqhom ġie kkalkulat is-settlement agreement) kinux korretti. Kif wieħed jista’ jifhem, jekk jinstabu provi li l-accounts ta’ Juventus ma kinux veritjiera, is-settlement agreement jaqa’ (għax ikkalkulat fuq il-bażi tal-accounts żbaljati) u l-Uefa tista’ tieħu passi dixxiplinari fil-konfront tal-klabb.

Issa kif għidna Juventus qed jippruvaw jagħlqu l-kwistjoni mal-Uefa u jirriżulta li lesti li jibqgħu barra mill-kompetizzjonijiet Ewropej fl-2023/24. Jekk dan verament ikun il-każ, allura jkun ifisser li verament Juventus iridu jagħlqu tassew darba għal dejjem f’dan l-istaġun il-kwistjonijiet kollha li kellhom u li għandhom pendenti mal-Uefa u l-Figc. Il-patteġġament għalaq il-kwistjonijiet mal-Figc. Juventus jonqoshom issa jirranġaw l-affarijiet mal-Uefa u s-sena barra mill-kompetizzjonijiet Ewropej tidher li hi s-soluzzjoni.

Intant tajjeb ngħidu li lbieraħ il-logo ta’ Juventus tħalla barra mill-paġna tal-website tal-Uefa li fiha kien hemm imniżżla l-ismijiet tal-klabbs kollha li se jieħdu sehem fil-Conference League 2023/24. Mill-ewwel qamet polemika kbira fuq is-social media u wara ftit l-Uefa kkoreġiet l-iżball u spjegat li l-logo Juventin tħalla barra bi żvista. Issa rridu naraw x’se jiġri verament. Id-diriġenza attwali waslet verament biex ittemm xogħolha li taqla’ lit-tim mit-tempesta li daħal fiha.

Matthew Scerri