Posts

Issa hemm 15-il każ ta’ Covid fit-tim ta’ Genoa

Il-każijiet ta’ Covid fit-tim ta’ Genoa telgħu għal ħmistax. Fi stqarrija l-klabb żvela l-ismijiet tal-plejers u l-membri tal-istaff li jinsabu pożittivi. Dawn huma: Valon Behrami, Francesco Cassata, Lukas Lerager, Federico Marchetti, Filippo Melegoni, Luca Pellegrini, Mattia Perin, Marko Pjaca, Ivan Radovanovic, Lasse Schöne u Davide Zappacosta. Apparti dawn il-ħdax-il plejer, hemm anki erba’ membri mill-istaff tat-tim: Pietro Cistaro, Alessandro Donato, Pietro Gatto u Matteo Perasso.

Matthew Scerri

Is-soltu teatrin! Għad m’hemmx deċiżjoni dwar Genoa-Torino u Juventus-Napoli

Il-Lega Calcio lbieraħ ma waslet għal ebda konklużjoni dwar jekk il-partiti Genoa-Torino u Juventus-Napoli għandhomx jitħassru jew le. B’mod partikolari kien hemm diskussjoni twila dwar Genoa-Torino hekk kif issa Genoa għandhom 15-il persuna infettata (11-il plejer u 4 persuni mill-istaff tal-kowċ). Jidher li Torino bdew jopponu li l-partita titħassar anki għax ir-regolamenti ma jgħidu xejn dwar dan kollu. Evviva l-isportività ta’ Torino, imma, li jridu li l-partita tintlagħab għax se jkollu l-vantaġġ li l-avversarji jkunu b’nofs tim. Genoa jidhru rrabjati ferm u uffiċċjali tagħhom stqarrew pubblikament li l-partita ma tistax tintlagħab peress li t-tim kollu jinsab taħt kwarantina. Illum il-Lega Calcio għandha tieħu d-deċiżjoni finali.

Intant illum ukoll il-plejers u l-istaff ta’ Napoli se jerġgħu jagħmlu swab tests. Kif għidna lbieraħ hu veru li s’issa kulħadd irriżulta negattiv, biss hu veru wkoll li l-esperti dejjem qalulna li jekk it-test isir kmieni wisq, il-virus ma jinqabadx. Apparti l-iswab tests tal-lum, se jerġa’ jkun hemm swab tests oħra s-Sibt filgħodu. Hu ovvju li jekk jinstab numru sostanzjali ta’ plejers ta’ Napoli pożittivi għall-Covid, anki Juventus-Napoli tkun fir-riskju li titħassar.

Matthew Scerri

Ħadd mit-tim ta’ Napoli m’għandu l-Covid!

L-iswab tests tal-plejers u l-istaff ta’ Napoli kellhom kollha riżultat negattiv u allura s’issa ħadd ma jidher li ħa l-virus mingħand il-plejers ta’ Genoa l-Ħadd li għadda. Ma ninsewx, però, li t-tobba dejjem qalulna li jekk it-test isir kmieni wisq, il-virus jaf ma jinqabadx. Għada waranofsinhar se jsiru testijiet oħra.

Matthew Scerri

Illum se nkunu nafu jekk Juventus-Napoli hix se tintlagħab

Illum mistenni jkun hemm laqgħa straordinarja tal-Lega Calcio fejn fost l-oħrajan se jkun diskuss il-każ tal-14-il persuna ta’ Genoa pożittivi għall-Covid-19. Hu probabbli ferm li Genoa-Torino tas-Sibt tkun posposta. Fl-istess ħin anki Juventus-Napoli jaf titmexxa għal data oħra. Dalgħodu suppost insiru nafu r-riżultati tal-iswab tests li saru lill-plejers ta’ Napoli. Kif ktibna lbieraħ l-incubation period tal-virus hu tassew twila u allura jkun prudenti li Juventus-Napoli tiġi posposta sabiex il-virus ma jkomplix jinfirex u fl-istess ħin nevitaw sitwazzjonijiet fejn il-plejers ta’ Napoli jaf ikunu debboli minħabba l-virus li jkun ġo fihom mingħajr ma jinqabad mit-test.

Matthew Scerri