Sitwazzjoni inċerta dwar il-kuntratt il-ġdid ta’ De Ligt
Fil-belt ta’ Milan, id-diriġenza Bianconera kellha lbieraħ laqgħa mal-avukata Raffaela Pimenta li qed tmexxi l-aġenzija ta’ Mino Raiola. Fil-laqgħa ġew finalizzati l-aħħar dettalji burokratiċi għar-ritorn ta’ Paul Pogba ma’ Juventus. Hemm għidut, għalkemm mhix aħbar konfermata, li Pogba se jkun qed imur Turin bejn il-5 u t-8 ta’ Lulju għat-testijiet mediċi.
Il-laqgħa serviet ukoll biex ikun diskuss it-tiġdid tal-kuntratt ta’ Matthijs De Ligt. Is-sitwazzjoni bħalissa mhix daqstant ċara. Sa ftit tal-ġimgħat ilu, De Ligt kien jidher determinat li jiffirma kuntratt ġdid ma’ Juventus. Issa, però, l-impressjoni hi li hu qed jaħsibha. Juventus għandhom ċerta għaġla li jilħqu ftehim ma’ De Ligt dwar il-kuntratt tiegħu hekk kif il-kuntratt attwali jiskadi fl-2024 u jridu jevitaw ir-riskju li jitilfuh b’xejn.
Matthew Scerri