Posts

Juventus f’idejn tim ta’ esperti. U Del Piero?

Eżatt mar-riżenja ta’ Andrea Agnelli flimkien mal-membri kollha tal-Bord tad-Diretturi, Juventus ħabbru l-ħatra ta’ Maurizio Scanavino biex ikun id-Direttur Ġenerali l-ġdid tal-klabb. Hu espert fil-management u mexxa b’suċċess diversi kumpaniji li jiffurmaw parti mid-dinja tal-Fiat. Scanavino hu ħabib intimu ta’ Elkann sa minn żmien l-universita’ u jista’ jitqies bħala person of trust tiegħu. Fil-passat ħadem mill-qrib ma’ Sergio Marchionne biex isaħħaħ il-management tal-Fiat.

L-għada mbagħad Exor ħabbru li fit-18 ta’ Jannar 2023 se jressqu l-kandidatura ta’ Gianluca Ferrero għall-kariga ta’ President ta’ Juventus. Hu accountant/awditur espert u ta’ fama internazzjonali. Saħansitra hu l-awditur personali tal-membri tal-familja Agnelli.

L-ismijiet l-oħra tad-diriġenti l-ġodda u tal-Bord tad-Diretturi li se jkunu pproponuti min-naħa ta’ Exor għadhom ma tħabbrux. Kollox jindika li se jkunu kollha (jew kważi) esperti fil-qasam legali u finanzjarju bil-għan li Juventus ikunu difiżi sew f’dil-burraxka u fl-istess ħin jitranġaw id-difetti li hemm fl-istruttura amministrattiva tal-klabb.

Il-kapitlu Del Piero. Madwar erbat ijiem ilu kellna l-aħbar li Del Piero se jkun qed jifforma parti mid-diriġenza Juventina. Del Piero stess fuq Instagram kiteb li ma jħossx li għandu “jikkummenta aħbarijiet li jistgħu jsiru spekulazzjonijiet”. Kif għidna Elkann irid diriġenti esperti fil-qasam legali u finanzjarju. Hemm indikazzjonijiet li verament jista’ jkun eks plejer Juventin fid-diriġenza, biss dan x’aktarx se jkun figurehead iktar minn kollox. Mhux suppost ikollu, biex niftehmu, l-istess responsabbiltajiet ta’ Bettega jew Nedved. Semmai xogħlu se jkun li jiddjaloga mat-tim flimkien ma’ Cherubini, u fl-istess ħin ikun il-kelliem tal-klabb mas-supporters u l-media. Jekk huwiex se jkun Del Piero jew le li jokkupa fil-pożizzjoni s’issa mhux magħruf. Għalissa l-aħbar ta’ Del Piero tidher li biss spekulazzjoni min-naħa tal-gazzetti u xejn iktar.

Fit-18 ta’ Jannar se jkollna l-ħatra tal-Bord il-ġdid tad-Diretturi. Sa dakinhar probabbli jkollna idea ċara wkoll dwar id-diriġenti l-ġodda. Ta’ min jgħid li l-bidliet li qed isiru ntlaqgħu tajjeb mis-swieq u mill-investituri tant li x-shares ta’ Juventus, għalkemm tilfu mill-valur tagħhom, ma kellhomx il-kollass li normalment wieħed jistenna f’każijiet bħal dawn.

Matthew Scerri

Bħal-lum fil-passat (17 ta’ Awwissu)

Aktar filmati mill-preseason Juventin tas-snin li għaddew. Bħal-lum fl-1999 Juventus kienu rebħu t-Trofeo Berlusconi billi għelbu lil Milan bl-iskor ta’ 1-0. Il-gowl tar-rebħa Juventina wasal minn Del Piero.

L-ismijiet tar-rivoluzzjoni Juventina

Il-kampjonat wasal biex jintemm u kollox qed jindika li resqin lejn rivoluzzjoni fi ħdan it-tim Juventin. Rivoluzzjoni li, kif ilna niktbu, se tara bidliet kbar kemm fid-diriġenza kif ukoll fit-tmexxija teknika tat-tim. Hemm rapporti li fil-jiem li għaddew John Elkann mar fil-Continassa u tkellem mal-plejers. X’intqal, ovvjament, ma nafux. Biss kollox jindika li Andrea Agnelli probabbli mhux se jibqa’ President ta’ Juventus. Kif konna għidna minflok probabbli se jinħatar Nasi. Paratici u Nedved x’aktarx se jitilqu huma wkoll. Qed jissemmew diversi diriġenti: Del Piero bħala Viċi-President, Lippi bħala konsulent tat-Technical Area, Marotta lura bħala CEO u Giuntoli minflok Paratici. Il-kowċ se jinbidel ukoll. Allegri qed jissemma ħafna. Illum hu wasal Turin. Aħbar ili Momblano ta nhar it-Tnejn li għadda. Skontu Allegri kien Turin il-ġimgħa li għaddiet u kellu jmur lura llum. Dejjem skont Momblano, Allegri hu miftiehem ma’ klabb ieħor li mhuwiex il-Juventus. Probabbli, għaldaqstant, li Allegri jinsab Turin għal raġunijiet privati. Fil-fehma tagħna l-kowċ mhux se jkun Allegri, imma xi ħadd ieħor. X’aktarx Juventus qed iħallu li l-attenzjoni ddur fuq Allegri biex huma jkunu jistgħu jinnegozjaw bil-kwiet mal-kowċ il-ġdid.

Matthew Scerri