Posts

Carnevali jispjega kif jinsabu l-affarijiet għal Frattesi

Ic-CEO ta’ Sassuolo, Carnevali, stqarr li hu kellu kuntatt ma’ Roma, Inter u Juventus dwar Frattesi. Skontu, Milan ma avviċinawx lil Sassuolo għal Frattesi minkejja li fuq il-gazzetti qed jinkiteb mod ieħor. Carnevali żied li Frattesi ma esprima ebda preferenza għal xi klabb partikulari. Qalilhom biss li jrid jibqa’ l-Italja. Ta’ min jgħid li Roma għandhom id-dritt li jdaħħlu 30% tas-somma tal-bejgħ ta’ Frattesi. Carnevali temm jgħid li Sassuolo m’għandhomx il-ħtieġa li jbigħu lil ħadd.

Matthew Scerri

Taqtigħa kbira għall-akkwist ta’ Frattesi

Davide Frattesi hu l-plejer tal-mument fis-sens li fuqu bħalissa hemm l-attenzjoni tal-klabbs il-kbar tas-Serie A. Juventus, Inter, Milan u Roma jriduh b’saħħa. Fil-pjanijiet ta’ Juventus, Frattesi għandu jimla l-vojt li se jħalli Rabiot. Nafu li Manna kellu minn tal-inqas tliet laqgħat (ikkonfermati) ma’ Carnevali ta’ Sassuolo għalih. L-aħħar laqgħa saret ilbieraħ stess u jidher li Juventus riedu jkunu ċerti li għad m’hemmx ftehim definittiv bejn Sassuolo u Inter għall-midfielder Taljan. Skont il-gazzetti, Inter huma l-favoriti nett li jixtru lil Frattesi għal 35 miljun Ewro. Skont Carnevali, però, Sassuolo għalissa qed jisimgħu l-offerti ta’ kulħadd u għad m’hemmx tim li jinsab fuq quddiem f’dit-taqtigħa. Dejjem skont Carnevali, Sassuolo lesti jaċċettaw li jkun hemm tpartit ma’ plejers oħra. Hawn irridu nsemmu li allegatament Juventus qed joffru lil Soule’ u flus.

Apparti Juventus u Inter, hemm anki Milan u Roma li jridu lil Frattesi. Il-midfielder Taljan hu prodott tal-youths ta’ Roma u kollox jindika li għad għandhom id-dritt ta’ recompra fuqu (dejjem jekk ikunu għallinqas qed joffru daqs l-aqwa offerta minn klabbs oħra). Imbagħad hemm Milan li f’dawn is-sigħat qed ibigħu lil Tonali għal 80 miljun u allura se jkollhom il-flus biex iressqu offerta aqwa minn dik ta’ Inter.

Nagħlqu billi bħas-soltu nfakkru li Juventus, iktar minn qatt qabel, dis-sena se jkunu qed jinvestu b’mod iktar bil-għalaq u għaldaqstant iktar ma jogħlew l-ewwel minn klabbs oħra, iktar hu probabbli li Juventus ma jirnexxilhomx jiksbuh.

Matthew Scerri

L-ewwel il-bejgħ!

Manna, assistit minn Tognozzi, bħalissa għaddej b’ħidma intensiva bil-għan li jirnexxilu jbigħ jew jislef il-plejers li kienu mislufin u li m’għadhomx parti mill-pjanijiet ta’ Juventus. Qed nirreferu għal plejers bħal Arthur, Zakaria, Kulusevski u oħrajn.

Il-bejgħ ta’ dawn il-plejers mhux se jkun faċli, ovvjament, anki għax uħud minnhom ġejjin minn staġun kemxejn deludenti. Hawn trid tidher il-bravura ta’ Manna u Tognozzi. Interess fil-plejers jidher li hemm u l-uffiċċjali ta’ Juventus iridu jkunu bil-għaqal biżżejjed biex dak l-interess jibdluh f’opportunità vera ta’ trasferiment.

Il-pjanijiet ta’ Juventus ma jieqfux hawn. Qed ikun irrapurtat minn diversi sorsi li Elkann ta istruzzjonijiet sabiex il-klabb inaqqas l-operational costs tiegħu u dan jinkludi anki għażliet li jwasslu biex jonqsu l-pagi tal-plejers fit-tim. Mhux eskluż li plejers b’paga għolja bħal Szczesny u Alex Sandro jinbigħu. F’din l-ottika rridu nifhmu anki, pereżempju, għala Juventus ma xtrawx lil Milik għal kollox bil-prezz maqbul sena ilu. Milik kien u għadu plejer li Juventus japprezzaw, imma x’aktarx iridu jixtruh għal somma inqas jew inkella jippruvaw iġeddu s-self tiegħu għal sena oħra.

Jista’ jkun ukoll li jinbigħu xi stilel tat-tim bħal Chiesa jew Vlahovic jekk tasal offerta tassew kbira (s’issa imma ma jidhirx li hemm għalihom offerti sensazzjonali). Hawn ta’ min jgħid li Chiesa għandu kuntratt li jiskadi fl-2025 u allura Juventus das-sajf iridu jifhmu jekk il-winger Taljan iridx iġedded il-kuntratt ma’ Juventus bil-kundizzjonijiet tal-Bianconeri jew inkella għandux miri oħra (jekk dan ikun il-każ allura issa hu l-aqwa żmien għall-bejgħ tiegħu!)

Kif għidna, l-ewwel il-bejgħ. Juventus bħalissa ma tantx jidhru li qed jinnegozjaw l-akkwist ta’ plejers ġodda. L-unika eċċezzjoni hu Frattesi li għalih Juventus diġà kellhom żewġ laqgħat ma’ Sassuolo. Hu meqjus is-sostitut ideali għal Rabiot, imma hawn irridu ngħidu li hemm xnigħat li Juventus offrew anki kuntratt ġdid ta’ sena lill-Franċiż bl-istess paga li kellu fl-aħħar snin. Apparti Frattesi ma nafux li Juventus realment qed jippruvaw jixtru lil ħadd iktar.

Il-bejgħ fiċ-ċentru tal-attenzjoni tad-diriġenti Juventini. Il-bejgħ u t-tnaqqis tal-operational costs. Qed tissemma minn diversi sorsi s-somma ta’ 120-130 miljun Ewro li Juventus iridu jiffrankaw dis-sena. Ħadd ma spjega minfejn ħarġet dis-somma jew kif ġiet ikkalkulata. Hi x’inhi s-somma li Juventus iridu jiffrankaw, li hu żgur hu li, kif kien beda jagħmel Arrivabene, qed jinbidel l-operat ta’ Juventus: daqshekk infiq bla rażan; daqshekk pagi għoljin; tmexxija iktar għaqlija mil-lat finanzjarju; u klabb li jimmira li jkun self-sustainable filwaqt li jibqa’ kompetittiv.

Matthew Scerri