Posts

Giuntoli: “Irridu nsibu bilanċ bejn sostenibbiltà u kompetittività”

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tal-lum, Cristiano Giuntoli ġie mistoqsi ħafna dwar l-istrateġiji ta’ Juventus fis-suq tat-trasferimenti. Skontu jrid jinstab bilanċ bejn il-kompettittivita’ tat-tim u s-sostenibbilta’ finanzjarja tal-operat tat-tim. Saħaq li għalissa Juventus m’huma se jixtru lil ħadd peress li jemmnu li għandhom tim kompetittiv. L-attenzjoni tinsab biss fuq il-bejgħ ta’ plejers ladarba hemm wisq plejers fi ħdan it-tim. F’das-sens ikkonferma li hemm offerti minn klabbs oħra għal Zakaria, Arthur u Bonucci, b’dan tal-aħħar pero’ mhux interessat l-offerti li waslulu. Tenna li se jkun diffiċli fil-bidu li t-tim jitmexxa b’mod għaqli mil-lat finanzjarju, biss fil-futur għad ikun hemm frott kbir grazzi għal dil-ħidma u s-sagrifiċċji li qed isiru issa.

Sarulu tliet domandi dwar Lukaku u r-risposta li ta Giuntoli kienet li bħalissa hu u Manna qed jitkellmu ma’ klabbs oħra biex jiksbu informazzjoni dwar xi plejers mingħajr ma fetħu negozjati ma’ ħadd. Fl-istess waqt Giuntoli saħaq li Juventus jemmnu ħafna f’Vlahovic u Chiesa tant li ma jridux ibigħuhom. Madankollu jekk tasal offerta fenomenali, Juventus lesti jikkunsidraha peress li l-accounts tal-klabb jirrikjedu dħul biex jagħmel tajjeb għat-telf li kien hemm u li jista’ jkun hemm, speċjalment jekk Juventus ma jiħdux sehem fil-Conference League.

Fl-aħħar nett kumment dwar Allegri. Giuntoli faħħru għax-xogħol tas-sena li għaddiet minkejja d-diffikultajiet kbar li kien hemm. Żvela li Allegri ma talbu ebda akkwist, anzi hu jemmen ħafna fil-potenzjal tat-tim li għandu Giuntoli temm jgħid li qed jaħdem bejn ipoġġi lil Allegri fl-aħħar kundizzjonijiet biex jaħdem b’tim magħmul minn talent żagħżugħ u plejers esperti li jaħdmu id f’id flimkien ħalli Juventus jiksbu l-aqwa riżultati.

Matthew Scerri

Uffiċjali: Giuntoli ngħaqad ma’ Juventus

Tħabbar b’mod uffiċjali li Cristiano Giuntoli ffirma kuntratt ma’ Juventus u se jkun qed jifforma parti mid-diriġenza Bianconera. Hu se jkun il-Kap tal-Area Sport u se jkun responsabbli mit-tmexxija tat-timijiet kollha li għandhom Juventus.

Matthew Scerri

Giuntoli, Pogba u oħrajn fil-Continassa

Il-preseason ta’ Juventus jibda l-ġimgħa d-dieħla, biss il-Continassa diġà bdiet timtela. Ilbieraħ wasal fil-Continassa Paul Pogba li, wara li qatta’ sajf jittrenja waħdu f’Miami, issa mar Turin ġimgħa qabel sħabu bil-għan li jkun mija fil-mija f’sikktu għat-tournament li Juventus se jieħdu sehem fih fl-Amerka fl-aħħar ta’ dax-xahar. Miegħu hemm anki De Sciglio li qed jirkupra minn injury gravi. Hu fadallu xhur biex jidħol lura fl-azzjoni, biss f’dan l-istadju hu importanti li hu jkompli jsegwi l-programm ta’ fiżjoterpija mfassal għalih. Fil-jiem li ġejjin mistennija jaslu fil-Continassa anki Kaio Jorge u Fagioli li huma wkoll qed jirkupraw minn injury.

Apparti l-plejers, fil-Continassa llum deher għall-ewwel darba Cristiano Giuntoli li żar il-faċilitajiet sportivi ta’ Juventus u wara kellu laqgħa privata ma’ Calvo. L-aħbar uffiċjali li Giuntoli ffirma għal Juventus għadha ma ngħatatx biss jidher li hu diġà qed jaħdem għat-tim Juventin biex jibni ġejjieni mill-isbaħ.

Matthew Scerri

Kif se jkun imqassma l-karigi amministrattivi fi ħdan Juventus

Għada jew it-Tlieta Juventus mistennija jħabbru li Cristiano Giuntoli ffirma kuntratt magħhom sal-2028. Hu se jkun il-Kap tal-‘Area Sport’ u se jkun responsabbli mit-timijiet kollha ta’ Juventus kemm il-kbar kif ukoll in-Next Gen u t-timijiet tal-youths.

Fi ħdan l-istruttura managerjali ta’ Juventus, Giuntoli se jkun qed ikollu fuqu lill-President Ferrero, liċ-CEO Scanavino u lid-Direttur Ġenerali Calvo li issa se jieħu ħsieb biss it-tmexxija amministrattiva u kummerċjali tal-klabb.

Fl-Area Sport se jkun hemm Giovanni Manna bħala Direttur għall-Isport tat-tim tal-kbar u se jibqa’ jkun hu li jmexxi n-negozjati għax-xiri u l-bejgħ tal-plejers.

Federico Cherubini se jibqa’ jaħdem għal Juventus minkejja s-sospensjoni. Xogħlu se jkun wara skrivanija jfassal il-proġetti għall-ġejjieni tal-klabb.

Marco Storari se jkun in charge mit-tim Next Gen, b’Claudio Chiellini jgħinu bħala Direttur għall-Isport. Id-Dipartiment tal-iscouting se jkun immexxi mill-ġdid minn Matteo Tognozzi u hawn ta’ min jgħid li Juventus beħsiebhom isaħħu l-iscouting b’aktar investiment ġewwa u barra l-Italja.

Niġu issa għas-settore giovanile jew aħjar it-timijiet tal-youths. Pessotto se jkun ikkonfermat bħala Kordinatur tat-timijiet kollha, filwaqt li Massimiliano Scaglia se jkun responsabbli amministrattivament mit-timijiet kollha miż-żgħar nett sal-Primavera.

Matthew Scerri

Giuntoli jilħaq ftehim biex itemm il-kuntratt ma’ Napoli

L-istennija waslet biex tintemm: De Laurentis aċċetta li jħalli lil Giuntoli jitlaq lil Napoli. Il-ftehim diġa’ intlaħaq u bħalissa l-avukati qed jiffinalizzaw id-dokumenti legali meħtieġa biex Giuntoli jinħall mill-kuntratt li jorbtu ma’ Napoli. Minn għada, Giuntoli se jkun jista’ jiffirma kuntratt ta’ ħames snin ma’ Juventus b’paga ta’ 2 miljuni u nofs fis-sena.

Matthew Scerri

Indikazzjoni li Giuntoli se jitlaq lil Napoli?

Illum Napoli ppreżentaw uffiċjalment lill-kowċ il-ġdid tagħhom, Rudi Garcia. Interessanti li Giuntoli ma attendiex għall-preżentazzjoni u ma ngħatat ebda raġuni għal dan. Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, De Laurentis ma qal xejn dwar il-futur ta’ Giuntoli. Madankollu, dak li ġara llum donnu jindika biċ-ċar li Giuntoli qiegħed jinnegozja ma’ Napoli x-xoljiment tal-kuntratt tiegħu sabiex ikun jista’ jingħaqad ma’ Juventus. Rumours tal-calciomercato qed jagħtu bħala kważi ċert li Giuntoli se jkun qed jingħaqad ma’ Juventus sa mill-ewwel ġimgħa ta’ Lulju.

Matthew Scerri