Posts

Giuntoli: “Irridu nsibu bilanċ bejn sostenibbiltà u kompetittività”

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tal-lum, Cristiano Giuntoli ġie mistoqsi ħafna dwar l-istrateġiji ta’ Juventus fis-suq tat-trasferimenti. Skontu jrid jinstab bilanċ bejn il-kompettittivita’ tat-tim u s-sostenibbilta’ finanzjarja tal-operat tat-tim. Saħaq li għalissa Juventus m’huma se jixtru lil ħadd peress li jemmnu li għandhom tim kompetittiv. L-attenzjoni tinsab biss fuq il-bejgħ ta’ plejers ladarba hemm wisq plejers fi ħdan it-tim. F’das-sens ikkonferma li hemm offerti minn klabbs oħra għal Zakaria, Arthur u Bonucci, b’dan tal-aħħar pero’ mhux interessat l-offerti li waslulu. Tenna li se jkun diffiċli fil-bidu li t-tim jitmexxa b’mod għaqli mil-lat finanzjarju, biss fil-futur għad ikun hemm frott kbir grazzi għal dil-ħidma u s-sagrifiċċji li qed isiru issa.

Sarulu tliet domandi dwar Lukaku u r-risposta li ta Giuntoli kienet li bħalissa hu u Manna qed jitkellmu ma’ klabbs oħra biex jiksbu informazzjoni dwar xi plejers mingħajr ma fetħu negozjati ma’ ħadd. Fl-istess waqt Giuntoli saħaq li Juventus jemmnu ħafna f’Vlahovic u Chiesa tant li ma jridux ibigħuhom. Madankollu jekk tasal offerta fenomenali, Juventus lesti jikkunsidraha peress li l-accounts tal-klabb jirrikjedu dħul biex jagħmel tajjeb għat-telf li kien hemm u li jista’ jkun hemm, speċjalment jekk Juventus ma jiħdux sehem fil-Conference League.

Fl-aħħar nett kumment dwar Allegri. Giuntoli faħħru għax-xogħol tas-sena li għaddiet minkejja d-diffikultajiet kbar li kien hemm. Żvela li Allegri ma talbu ebda akkwist, anzi hu jemmen ħafna fil-potenzjal tat-tim li għandu Giuntoli temm jgħid li qed jaħdem bejn ipoġġi lil Allegri fl-aħħar kundizzjonijiet biex jaħdem b’tim magħmul minn talent żagħżugħ u plejers esperti li jaħdmu id f’id flimkien ħalli Juventus jiksbu l-aqwa riżultati.

Matthew Scerri