Posts

Juventus mhux obbligati jixtru għal kollox lil Paredes

Fis-sajf Juventus mhux se jkollhom l-obbligu li jixtru għal kollox lil Leandro Paredes. Fil-fatt skont La Gazzetta dello Sport l-obbligu sar issa dritt ladarba Juventus inqalgħu miċ-Champions League. Dritt li Juventus ma tantx jidhru disposti li jeżerċitaw sakemm Paredes ma jaċċettax li tonqos drastikament il-paga tiegħu, kif ukoll PSG jitolbu inqas mis-somma maqbula fis-sajf (27.8 miljun Ewro bonuses u commissions inklużi).

Matthew Scerri

Paredes isofri injury muskolari

Leandro Paredes se jkollu jibqa’ wieqaf għal madwar ġimaghtejn wara li sofra injury muskolari waqt it-training. L-injury mhuwiex gravi skont ir-riżultati miksub minn testijiet mediċi li sarulu. Wieħed irid jara jekk Paredes huwiex se jirnexxielu jidħol lura fl-azzjoni qabel il-waqfa għat-Tazza tad-Dinja.

Matthew Scerri

Żewġ plejers ma qagħdux għat-tisfir tas-supporters

Fi tmiem Juventus-Benfica, il-plejers Juventini marru taħt il-Curva bħas-soltu biex isellmu lis-supporters. Huma kienu milqgħuha minn ħafna tisfir. Bonucci stess wara kkummenta li Juventus ħaqqhom dat-tisfir. Tajjeb ngħidu li qatt ma ġrat fl-istorja li Juventus tilfu l-ewwel żewġ partiti tal-grupp taċ-Champions League. Allegri kien qalilna li biex ngħaddu rridu 10 punti. Fadal 12-il punt li nistgħu nieħdu u onestament dat-tim diffiċli li jikseb 10 punti fl-erba’ partiti li fadal!

Filmati li dehru fuq Twitter juru sew li kien hemm żewġ plejers li ma qagħdux għat-tisfir tas-supporters u għażlu li joħorġu mill-grawnd. Il-plejers huma Di Maria u Paredes. Di Maria deher nervuż ferm wara l-partita u hemm filmati tiegħu jitkellem b’mod irrabjat ma’ Milik. Skont l-interpretazzjoni ta’ ħafna, Di Maria kien irrabjat għax Allegri bidel lil Milik ma’ Kean. Ma nafux jekk dan huwiex minnu. Li hu żgur hu li fi tmiem il-partita, hu baqa’ f’nofs il-grawnd u ma marx ma’ sħabu taħt il-Curva. Imbagħad malli sema’ l-ewwel tisfir tas-supporters, Di Maria qabad u mexa lejn id-dressing room. Paredes, mill-banda l-oħra, mexa lejn il-Curva għalkemm baqa’ iktar lura minn sħabu. Malli beda t-tisfir hu dar u telaq ‘il ġewwa.

Matthew Scerri

Paredes: “Jew Juventus jew xejn”

Uffiċjali: Paredes b’self ma’ Juventus

Juventus ħabbru li kisbu b’self b’xejn lil Leandro Paredes mingħand PSG sat-30 ta’ Ġunju 2023. Il-Bianconeri għandhom id-dritt li jixtruh għal kollox is-sena d-dieħla għal 22.6 miljun Ewro. F’każ li jintlaħqu miri sportivi diġa’ maqbula bejn il-klabbs, id-dritt isir obbligu għal Juventus. Apparti t-22.6 miljun, Juventus iridu jħallsu 2.2 miljun Ewro f’commissions u 3 miljuni oħra f’bonuses. Il-klabbs qablu wkoll li jekk Juventus ma jixtrux lil Paredes għal kollox, imma jkunu ntlaħqu miri sportivi oħra miftehma bejn il-klabbs, il-Bianconeri jkollhom iħallsu 2.5 miljun Ewro lil PSG.

Matthew Scerri

Paredes mistenni jagħmel it-testijiet mediċi llum

Qed ikun irrapurtat li llum, l-Erbgħa, Leandro Paredes se jkun qed jagħmel it-testijiet mediċi biex jissieħeb ma’ Juventus. It-testijiet mediċi se jsiru direttament f’Pariġi u mhux f’Turin. Skont Romeo Agresti, Juventus se jiksbu lil Paredes b’self bid-dritt li jixtruh għal kollox is-sena d-dieħla għal 15—il miljun Ewro flimkien ma’ 5 miljuni oħra f’bonuses. Id-dritt pero’ jsir obbligu jekk Juventus jilħqu ċerta miri sportivi maqbula bejn il-klabbs.

Matthew Scerri

Konferma minn Pariġi li Paredes hu miftiehem ma’ Juventus

Il-kowċ ta’ PSG, Christophe Galtier ikkonferma li Paredes għandu ftehim ma’ Juventus. Fi kliemu Paredes moħħu f’Juventus minkejja li għadu plejer ta’ PSG. Fis-sigħat li ġejjin it-trasferiment mistenni jkun uffiċjali.

Matthew Scerri

Paredes-Juventus. Trasferiment fil-qrib ħafna

F’dawn is-sigħat Juventus qed jiffinalizzaw il-ftehim ma’ PSG biex jiksbu lil Leandro Paredes b’self għal sena. Il-klabbs allegatament resqin lejn qbil għal self b’ Juventus ikollhom id-dritt li jixtru lil Paredes għal kollox is-sena d-dieħla għal 15-il miljun Ewro. Jidher li l-aħħar dettalji li l-klabbs għad iridu jsibu ftehim dwarhom huma l-kundizzjonijiet li jwasslu biex dan id-dritt isir obbligu min-naħa ta’ Juventus li jixtru lil Paredes għal kollox.

Matthew Scerri

Milik fi triqtu lejn Turin. Paredes ukoll qrib li jingħaqad ma’ Juventus

Milik se jkun qed jasal Turin aktar tard illum skont rapporti li qed jidhru fil-media Taljana. X’aktarx hu se jkun qed jagħmel it-testijiet mediċi għada. Juventus kisbuh b’self għal sena, liema self se jkun imħallas 1 miljun Ewro flimkien ma’ 1 miljun Ewro ieħor f’bonuses. Is-sena d-dieħla Juventus se jkunu jistgħu jixtruh għal kollox għal 8 miljuni.

Intant f’dawn is-sigħat id-diriġenza Bianconera għaddejja b’kuntatti ma’ PSG bil-għan li bejn illum u għada tiffinalizza t-trasferiment ta’ Paredes, b’self ukoll għal sena.

Matthew Scerri