Posts

Rovesciata li saret leġġenda!

Il-partiti tal-futbol huma l-ħin kollu rrekordjati mhux biss permezz ta’ filmati imma anki b’ritratti miġbuda minn għexieren ta’ professjonisti. Uħud mir-ritratti jibqgħu fil-memorja iktar fit-tul u jsiru ikoniċi. Wieħed minn dawn ir-ritratti hu dak li qed nippubblikaw ma’ dan l-artiklu. Kien miġbud fil-15 ta’ Jannar 1950. Dakinhar Juventus kienu qed jilagħbu barra minn darhom kontra Fiorentina. L-iskor baqa’ mwaħħal fuq 0-0 sa tmiem il-partita. Ħin minnhom id-difensur ta’ Fiorentina, Maglia ta ballun fit-tul lejn l-istilla Egisto Pandolfini. Il-ballun però ma wasalx għand Pandolfini minħabba li Carlo Parola intervjena b’rovesciata u tajru ‘l bogħod. Dik ir-rovesciata saret famuża anki grazzi għall-fotografu Corrado Bianchi li ġibed ir-ritratt. Il-fotografu qabad l-eleganza u l-klassi kollha ta’ dak il-ġest ta’ Parola. Snin wara Giuseppe Panini ħallas għad-dritt li juża dak ir-ritratt biex joħloq fuqu l-logo tal-albums tal-istickers Panini. Kulmin xi darba għaqqad l-album ‘Calciatori’ żgur li ra miljun darba r-rovesciata ta’ Parola. U hekk permezz ta’ ritratt ir-rovesciata ta’ Parola saret leġġenda!

Matthew Scerri