Posts

X’qed jingħad dwar is-suq tat-trasferimenti Juventin

L-għidut dwar it-tim Juventin mhu jaqta’ xejn hekk kif is-suq tat-trasferimenti riesaq bil-mod il-mod lejn tmiemu. Fadal bejn wieħed u ieħor tliet ġimgħat u nofs, u jekk s’issa n-negozjati mxew b’pass kajman, issa t-timijiet iridu jibdew jiffinalizzaw l-akkwisti tagħhom. Juventus huma attivi ferm kemm mil-lat ta’ bejgħ ta’ plejers, kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam max-xiri ta’ plejers ġodda.

Il-plejers li probabbli jitilqu lil Juventus huma Rugani u Arthur. It-tnejn li huma għandhom paga għolja u Juventus lesti jneħħuhom peress li huma meqjusa biss bħala riservi ma’ Juventus. Arthur jinsab qrib ħafna li jingħaqad ma’ Valencia b’self. Rugani, mill-banda l-oħra, x’aktarx ikun mibjugħ. Galatasaray qed joffru 10 miljuni għalih, somma li Juventus lesti jaċċettaw. Rugani jinsab anki fil-mira ta’ klabbs Taljani bħal Empoli u Sampodoria, biss dawn mhumiex joffru daqs Galatasaray.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-akkwist, Juventus nafu li qed ifittxu playmaker, plejer max-xellug u attakkant. Nafu li hemm ftehim kemm ma’ Kostic kif ukoll ma’ Paredes, bil-plejers diġà aċċettaw l-offerta mressqa lilhom minn Juventus. Jonqos issa li Juventus jilħqu ftehim mal-klabb rispettiv tagħhom. Dwar l-attakkant hemm ħafna iktar inċertezza. Issemmew diversi plejers, b’Morata dejjem ikun indikat bħala l-favorit nett, għalkemm fil-verità Atletico ma tantx jidhru disposti jitilquh minn idejhom. Attakkanti oħra li qed jissemmew bħalissa huma: Muriel u Raspadori. Fl-aħħar tajjeb ngħidu li jekk verament jitlaq Rugani, hu probabbli li Juventus jixtru difensur ieħor, b’Milinkovic ta’ Fiorentina jkun il-kandidat prinċipali.

Matthew Scerri

Ikomplu l-kuntatti ta’ Juventus ma’ diversi attakkanti

Mhu jieqaf xejn l-għidut dwar l-akkwist ta’ attakkant ġdid min-naħa ta’ Juventus. Fl-aħħar sigħat l-ispekulazzjonijiet kienu marbutin l-iktar ma’ tliet plejers li jilagħbu fis-Serie A: Muriel, Mertens u Raspadori. Allegatament Juventus għamlu kuntatti ma’ dawn it-tliet plejers bil-għan li jitkixxfu sew dwar x’possibiltajiet hemm li jiksbuhom.

L-attakkant Kolombjan ta’ Atalanta hu plejer li ilu jissemma. Fil-bidu jidher li Atalanta riedu 20 miljun għalih, biss issa x’aktarx jinsabu disposti jaċċettaw 12-il miljun għalih, somma li jeħtieġu biex jixtru lil Pinamonti.

Mertens, mill-banda l-oħra, hu free agent. Diversi klabbs offrewlu kuntratt u fost dawn hemm anki Juventus. S’issa ma nafux eżattament kemm Juventus offrewlu. Hemm imma indikazzjonijiet li l-offerta Bianconera għal Mertens hi waħda għolja.

Fl-aħħar nett, Raspadori. Sa jumejn ilu kollox kien jindika li Raspadori se jingħaqad ma’ Napoli. Biss ilbieraħ filgħaxija jidher li Juventus għamlu kuntatt mal-aġent tiegħu u ffissaw appuntament ma’ Sassuolo. L-għan ta’ Juventus, dejjem skont dan l-għidut, hu li jaqbżu lil Napoli u jiksbu l-firma tal-attakkant Taljan.

Matthew Scerri

Konferma li Juventus u Napoli jridu lil Raspadori

Iċ-CEO ta’ Sassuolo, Giovanni Carnevali kkonferma li Juventus u Napoli jinsabu interessati li jiksbu s-servizzi ta’ Raspadori. Hu qal dan f’intervista mogħtija lil Il Giornale. Fi kliemu Sassuolo jixtiequ li tinstab soluzzjoni malajr kemm jista’ jkun ħalli Sassuolo jkunu jistgħu jissetiljaw lit-tim tagħhom għall-istaġun 2022-23 li se jibda ġimagħtejn oħra.

Matthew Scerri

Sassuolo lesti jitkellmu ma’ Juventus dwar Raspadori

L-għidut hu li Juventus għandhom fil-pjanijiet tagħhom li jixtru lil Raspadori mingħand Sassuolo sabiex jieħu post Dybala. Dwar dan kollu tkellem iċ-CEO ta’ Sassuolo, Giovanni Carnevali. Dan hu dak li qal:

“Ma’ Juventus diġà kellna t-trasferiment ta’ Locatelli. Jekk ikun hemm l-opportunità ta’ aktar trasferimenti, inkunu kuntenti. F’Jannar klabb Ingliż talabulna spiss, iżda għalina hu plejer fondamentali.”

Matthew Scerri