Tkompli l-ħidma Juventina ġewwa u barra l-grawndby Matthew Scerri
Ninsabu fit-tieni ġimgħa tal-era post-Andrea Agnelli. Bħall-ġimgħa ta’ qabilha kellna ħafna spekulazzjonijiet min-naħa tal-gazzetti u tal-websites sportivi. Fi tmiem dil-ġimgħa jkollna l-opportunità li niflu ftit iktar mill-qrib uħud mill-aħbarijiet li ħarġu peress li bħalissa hemm min qed jagħti stampa mhix veritiera tal-affarjiet u hemm minn qed iwerwer u jħammeġ isem il-Juventus għalxejn.
Dil-ġimgħa kellna lit-tim jerġa’ jibda t-taħriġ wara l-vaganzi. Ovvjament hemm neqsin il-plejers li ħadu sehem fit-Tazza tad-Dinja. Il-plejers l-oħra bdew iħejju għall-partiti ta’ Jannar u hemm interess qawwi biex naraw jekk finalment huwiex se jkun possibbli li naraw lil Pogba fil-grawnd.
Mil-lat tal-klabb, jirriżulta Scanavino beda l-ħidma tiegħu billi qed jiltaqa’ mal-impjegati kollha tal-klabb. Nies ta’ fiduċja ta’ Elkann bħalissa qed jaħdmu minn wara l-kwinti sabiex ikunu individwati l-esperti legali-amministrattivi li se jkunu qed jiffurmaw parti mill-Bord tad-Diretturi ta’ Juventus. Barra minn hekk qed issir ħidma biex ikun tinħatar diriġenza ġdida li flimkien ma’ Ferrero u Scanavino se jkunu qed jieħdu ħsieb it-tmexxija tat-tim. Ismijiet qed isiru ħafna. S’issa m’hemmx wisq ċertezza. Probabbli li Cherubini se jkompli b’xogħlu minn tal-inqas sa tmiem l-istaġun anki minħabba l-fatt li diriġenti oħra li jistgħu jinteressaw lil Juventus huma marbutin b’kuntratt ma’ klabbs oħra u mhux faċli li jitilqu f’nofs staġun. L-indikazzjonijiet huma li minkejja li saru ħafna ismijiet suġġestivi tipo dak ta’ Del Piero, Elkann irid jevita li t-tim ikun afdat f’idejn nies li ma wrewx jew qed juru kapaċitajiet amministrattivi tajbin.
Id-data tat-18 ta’ Jannar mhix ‘il bogħod. Dakinhar ikollna idea aħjar dwar il-futur tal-management Juventin. Qabel dik id-data Juventus se jkunu lagħbu partiti importanti, fosthom dik kontra l-leaders Napoli.
Matthew Scerri