X’inhi l-akkuża?by Matthew Scerri
Meta bdiet l-inkjesta Prisma, Juventus kellhom iwieġbu prinċipalment għall-akkuża li użaw is-sistema ta’ plusvalenze bil-għan li jgħattu parti mit-telf finanzjarju li kien qed ikollhom. It-teorija dejjem kienet li Juventus kienu qed ipartu jew ibiegħu plejers bejniethom bi prezzijiet imneffħin apposta. Il-Procura ta’ Turin stmat li hemm diskrepanza ta’ madwar 155 miljun fuq tliet snin (2019-2021). Il-giustiza sportiva ħelset lil Juventus minn kull akkuża dwar il-plusvalenze peress li m’hemmx mod kif xi ħadd jiddetermina kemm għandu jkun il-prezz ta’ plejer. Il-Qorti Ċivili se tkun imsejħa tiddeċiedi dwar il-plusvalenze, dejjem jekk verament il-kawża li nfetħet tkompli.
Mill-plusvalenze għaddejna mbagħad għall-hekk imsejħa ‘manovra stipendi’. Fit-28 ta’ Marzu 2020 Juventus kien ħabbru pubblikament li laħqu ftehim mal-plejers biex dawn ma jitħallsux erba’ pagi minħabba l-emerġenza Covid. Fil-verita’ Il-plejers ma tħallsux biss paga waħda mhux erba’. L-istqarrija ta’ Juventus hi meqjusa bħala irregolari għax kumpanija kkwotata fil-Borża ma tistax toħroġ stqarrijiet li ma jirriflettux ir-realta’ tal-fatti. Barra minn hemm hemm skritturi privati mal-plejers b’rabta ma’ dawn il-pagamenti li qatt ma ġew imniżżla fir-rapporti finanzjarji kif suppost kellu jsir. Il-Qorti Ċivili trid issa tistabbilixi jekk dawn in-nuqqasijiet humiex reat. F’termini ta’ giustizia sportiva m’hemm ebda kawża kontra Juventus svisa dwar il-manovra stipendi’. Id-dokument qegħdin fi ħdan il-Procuratore Federale tal-FIGC li jrid jiddeċiedi jmexxix il-każ quddiem il-qrati tal-giustizia sportiva.
Matthew Scerri