X’ma qaltilniex is-sentenzaby Matthew Scerri
Wara li tajna ħarsa lejn il-kontenut tas-sentenza, naħseb hu xieraq kumment fuq dak li nafu s’issa u fuq kollox fuq xi kwistjonijiet li dis-sentenza tonqos milli tiċċara.
Fl-opinjoni tiegħi hemm kwistjoni li ħadd mhu jsemmi u li donnu ħadd mhu qed jikkoppa dwarha, jiġifieri għala l-Qorti tal-Appell stabbiliet li Juventus għandu jitnaqqsulhom 15-il punt fil-kampjonat. Għala 15 u mhux 9, 10, 12, 17, 19, 20 jew 30? Kif ikkalkulat il-punti li għandhom jiġu mnaqqsa? Is-sentenza tgħidilha xi kunsiderazzjonijiet ġenerali li l-Qorti qisiet sabiex tiddeċiedi l-pieni. Imma onestament dawn ftit li xejn jispjegaw għala wasalna għal 15-il punt imnaqqsa.
Hu veru li l-Qorti setgħet tagħti iktar punti imnaqqsa minn kemm mitlub mill-Procuratore Federale, imma, nistaqsi jien, għala f’dokument tant iddettaljat il-mod kif inħadem il-kalkolu ma ġiex spjegat?
Domanda oħra li s-sentenza ma tweġibx hi: il-Qorti qrat l-14,000 u iktar paġna tal-Atti tal-Procura ta’ Turin? Jew ibbażaw ruħhom biss fuq is-summary ta’ ftit iktar minn erbgħin minuta li għamlilhom Chiné? Ċerti li f’dawk il-paġni m’hemmx aktar informazzjoni li setgħet tagħti stampa differenti minn dik li qed tingħata mis-sentenza?
Imbagħad hemm kwisjtonijiet oħra li loġikament mhux se nsibu fis-sentenza imma li tajjeb inaqsu lilna nfusna:
1. Għala La Gazzetta dello Sport kienet taf minn qabel dak li kien se jkun mitub fis-sentenza? (storja li diġà rajniha, jew aħjar ra minn kien isegwi Calciopoli fl-2006)
2. Għala s-sentenza donnha twieġeb għall-istrateġiji difensivi kollha li fuq il-gazzetti ssemmew li se jkunu użati minn Juventus? Hekk Juventus għandhom idejhom marbuta għall-appell?
3. Għala f’seduta waħda, f’nofs ta’ nhar xogħol, instema’ r-rikors, intlaqa’ u għaddejja għas-sentenza mill-ewwel? Juventus u l-klabbs l-oħra ma kienx ħaqqhom ikunu jafu biex qed jiġi mixlija minn qabel ħalli jħejju d-difiża tagħhom sew quddiem il-Qorti tal-Appell? Minn dak li nafu l-avukati ta’ Juventus setgħu jitkellmu u jagħtu r-raġunijiet tagħhom. Instemgħu anki xi esperti mqabbda minn Juventus. Imma dawn kienu jafu minn qabel l-istampa kollha biex iħejju ruħhom sew? Jew sabu ma’ wiċċhom l-akkużi u minnufih kellhom jintervjenu?
4. Ċerti li verament kien hemm provi ġodda li biddlu l-kwadru fattwali ġenerali tal-każ? It-telefonati rrekordjati msemmija fis-sentenza jmorru kollha lura għall-2021 filwaqt li l-kawża nstemgħet u nqagħtet quddiem il-ġustizzja sportiva fl-2022. Huwa possibbli li dawk it-telefonati kollha msemmija tal-2021 ma kinux parti mill-ewwel kawża li rat lil Juventus meħlusa minn kull akkuża? Qalulna fis-sentenza li bi provi ġodda ma jifhmux telefonati ġodda li qabel ma kinux magħrufa, iżda elementi li jagħti stampa differenti tal-affarijiet. Min jista’ jiggarantilna li fil-verità l-elementi kollha li qed jiġu deskritti bħala ‘ġodda’ fil-verità ma kinux diġà għaddew mil-iskrutinju tal-Qorti? Min jista’ jassigurana li l-provi ‘ġodda’ huma fil-verità ġodda u mhux interpretazzjoni ġdid fuq provi antiki u magħrufa (u allura f’dak il-każ ir-rikors ma setax jiġi milqugħ)? U kif tista’ tiddefendi ruħek dwar dan kollu jekk f’seduta waħda (minn nofsinhar sad-9 ta’ filgħaxija) il-kawża reġgħet infetħet u nqagħtet is-sentenza?
5. Għala issa l-appell li se jressqu Juventus ma jistax jidħol fil-mertu tas-sentenza? Huwa ġust li dak li l-Qorti tal-Appell stabbiliet bħala piena għandu jiġi aċċettat bħala ġust mingħajr ma jgħaddi taħt l-iskrutinju ta’ Qorti oħra? M’għandhiex Qorti oħra tiċċertifika li l-klakulu tal-15-il punt imnaqqsa mhuwiex sproporzjonat għal dak li sar?
Domandi li ma jsibu ebda risposta s’issa u wisq nibża li bħal f’Calciopoli ħafna domandi se jibqgħu mhux imwieġbu. Qed iħammġu klabb glorjuż quddiem id-dinja kollha biex jiskreditaw l-unuri mirbuħa fl-aħħar snin. Il-metodu hu l-istess wieħed ta’ Calciopoli: Juventus qed jiġu ‘singled out’ biex jagħtu l-impressjoni li huma biss kienu jġibu ruħhom hekk. Reġgħu kienu l-uniku klabb investigat. Reġgħu ħarġu l-kliem ‘sistema’. Reġgħet qed tiżżeffen fin-nofs il-lealtà sportiva. Kif dejjem għidna min hu ħati għandu jħallas ta’ għemilu. Imma għandu jħallas b’mod ġust. U għandu jħallas kulħadd għax jekk titfa’ spotlight fuq tim u tagħlaq għajnejk għal dak li jagħmlu l-oħrajn, allura hekk mhix ġustizzja. U lanqas mhi konformi mal-lealtà sportiva, jekk niġu għal dan. Ngħiduha kif inhi: il-lealtà sportiva kif definita fis-sentenza hi vaga wisq għax jagħti lok għall-interpretazzjoniet soġġettivi li huma perikolużi għax biha klabb jista’ jiġi misjub ħati li kiser regola li ma teżistix.
Matthew Scerri