X’qaltilna s-sentenzaby Matthew Scerri
Is-sentenza tal-Qorti tal-Appell ġiet ippubblikata kmieni llum waranofsinhar. Hu dokument ta’ 36 paġna li fih insibu kif imxiet il-kawża sakemm waslet is-sentenza definittiva, is-smigħ tar-rikors imressaq mill-Procuratore Federale biex il-każ jerġa’ jinfetaħ; x’wassal biex ir-rikors ikun milqugħ; u għala Juventus u d-diriġenti tagħha ġew misjuba ħatja.
Fid-dokument naqraw li fil-kawża innfisha l-akkużi mressqa mill-Procuratore Federale ma kinux ġew milqugħa minħabba li ma ntlagħqitx it-teżi li l-plusvalenze fittizji setgħu jiġu ppruvati permezz ta’ tqabbil tal-valur tal-plejers mogħti mill-website Transfermarkt. Fin-nuqqas ta’ regoli preċiżi li jistabilixxu l-valur tal-plejers, intlagħqet it-teżi tad-difiża li f’suq ħieles il-prezz ikun stabbilit bejn ix-xerrej u l-klabb li qiegħed ibigħ. Tal-istess idea kienet anki l-Qorti tal-Appell li kienet tenniet li fin-nuqqas ta’ parametri stabbiliti minn qabel, ħadd ma seta’ jiddetermina l-prezz ta’ plejer. L-istess Qorti għamlet appell, li għadu mhux mismugħ, sabiex fid-dinja tal-futbol ikun hemm regoli preċiżi dwar dil-kwisjtoni.
Fit-22 ta’ Diċembru 2022 il-Procuratore Federale ressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Appell sabiex il-każ li kien magħluq b’sentenza definittiva, jerġa’ jinfetaħ minħabba li ħarġu elementi ġodda mill-iktar minn 14,000 paġna tal-Atti tal-inkjesta Prisma mmexxija mill-Procura ta’ Turin. Il-Procuratore Federale, Chiné argumenta li fuq il-bażi ta’ telefonati rrekordjati, dokumenti bħall-ktieb l-iswed ta’ Paratici, l-azzjonijiet meħudha mill-Consob u anki mill-istqarrijiet għall-aħbarijiet maħruġa minn Juventus, kien hemm il-bażijiet sabiex il-każ jerġa’ jinfetaħ.
Il-Qorti tal-Appell laqgħet ir-rikors tal-Procuratore Federale minħabba serje ta’ raġunijiet:
a) Ir-rikors tressaq fil-ħin, jiġifieri qabel 30 jum minn meta l-Procura Federale rċievet l-Atti mill-Procura ta’ Turin fid-data 24 ta’ Novembru 2022 (kif inhu kkonfermat mill-irċevuti uffiċjali).
b) Ir-rikors seta’ jitqies aċċettabbli għax ħarġu elementi ġodda li qabel ma kinux magħrufa u li kieku kienu magħrufa qabel kienu jwasslu għal deċiżjoni differenti min-naħa tal-Qorti tal-Appell.
c) Il-kunċett ta’ ne bis in idem mhuwiex applikabbli għax dan jgħodd biss jekk bniedem jew entità tiġi ġġudikata mill-ġdid fuq l-istess fatti, mentri l-Atti tal-Procura ta’ Turin taw kwadru fattwali ġdid li ma kienx għadda taħt skrutinju tal-Qorti.
d) It-telefonati rrekordjati setgħu jiġu meqjusa bħala prova peress li l-ġustizzja sportiva dejjem emmnet li jservu biex tkun stabbilita l-verità, mingħajr ma tidħol fil-mertu ta’ kwistjonijiet tekniċi marbutin mat-telefonati kif jiġri fil-Qrati ċivili.
e) Fil-qasam tal-ġustizzja sportiva, li għandha l-għan li tasal għal sentenza bla wisq dewmien, il-kunċett ta’ provi ġodda mhuwiex marbut ma’ provi individwali li jistgħu jiġu mifruda mill-bqija u elenkati, iżda jgħodd komplessivament dak kollu li joħroġ u li jiġi stabbilit mill-fatti. Fi kliem ieħor mhux qed nitkellmu fuq telefonata ġdida li qabel ma nstabitx, iżda qed nitkellmu fuq kif jidhru l-fatti kolha meta miġmugħa flimkien.
f) L-argument tad-difiża ta’ Juventus li l-fatti kkontestati kienu aktar ta’ natura penali, ma jeskludix il-fatt li l-ġustizzja sportiva tista’ u għandha tintervjeni. Dan minħabba l-awtonomija tal-ġustizzja sportiva.
Il-fatt il-ġdid li qabel ma kienx magħrufa u li issa sar magħrufa malli ntemmet l-inkjesta Prisma hi l-intenzjonalità li kien hemm wara l-operat ta’ Juventus. Il-Qorti tal-Appell sabet lil Juventus ħatja mhux tant għax qed tikkuntesta li l-valur ta’ plejer partikolari hu differenti (iktar baxx)) minn dak tat-trasferiment effettiv. Juventus instabu ħatja mill-Qorti tal-Appell għax hemm provi li juru li Juventus sistematikament kienu jirrikorru għall-plusvalenze biex jgħattu t-telf tagħhom. Il-valur tal-plejers, skont il-Qorti ma kienx ikun stabbilit skont it-talent jew skont is-suq, imma kien ikun deċiż sabiex jagħmel tajjeb għat-telf finanzjari tal-klabb. Ġew imsemmija diversi telefonati bejn Andrea Agnelli u Johm Elkann, Agnelli u Arrivabene, Cherubini u Bertola li jixhdu li kulħadd kien konxju dwar dak li qed jiġri.
Hemm anki l-hekk imsejjaħ ‘Ktieb Iswed ta’ Fabio Paratici’ li nkiteb minn Cherubini u li fih ġabra ta’ plusvalenze fittizji li Cherubini niżżel. Il-ktieb inkiteb minn Cherubini f’mument partikolari meta hu kien qed jinnegozja kuntratt ġdid ma’ Juventus u peress li kellu jgħaddi minn taħt idejn Paratici, il-ktieb tiegħu kellu jservi sabiex il-partijiet jippruvaw isolvu xi divergenzi li hemm bejniethom (diverġenzi fis-sena li kellhom fehmiet differenti fuq it-tmexxija tas-suq tat-trasferimenti).
Il-Qorti sabet anki provi li Juventus kienu jpartu plejers (l-aktar ma’ klabbs barranin) u dawn kienu jiġu mniżżla fl-accounts bħala bejgħ individwali minflok bħala tpartit ta’ plejers bejn il-klabb għall-istess valur. Każ emblematiku hu dak ta’ Aké u Tongya li Juventus u O. Marseille partu bejniethom. Instab evidenza li l-invocie mibgħuta minn O. Marseille lil Juventus ġiet irranġata bil-biro minn uffiċjali ta’ Juventus u mibgħuta lura lill-klabb Franċiż ħalli d-dokument ikun mibdul ma jidhirx li kien hemm tpartit ta’ plejers. Barra minn hekk hemm dokumentazzjoni nieqsa dwar it-trasferimenti ta’ Pjanic u Arthur.
Nirrepetu li l-Qorti sabu lil Juventus ħatja mhux għax plejer inbigħ bi prezz minflok b’ieħor, iżda għall-imġiba skorretta, sistematika u li damet għaddejja għal ċertu żmien. Din l-imġiba hi ksur tal-Art 4 tal-Kodiċi tal-Ġustizzja Sportiva, sub-artiklu 1 li jitkellem dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ lealtà sportiva. Hawn il-Qorti rrimarkat li minħabba n-natura stess tagħha hu diffiċli li tingħata definizzjoni sħiħa ta’ x’inhi lealtà sportiva u għaldaqstant hu kompitu tal-Qorti li tistabbilixxi jekk komportament marx kontra l-lealtà sportiva. Barra minn hekk il-Collegio di Garanzia dello Sport kien stabbilixxa wkoll li “ma jistax jitqies permissibbli kull tip ta’ komportament li mhuwiex ipprojbit mill-qafas normattiv”. Sar riferiment anki għal diskursata rrekordjati bejn Bertola u Cherubini (15 ta’ Lulju 2021) li fiha jgħidu li jekk l-investigaturi se jfittxu provi ta’ “dolo” (jiġifieri ksur intenzjonali ta’ regola) mhuma se jsibu xejn. Għall-Qorti tal-Appell dan l-arġument ma jreġix għal lil hinn minn dak li hu stabbilit mir-regolament, kull klabb u kull uffiċċjali għadu l-obbligu li jimxi b’mod korrett u ma jiksirx il-prinċipji ta’ lealtà sportiva.
Fuq il-bażi tal-azzjonijiet mittieħda mill-Consob, il-Qorti tal-Appell waslet għall-konklużjoni li l-accounts ta’ Juventus mhumiex attendibbli u dan a dannu tal-investituri. Mhumiex attendibbli fost l-oħrajn minħabba did-sistema ta’ plusvalenze li kinitx qed tagħti b’mod veritier stampa ċara l-qagħda finanzjarja ta’ Juventus. U dan kien qed isir b’mod intenzjonali u sistematiku. Il-Qorti ħasset li l-kompitu tagħha ma kienx li jiġu kkalkulati dawn il-plusvalenze fittizji, imma li tistabbilixxi li l-operat ta’ Juventus komplessivament ma kienx korrett.
Il-Qorti għaldaqstant sabiex biżżejjed provi biex tikkundanna lil Juventus u lill-uffiċċjali tagħha. Fis-sentenza ssemmew diversi kunsiderazzjonijiet ġenerali li wasslu sabiex il-Qorti tikkundannahom għal piena aktar ħarxa milli mitlub mill-Procuratore Federale.
Il-klabbs l-oħra ġew meħlusa mill-akkużi għax ma nstabx numru sinifikattiv ta’ każijiet li jista’ jwassal biex wieħed jaħseb li anki huma kienu sistematikament jirrikorru għal dis-sistema biex b’mod skorrett jgħattu l-kriżi finanzjarja tagħhom. Skont il-Qorti tal-Appell dawn ma jistgħu jiġu kkundannati sempliċiment għax kellhom kuntatt episodiku ma’ Juventus. Barra minn hekk ġie rrimarkat li l-fatt li klabb jagħmel plusvalenza, ma jfissirx awtomatikament li l-klabb l-ieħor ukoll għamel plusvalenza.
Matthew Scerri