X’qed jingħad dwar is-suq tat-trasferimenti Juventinby Matthew Scerri
L-għidut dwar it-tim Juventin mhu jaqta’ xejn hekk kif is-suq tat-trasferimenti riesaq bil-mod il-mod lejn tmiemu. Fadal bejn wieħed u ieħor tliet ġimgħat u nofs, u jekk s’issa n-negozjati mxew b’pass kajman, issa t-timijiet iridu jibdew jiffinalizzaw l-akkwisti tagħhom. Juventus huma attivi ferm kemm mil-lat ta’ bejgħ ta’ plejers, kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam max-xiri ta’ plejers ġodda.
Il-plejers li probabbli jitilqu lil Juventus huma Rugani u Arthur. It-tnejn li huma għandhom paga għolja u Juventus lesti jneħħuhom peress li huma meqjusa biss bħala riservi ma’ Juventus. Arthur jinsab qrib ħafna li jingħaqad ma’ Valencia b’self. Rugani, mill-banda l-oħra, x’aktarx ikun mibjugħ. Galatasaray qed joffru 10 miljuni għalih, somma li Juventus lesti jaċċettaw. Rugani jinsab anki fil-mira ta’ klabbs Taljani bħal Empoli u Sampodoria, biss dawn mhumiex joffru daqs Galatasaray.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-akkwist, Juventus nafu li qed ifittxu playmaker, plejer max-xellug u attakkant. Nafu li hemm ftehim kemm ma’ Kostic kif ukoll ma’ Paredes, bil-plejers diġà aċċettaw l-offerta mressqa lilhom minn Juventus. Jonqos issa li Juventus jilħqu ftehim mal-klabb rispettiv tagħhom. Dwar l-attakkant hemm ħafna iktar inċertezza. Issemmew diversi plejers, b’Morata dejjem ikun indikat bħala l-favorit nett, għalkemm fil-verità Atletico ma tantx jidhru disposti jitilquh minn idejhom. Attakkanti oħra li qed jissemmew bħalissa huma: Muriel u Raspadori. Fl-aħħar tajjeb ngħidu li jekk verament jitlaq Rugani, hu probabbli li Juventus jixtru difensur ieħor, b’Milinkovic ta’ Fiorentina jkun il-kandidat prinċipali.
Matthew Scerri