X’qed jirriskjaw Juventus?by Aleandro Bartolo
Malli sar magħruf li Fabio Paratici rċieva Informazione di Garanzia b’rabta mal-każ Suarez, mill-ewwel bdew ħafna spekulazzjonijiet dwar x’jistgħu jeħlu Juventus jekk Paratici jinstab ħati (jekk jinstab ħati għax s’issa ħadd għadu ma tressaq il-Qorti!). Fuq xi siti, speċjalment l-aktar dawk li huma kontra Juventus, intqal li hemm ir-riskju li Juventus jkollhom jinżlu fis-Serie B. F’dan l-istadju, għallinqas mill-akkużi li qed isiru bħalissa, jidher li m’hemm l-ebda riskju li Juventus ma jibqgħux fis-Serie A. Il-Qorti ta’ Perugia għadha trid tibda l-kumpilazzjoni tal-każ u wieħed irid jara jekk effettivament Paratici huwiex se jinstab ħati. Jista’ jkun ukoll li fil-verità hu qatt ma jitressaq il-Qorti ladarba ma jkunx hemm biżżejjed provi kontrih. Il-Qorti, jekk issib lil Paratici ħati, m’għandha l-ebda trid li twaqqa’ lil Juventus fis-Serie B. Eventwalment ikun imiss imbagħad lill-Giustizia Sportiva li tuża s-sentenza tal-Qorti biex tieħu l-passi meħtieġa fil-konfront ta’ Paratici u Juventus (li ma jkollhomx responsabbiltà diretta, imma jkollhom responsabbiltà oġġettiva għax uffiċċjal tagħhom wettaq xi ħaġa irregolari li minnha setgħu ħadu xi tip ta’ vantaġġ). Ma tantx jeżistu każijiet simili għal dak ta’ Suarez u allura diffiċli ngħidu eżattament liema huma l-passi li jistgħu jittieħdu fil-konfront ta’ Paratici u Juventus min-naħa tal-Giustizia Sportiva. Skont diversi esperti, però, kollox probabbilment se jwassal għal multa qawwija għal Juventus u sospensjoni għal diversi xhur għal Paratici.
Matthew Scerri