Posts

Bologna b’offerta ta’ 20 miljun Ewro għal Scamacca

Jidher li Bologna lesti jidħlu f’konkorrenza ma’ Juventus biex jiffirmaw lil Gianluca Scamacca. Għall-kuntrarju ta’ Juventus huma jidhru disposti li joffru somma ta’ 20 miljun Ewro għalih. Juventus, mill-banda tagħhom, qed jitkellmu ma’ Sassuolo fuq self ta’ sena u nofs bid-dritt jew l-obbligu li jixtruh għal kollox fl-2022. Tgħid ma’ min se jispiċċa Scamacca?

Matthew Scerri

Scamacca-Juventus. Resqin lejn ftehim!

Kollox jindika li Juventus u Sassuolo resqin lejn ftehim sabiex Scamacca jingħaqad mal-Bianconeri. Genoa se jkunu qed jiffirmaw lil Niang minfloku. Scamacca se jkun misluf lil Juventus għal sena u nofs. Skont La Gazzetta dello Sport, Paratici lest jaċċetta l-obbligu li Juventus jixtru lil Scamacca għal kollox fl-2022. B’dal-mod, il-prezz tax-xiri ta’ Scamacca se jkun imqassam fuq erba’ snin kif diġà qed isir fil-każ ta’ Chiesa.

Matthew Scerri

Il-punt dwar it-trasferiment ta’ Scamacca

Wasalna fit-tielet ġimgħa ta’ Jannar u Pirlo għadu bla r-raba’ attakkant. Il-favorit nett jidher li għadu Gianluca Scamacca. Juventus u Sassuolo għadhom għaddejjin bin-negozjati. Sassuolo għadhom jinsistu li jridu li Juventus ikollhom l-obbligu li jixtru lil Scamacca għal kollox fl-2022, mentri Juventus qed jitolbu dritt mingħajr obbligu. Barra minn hekk il-klabbs qed jitkellmu anki dwar plejer li jista’ jingħaqad ma’ Sassuolo f’dal-ftehim. Għall-ewwel Sassuolo riedu lil Dragusin, imma issa jidher li dawru ħarsithom fuq Fagioli.

Matthew Scerri

Giroud, Pellé u Scamacca. Negozjati mhux faċli

Fabio Paratici jinsab attiv ferm biex jagħti attakkant ieħor lil Andrea Pirlo. L-affarijiet f’dan l-istadju ma tantx jidhru sbieħ. Fil-fatt skont Calciomercato.com Juventus għamlu tentattiv ieħor ma’ Chelsea biex jiksbu lil Giroud, biss l-Ingliżi ma jridux iħalluh jitlaq. Pellé, imbagħad, mhux lest jiffirma għal sitt xhur biss u qed jitlob kuntratt ta’ sena u nofs, ħaġa li Juventus ma jixtiqux. Jifdal, għaldaqstant, Scamacca li għandu prezz għoli. Juventus u Sassuolo jidhru li lesti jilħqu ftehim għal self ta’ sena u nofs. Il-problema tibqa’ li Sassuolo jridu li Juventus ikollhom l-obbligu li jixtruh għal kollox, filwaqt li l-Bianconeri jridu li jkollhom id-dritt mingħajr ebda obbligu. Qed ikun irrapurtat li Sassuolo talbu lil Dragusin fil-ftehim, imma Juventus ma aċċettawx.

Matthew Scerri