Bħalissa aħjar nwarrbu t-trijonfaliżmu u d-disfattiżmuby zeronlg
F’dal-mument tal-istaġun naħseb li t-tim Juventin m’għanduz bżonn la t-trijonfaliżmu li kellna wara l-partita kontra Sampdoria u wisq inqas ċertu disfattiżmu li deher wara l-partita kontra Roma. Hu veru li ġimgħa ilu rajna wirja tajba u ħadna gost naraw lit-tim jilgħab. Fl-istess ħin, imma, hu veru wkoll li lbieraħ rajna wirja fqira għall-aħħar, speċjalment fl-ewwel taqsima. Irridu noqogħdu attenti, għallinqas hekk nemmen, li ma neloġjawx wisq u ma nikkritikawx iżżejjed lit-tim f’dal-mument tant delikat fejn Pirlo għadu qed jibni lit-tim. Irridu nkunu realistiċi u nitgħallmu mill-iżbalji. Ilbieraħ kien hemm wisq żbalji u nittamaw li Pirlo tgħallem il-lezzjoni. Fl-istess ħin ma nistgħu ninsew it-tajjeb li sar qabel u fuq dak irridu nkomplu nibnu. Imbagħad, bħalma dejjem ktibna, għad hemm il-kwistjoni tal-kampanja trasferimenti. Timijiet oħra ilhom jibnu t-tim tagħhom. Aħna ninsabu f’mument fejn irridu naqilbu lit-tim ta’ taħt fuq. L-akkwisti ta’ Kulusevski, Arthur, McKennie u Morata huma tajbin imma mhux biżżejjed biex it-tim ikun issaħħaħ kif mixtieq. F’nofs il-grawnd għad fadal ħafna xi jsir; neħtieġu attakkant tal-kaxxa; u anki fuq wara hemm bżonn xi rtokki. Jekk Agnelli, Paratici u Nedved mhux se jifhmu dal-punt kruċjali, allura, dejjem biex inkunu realistiċi, irridu nippreparaw ruħna għal staġun diffiċli ferm. Il-gap naqas drastikament fl-aħħar staġun. Inter, Atalanta, Lazio u Napoli qorbu ħafna lejn Juventus. Issa sta għal Pirlo bħala kowċ u lid-diriġenti jagħmlu dak kollu li hu meħtieġ biex it-tim jibqa’ kompetittiv u jkollu realment ċans jirbaħ l-għaxar kampjonat konsekuttiv.
Matthew Scerri