Super League. L-Avukat Ġenerali jagħti l-parir tiegħuby Matthew Scerri
Is-Super League llum qalgħet daqqa mortali jew kważi. L-Avukat Ġenerali Athanasios Rantos ta l-parir tiegħu lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni tal-monopolju tal-Uefa u l-Fifa. Il-parir hu wieħed ta’ natural legali u issa sta għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li taqta’ s-sentenza f’Marzu 2023. Normalment il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea taqta’ s-sentenzi tagħha skont il-parir mogħti lilha lill-Avukat Ġenerali. Il-kwistjoni hi waħda koumplessa ferm, biss nistgħu ngħidu li kollox miexi favur il-Uefa u l-FIFA. L-Avukat Ġenerali rrikonoxxa l-ispeċifiċità tal-isports kif stabbilit mil-liġijiet tal-Unjoni Ewropea. L-Uefa u l-FIFA għandhom iva, monopolju, fuq l-organizzazzjoni tal-kompetizzjonijiet Ewropej, biss il-mod kif inhuma strutturati huma miftuħin għal kulħadd mid-dilettanti sal-plejers professjonali. Is-Super League mill-banda l-oħra hi iktar magħluqa peress li hemm timijiet li se jkollhom post garantit fil-kompetizzjoni, filwaqt li ftit oħrajn biss se jkunu jistgħu jidħlu. L-Avukat Ġenerali, ovvjament, bl-ebda mod ma esprima opinjoni kontra s-Super League, biss ta l-parir li l-Uefa u l-Fifa għandhom id-dritt li jieħu passi kontra klabbs affiljati magħha u plejers li jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet tas-Super League. Fi kliem ieħor min jieħu sehem fis-Super League jista’ jiġi eskluż mil-kompetizzjonijiet tal-Uefa u tal-FIFA. Issa jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea se taqtagħha f’das-sens, allura nistgħu ngħidu li s-Super League diffiċilment se tkun qatt tista’ tibda. L-uniku tama għas-Super League, kif indikat indirettament mill-Avukat Ġenerali hi li tkun iktar miftuħa għall-klabbs kollha. Ovvjament ukoll, kif dejjem stqarrew il-fundaturi tas-Super League, min-naħa tagħhom dejjem kien hemm ix-xewqa li l-kompetizzjonijiet tagħhom isiru bi qbil mal-Uefa u m’hemmx għalfejn ngħidu li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tkun xi tkun, qatt ma tista’ twaqqaf lill-Uefa u lis-Super League li jilħqu ftehim bejniethom.
Matthew Scerri