Jiem ta’ deċiżjonijiet iebsa biex indawru l-foljaby Matthew Scerri
Issa li niżel is-siparju fuq is-Serie A u l-istaġun 2022/23, l-attenzjoni ddur fuq il-ħidma ta’ tiġdid fi ħdan Juventus bil-għan li mis-sena d-dieħla l-Bianconeri jirnexxilhom idawru l-folja wara tliet snin deludenti.
Il-punti prinċipali li dwarhom qed nisimgħu u naqraw ħafna huma l-ħatra ta’ Direttur tal-iSports u l-konferma jew bidla tal-kowċ.
Nafu li Cristiano Giuntoli qed jissemma ħafna li jsita’ jkun id-Direttur tal-iSports ta’ Juventus. Hu jidher li se jitlaq lil Napoli għalkemm, minħabba li għadu marbut b’kuntratt mat-tim ta’ De Laurentis, hu jrid qabel xejn jinħall mill-kuntratt li għandu bħalissa. De Laurentis mhux se jħallih jitlaq malajr, speċjalment minħabba li jrid jingħaqad ma’ rivali ta’ Napoli. Madankollu hemm indikazzjonijiet tajba li finalment Giuntoli jista’ jsib ftehim ma’ Napoli biex jitlaqhom. F’każ li Juventus ma jirnexxilhomx jiksbu s-servizzi ta’ Giuntoli, l-idea hi li jaħtru lil Manna li diġà għandu l-kariga ta’ DS tan-NextGen.
Niġu għall-kapitlu Allegri. Il-konferma tiegħu mhix marbuta mar-riżultati li ma kisibx fil-grawnd. Il-kwistjoni kollha hi li Allegri fadallu sentejn kuntratt (b’paga ta’ 7 miljuni + 2 miljuni bonuses). Juventus jidhru disposti li jibdlu l-kowċ u allegatament kien hemm xi kuntatti ma’ Allegri innifsu biex jilħqu ftehim miegħu ħalli jieħu somma flus u jwaqqa’ l-kuntratt. Allegri ċaħad dawn il-kuntatti imma, ngħiduha kif inhi, ma kienx se jikkonfermahom pubblikament lanqas. Ta’ min jirrimarka li tmint’ijiem ilu Allegri kien qal li fil-5 ta’ Ġunju kien se jitkellem mad-diriġenza ta’ Juventus dwar il-futur, mentri lbieraħ il-verżjoni nbidlet u issa qed jgħid li qed jistenna lil Calvo jgħid x’se jkun il-futur. L-impressjoni hi li Juventus qed jikkunsidraw serjament x’għandu jsir u l-fatt li mhux qed ikollhom laqgħat ma’ Allegri biex jippjanaw il-futur, jindika li qed jikkunsidraw serjament bidla fit-tmexxija tat-tim. Hemm ħafna flus fin-nofs u Juventus jistgħu jibdlu l-kowċ biss jekk Elkann japprova l-bidla tal-kowċ bil-konsegwenzi ekonomiċi kbar li ġġib magħha (prattikament fis-sentejn li ġejjin Juventus iridu jibqgħu jħallsu lil Allegri u l-kowċ il-ġdid!). Intant qed jissemmew ħafna sostituti għal Allegri: Tudor, Italiano, Conte, Sergio Conceicao u oħrajn.
Irid ikollna ftit paċenzja sew biex insiru nafu min se jkun id-DS u l-kowċ ta’ Juventus għall-istaġun li ġej. Konvinti li l-gazzetti se jkunu qed jirrapurtaw minn kollox f’dawn il-jiem. M’hemmx dubju li se naqraw u nisimgħu ħafna Giuntoli ġej – Giuntoli mhux ġej; Allegri se jitkeċċa – Allegri se jibqa’. Se jkollna rollercoaster ta’ aħbarijiet. Irid ikollna paċenzja. Did-diriġenza Bianconera qed turi li taf taħdem fis-skiet u lesta tieħu deċiżjonijiet ta’ ċertu piż. Il-kuntratti li Giuntoli u Allegri għandhom, jeħtieġu ż-żmien biex ikunu diskussi u eventwalment imwaqqa’. Ma nistgħux nippretendu li f’temp ta’ jumejn-tlieta se jisoolva kollox. Se jkun hemm bżonn iktar żmien u intant il-media se tkompli għaddejja bil-logħba sensazzjonalista tagħha. Nistennew, ħbieb, u jalla jittieħdu d-deċiżjonijiet it-tajbin għall-ġid ta’ Juventus. Ma nistgħux naffordjaw sena oħra bħat-tlieta li għaddew!
La darba nkunu nafu fiċ-ċert min se jkun id-DS u l-kowċ ta’ Juventus, inkunu mbagħad nistgħu ngħaddu għall-fażi li jmiss: il-bidliet fi ħdan it-tim. Apparti Rabiot, Di Maria u Paredes (li huma kważi ċerti li mhux se jibqħu) hemm diversi plejers oħra li jistgħu jsellmu lil Juventus. Hemm diversi plejers li kienu mislufin li jridu jinbigħu. U ovvjament hemm plejers ġodda li jridu jinxtraw.
Matthew Scerri