Rabiot, Locatelli u Sandro għadhom ma rkuprawx

Illum Rabiot, Locatelli u Alex Sandro reġgħu ma ttrenjawx mal-bqija ta’ sħabhom. Dan ifisser li għadhom ma rkuprawx mill-injury tagħhom. Jekk għada jerġgħu ma jittrenjawx, allura ikun żgur li se jitilfu Monza-Juventus.

Matthew Scerri

Memorji Bojod u Suwed (2) – Valletta vs Juventus ġewwa Ta’ Qali (1987)

Jien u nikteb dan l-artiklu ma setgħetx ma toħroġlix demgħa ta’ rikordju u ferħ hekk kif dan l-avveniment jfakkarni mal-ewwel darba li ltaqjt ‘live’ mal-Vecchia Signora. Dan kien għal logħba bejn Valletta u Juventus.

Kien is-16 ta’ Settembru 1987. Sħana qalila ta’ tmiem is-Sajf. Dik l-umdita’ u tidlik li s-Settembru Malti jaf x’jsarraf. Il-grawnd Nazzjonali ta’ Ta’ Qali ma kienx għadu mgħammar bid-dawl artifiċjali u għalhekk il-Juventus għat-tieni żjara uffiċjali ġewwa pajjiżna wara li kienu daqu iż-żrar tal-Gżira Stadium fl-1971 issa kellhom jippreparaw ruħhom għat-temperaturi Sajfin Maltin.

Ma kinux il-Juventus li konna mdorrijin bihom onestament. It-tim kien ġej mit-tluq ta’ Le Roi Michel Platini li wara li kellu l-agħar staġun tal-karriera tiegħu ddeċieda li jħalli l-futbol definittivament. Kien it-tieni staġun ukoll tal-kowċ Rino Marchesi li kellu jieħu l-post storiku ta’ Giovanni Trapattoni sena qabel. Fuq wara kien spiċċa wkoll Gaetano Scirea li wara snin jżomm postu fl-ewwel ħdax juventin kellu jammetti li kien wasal iż-żmien li jħalli postu għal xi żagħżugħ ieħor. Postu ħadu Roberto Tricella. U wara ftit logħbiet konna diġà ndunajna x’differenza kien hemm fl-aħħar parti tal-grawnd!

Il-logħba kienet tifforma parti mill-ewwel rawnd tat-Tazza UEFA 1987/88 u Valletta filwaqt li kienu rassenjati li joħorġu mill-kompetizzjoni hekk kmieni, ħarġu sodisfatti immens bil-polza minħabba l-gate money li setgħu jakkwistaw minn din il-partita.

Fis-2.15pm ir-referee John Martin mill-Ingilterra saffar il-bidu tal-logħba. Il-Juventus bdew hekk : : Tacconi, Favero, Cabrini, Bonini, Brio, Tricella, Mauro, Magrin, Alessio, De Agostini, Laudrup. Filwaqt li Valletta ħarġu jilgħabu b’dawn : Mifsud, Briffa, Curmi, Grioli, Laferla, Fenech, Cremona, Camilleri, Saliba, Zerafa, Taliana.

Mill-ewwel dehret is-superjorita’ tat-tim abjad u iswed b’żewġ gowls kull taqsima jagħtu lit-tim Juventin rebħa komda ta’ 4-0. Iż-żewġ protagonisti kienu (b’żewġ gowls kull wieħed) kienu Angelo Alessio u Michael Laudrup.

Pierre Bonavia


Tazza UEFA 1987-1988 – L-ewwel Rawnd, l-ewwel leg
Ta’ Qali National Stadium
L-Erbgħa 16 ta’Settembru 1987 ħin : 2.15pm
VALLETTA-JUVENTUS 0-4
Gowls : Laudrup 26, Alessio 37, Laudrup 42, Alessio 70
VALLETTA : Mifsud, Briffa, Curmi, Grioli, Laferla, Fenech, Cremona (Farrugia 82), Camilleri, Saliba, Zerafa, Taliana (Busuttil 52) – Kowċ : Formosa
JUVENTUS: Tacconi, Favero, Cabrini, Bonini, Brio, Tricella, Mauro (Buso 57), Magrin, Alessio, De Agostini (Vignola 46), Laudrup – Kowċ : Marchesi
Referee : John Martin (Inghilterra)

 


Szczesny irkupra mill-injury tiegħu

Szczesny illum ittrenja mal-grupp kollu ta’ plejers Juventini. Nafu li dan hu sinjal li hu rkupra mill-injury u se jkun qed għad-dispożizzjoni ta’ Allegri fil-partita tal-Ħadd waranofsinhar kontra Monza.

Matthew Scerri

Ħamsa u tletin sena ilu Giampiero Boniperti kien fostna

Illum qed niċċelebraw rikorrenza importanti hekk kif proprju bħal-lum ħamsa u tletin sena ilu kien fostna Giampiero Boniperti. Hawn taħt qed inġibu silta mill-ktieb Iswed u Abjad. L-40 Anniversarju mit-Twaqqif tal-Juventus Club DOC Vero Amore (Malta 1975) fejn tingħata informazzjoni dettaljata dwar din iż-żjara storika.

Boniperti u l-ġerarkija Juventina fostna
Meta l-eku tas-suċċessi tal-era Platini u Boniek beda jitbiegħed u l-Juventus bdew it-triq biex jaffrontaw perjodu diffiċli, fl-Lulju tal-1987 f’Malta ġriet bħal berqa l-aħbar li fil-polza tat-Tazza UEFA it-tim Malti, Valletta FC, ġie mlaqqa’ ma’ Juventus.

Wieħed jista’ jimmaġina l-fervent, l-entużjażmu u l-istennija għal dik il-ġurnata f’Settembru li l-Juventus ta’ Tacconi, Cabrini, Bonini, Laudrup, immexxija mill-kowċ Rino Marchesi, kellhom jinżlu għal-logħob fl-istadium nazzjonali f’Ta’ Qali.

Wasal Settembru u l-iskwadra kollha Juventina ġiet Malta, immexxija mill-President, Giampiero Boniperti u mill-ġerarkija kollha tal-klabb. Il-Kumitat tal-Juventus Club (Malta) kien ħadem bis-sħiħ malli tħabbret il-polza biex ma taħrablux din l-okkażjoni speċjali.

Infatti kien fil-15 ta’ Settembru, lejlet il-partita, li delegazzjoni tal-Kumitat tal-klabb, immexxija mill-President u s-Segretarju, marret il-lukanda fejn kien alloġġjat it-tim Juventin u minkejja s-sigurtà stretta, b’mod jew ieħor stenniet sa wara l-ikel meta ħareġ il-President Boniperti li minnufih kien iffaċċjat mill-President u s-Segretarju tagħna, li stidnuh iżur il-kwartieri tal-klabb u jiltaqa’ mal-membri.

Boniperti mill-ewwel aċċetta bil-ferħ l-istedina, iżda Sergio Secco malli wasal ħdejh qallu: “President, tinsiex li llum mistednin għand l-isponsors Ariston f’villa l-Bidnija.” Immedjatament Boniperti dar lejh u b’dik it-tbissima sinjorili tiegħu qallu: “Iva naf, iżda l-iskwadra ħudha int għax ili nwegħidhom li xi darba nżur il-klabb Malti, u llejla hija l-okkażjoni t-tajba.”

Ovvjament id-diriġenti tal-klabb ħarġu sparati mill-lukanda ferħana iżda konxji mid-diffikultajiet loġistiċi li kellhom quddiemhom biex iħejju kollox f’temp ta’ ftit sigħat. Saru arranġamenti mal-Pulizija tal-Belt biex jittieħdu l-passi ta’ sigurtà u tingħalaq Strada Żakkarija bejn l-4.00 u s-6.00 ta’ wara nofsinhar. Fl-istess ħin sar ukoll sforz qawwi biex il-membri jkunu nfurmati f’temp daqshekk ristrett.

Kważi b’miraklu kollox sar fil-ħin. Boniperti flimkien mal-uffiċjali għolja ta’ Juventus FC, il-Conte Cavalli D’Olivola u Dante Grassi, wasal il-klabb. Boniperti akkumpanjat mis-Segretarju Albert Callus tela’ taraġ għoli u malli wasal ħdejn il-bieb tal-klabb kien milqugħ mill-President Manwel Scerri u l-bqija tal-Kumitat. Malli wasal fuqnett, Boniperti dar lejn Manwel Scerri u qallu: “President, kemm sibtuha fl-għoli din is-sede!” Għal dan Manwel Scerri wieġeb: “President, il-Juventus hekk jixirqilha li tkun fl-ogħla post possibbli!”

Wara li sar diskors ta’ merħba mill-President tagħna li għalih wieġeb Boniperti bi kliem ta’ tifħir għall-entużjażmu u l-attakkament tal-Maltin lejn Juventus, sar riċeviment żgħir u preżentazzjoni ta’ rigali lill-President Juventin. Wara, għal kważi siegħa sħiħa, Boniperti dar mal-membri jiffirma u jieħu r-ritratti magħhom.

Bidla fil-format tas-Super Cup Taljana tattira investiment qawwi

Qed ikun irrapurtat li l-Lega Calcio se tirċievi offerta fenomenali mill-Arabja Sawdija sabiex jinkiseb id-dritt li jorganizzaw is-Super Cup tal-Italja. Skont MF – Milano Finanza, l-offerta hi ta’ 23 miljun fis-sena għal sitt snin (attwalment min jikseb dad-dritt qed iħallas 8 miljuni). L-offerta hi għolja peress li hemm pjanijiet li s-Super Cup ma tibqax tintlagħab biss fuq partita waħda, imma ssir fil-format ta’ tournament qasir bejn l-ewwel żewġ timijiet fil-klassifika finali tas-Serie A, kif ukoll iż-żewġ finalisti tal-Coppa Italia.

Matthew Scerri

Żewġ plejers ma qagħdux għat-tisfir tas-supporters

Fi tmiem Juventus-Benfica, il-plejers Juventini marru taħt il-Curva bħas-soltu biex isellmu lis-supporters. Huma kienu milqgħuha minn ħafna tisfir. Bonucci stess wara kkummenta li Juventus ħaqqhom dat-tisfir. Tajjeb ngħidu li qatt ma ġrat fl-istorja li Juventus tilfu l-ewwel żewġ partiti tal-grupp taċ-Champions League. Allegri kien qalilna li biex ngħaddu rridu 10 punti. Fadal 12-il punt li nistgħu nieħdu u onestament dat-tim diffiċli li jikseb 10 punti fl-erba’ partiti li fadal!

Filmati li dehru fuq Twitter juru sew li kien hemm żewġ plejers li ma qagħdux għat-tisfir tas-supporters u għażlu li joħorġu mill-grawnd. Il-plejers huma Di Maria u Paredes. Di Maria deher nervuż ferm wara l-partita u hemm filmati tiegħu jitkellem b’mod irrabjat ma’ Milik. Skont l-interpretazzjoni ta’ ħafna, Di Maria kien irrabjat għax Allegri bidel lil Milik ma’ Kean. Ma nafux jekk dan huwiex minnu. Li hu żgur hu li fi tmiem il-partita, hu baqa’ f’nofs il-grawnd u ma marx ma’ sħabu taħt il-Curva. Imbagħad malli sema’ l-ewwel tisfir tas-supporters, Di Maria qabad u mexa lejn id-dressing room. Paredes, mill-banda l-oħra, mexa lejn il-Curva għalkemm baqa’ iktar lura minn sħabu. Malli beda t-tisfir hu dar u telaq ‘il ġewwa.

Matthew Scerri

Bħal-lum fil-passat (15 ta’ Settembru)

Fl-1976, proprju bħal-lum, Juventus kienu impenjati fit-Tazza Uefa kontra Manchester City. L-Ingliżi rebħu 1-0 b’gowl ta’ Kidd.

Ara x’qal Allegri fi tmiem Juventus-Benfica