Miretti u Rovella x’aktarx jibqgħu ma’ Juve. Fagioli lejn self għal darba oħra

Min se jibqa’ miż-żghar? Domanda li għamilniha kemm-il darba. L-uniku li jidher ċert li se jibqa’ hu dejjem Miretti. Rovella wkoll qed ikollu wirjiet tajbin u hu maħsub li jibqa’ ma’ Juventus jekk ma jkunux jistgħu jieħdu lil Paredes (qabel iġibuh iridu jneħħu lil Arthur, Zakaria jew xi midfielder ieħor). Fagioli, li s’issa għadu ma lagħabx minuta, probabbli jkun misluf lil Cremonese. Din hi s-sitwazzjoni kif tidher bħalissa. Ovvjament daqt inkunu nafu l-verita’ kollha hekk kif is-suq tat-trasferimenti wasal biex jagħlaq.

Matthew Scerri

Milik qabeż lil Depay fil-preferenzi ta’ Juventus

L-aħħar għidut hu li wara li kkonsultat ma’ Allegri, id-diriġenza ta’ Juventus hi dejjem iktar konvinta li tikseb lil Milik u mhux lil Depay fl-attakk. Depay allegatament qed jitlob paga ta’ 8.5 miljun Ewro. Sa ġimgħa ilu Juventus kienu qed jitkellmu miegħu għal paga ta’ 6 miljuni. Juventus ma jridux jonfqu wisq għal attakkant riserva. Għaldaqstant jippreferu jiffirmaw lil Milik. Il-Bianconeri għandhom ftehim ma’ O.Marseille biex jiksbu lil Milik b’self bid-dritt li jixtruh is-sena d-dieħla għal 8 miljuni flimkien ma’ 2 miljuni oħra f’bonuses.

Matthew Scerri

Filmat: L-aqwa siltiet ta’ Sampdoria-Juventus

Nedved jikkonferma li Juventus qed jikkunsidraw aktar akkwisti

Intervistat qabel Sampdoria-Juventus, Pavel Nedved kellu l-opportunita’ li jitkellem fost l-oħrajn dwar is-suq tat-trasferimenti. Fi kliemu m’għandux ikun hemm għaġla, anzi għandha tiġi miflija sew is-sitwazzjoni biex wieħed jifhem x’qed joffri s-suq. “Fil-verita’ s-suq mhuwiex joffri wisq. Irridu nifhmu sew x’inhi l-ħtieġa. Ovvjament, meta naraw it-tim tal-lejla u l-injuries, qed nikkunsidraw serjament li nagħmlu xi nkunu attivi fis-suq tat-trasferimenti,” sostna Nedved. Hu kkonferma li Juventus qed jikkunsidraw li jieħdu lil Depay għax “apparti li jista’ jilgħab flimkien ma’ Vlahovic u Kean, ma’ Barcellona wera li jaf jilgħab anki bħala attakkant estern. Pero’ hu biss wieħed mill-plejers li qed nikkunsidraw, kif inhu xieraq li jkun”.

Matthew Scerri

Żewġ terzi tal-plejers tas-Serie A huma barranin

F’intervent fuq Radio Anch’io, programm ta’ Radio Rai Uno, il-President tal-FIGC, Gabriele Gravina sostna li żewġ terzi tal-plejers fis-Serie A huma barranin. Hu qal li 67% tal-plejers huma barranin u dan ma jixhidx tajjeb. Faħħar lill-klabbs li għadhom jagħtu spazju lill-prodott Taljan u qal li jinsab kuntent li xi plejers Taljani żgħar qed jattiraw l-interess ta’ klabbs barranin.

Matthew Scerri

Juventus jistennew lil Depay imma intant laħqu ftehim għal Milik

It-trasferiment ta’ Memphis Depay ma’ Juventus m’għadux daqshekk ċert daqskemm kien maħsub ftit tal-jiem ili. Allegatament Depay qed jitlob paga ogħla lil Juventus minn dak li kien maqbul bejn il-partijiet fil-ġimgħat li għaddew. X’aktarx Depay għandu offerti mingħand Tottenham u Newcastle bil-konsegwenza li issa hu jista’ jitlob paga aħjar lil Juventus. Depay jibqa’ l-ewwel għażla ta’ Juventus, biss nafu kemm din id-diriġenza hi tal-punt u żgur li mhux se tippermetti sitwazzjoni fejn l-attakkant jitlob iktar minn dak li kien diġà aċċetta verbalment. Barra minn hekk Juventus għandhom id-dubji tagħhom dwar kemm jaqblilhom verament jiffirmaw lil Depya ladarba n-nefqa qed titla’ drastikament għal attakkant li fil-pjanijiet tal-klabb għandu jkun biss riserva. Għaldaqstant Juventus għamlu kuntatt ma’ O.Marseille u allegatament hem qbil magħhom għal Milik. O.Marseille lesti jisilfu lil Milik lil Juventus, bil-Bianconeri jkollhom id-dritt li jixtruh għal kollox għal 10 miljuni s-sena d-dieħla. Barra minn hekk Milik lest jiffirma għal 3.5 miljun Ewro fis-sena. Issa rridu naraw x’se tkun il-mossa li jmiss. Probabbli li Juventus se jistennew jumejn-tlieta lil Depay bit-tama li hu jinżel mit-talbiet tiegħu personali. Jekk ikun hekk, u dejjem jekk Depay jinħeles mill-kuntratt li għandu ma’ Barcellona, Juventus ikunu jistgħu jiffirmaw lill-attakkant Olandiż. F’każ kuntrarju, jiġifieri jekk Depay jibqa’ jitlob paga għolja wisq, allura Juventus jieħdu lil Milik.

Matthew Scerri

Il-plejers Juventini mgħajta għall-partita kontra Sampdoria

Il-plejers mgħajta minn Allegri għall-partita kontra Sampdoria huma:

GOWLERS: Perin, Pinsoglio, Garofani.

DIFENSURI: Bonucci, Bremer, Gatti, Rugani, De Sciglio, Alex Sandro, Danilo.

PLEJERS TA’ NOFS IL-GRAWND: Locatelli, Rabiot, Cuadrado, Miretti, Fagioli, Rovella, Zakaria, Mckennie, Kostic.

ATTAKKANTI: Vlahovic, Kean, Soulé.

Matthew Scerri