John Elkann identifika s-suċċessur ta’ Andrea Agnelli

Il-Presidenza ta’ Andrea Agnelli tidher riesqa lejn tmiemha. Fil-ġimgħat li għaddew ktibna ħafna dwar bidla fit-tmexxija tal-klabb. John Elkann u Andrea Agnelli, għalkemm kuġini, ma tantx imorru tajjeb flimkien. Elkann ilu s-snin jistenna l-mument opportun biex ineħħi lil Agnelli minn President ta’ Juventus. Ir-riżultati miksuba f’dan l-istaġun wittew it-triq għal dil-bidla u issa kellna ċ-ċirasa fuq il-kejk tas-Super League. Hu ovvju li wara li falla dal-proġett, Andrea Agnelli tilef parti kbira mill-kredibbiltà tiegħu fid-dinja tal-futbol u se jkun imwarrab minn ħafna Presidenti u Uffiċċjali oħra. Nemmnu li ħadem għall-ġid ta’ Juventus, biss f’dan l-istadju jaf ma jkollu ebda triq oħra ħlief li jwarrab. Minflok John Elkann lest jaħtar lil Alessandro Nasi bħala President ta’ Juventus. Nasi hu kuġin ta’ Elkann u ta’ Agnelli. Fost l-oħrajn hu anki Viċi-President tal-Exor. Fil-ħajja privata, Nasi hu l-partner ta’ Alena Seredova, l-eks sieħba ta’ Buffon.

Flimkien ma’ Andrea Agnelli x’aktarx se jkunu mwarrba anki niesu, jiġifieri Nedved u Paratici. John Elkann qed jaħseb li jġib lura lil Alessandro Del Piero bħala Viċi-President ta’ Juventus. Miegħu jaf ikun hemm anki David Trezeguet li għadu kif temm il-kors ta’ Direttur tal-Isports. Nifhmu li apparti Del Piero u Trezeguet, jaf ikun hemm il-ħatra ta’ diriġent ieħor ta’ esperjenza. Min hu għadu mhux magħruf.

Ir-rizoluzzjoni bdiet, insomma!

Matthew Scerri  

Il-plejers Juventini mgħajta għall-partita kontra Parma

Il-plejers mgħajta minn Pirlo għall-partita kontra Parma huma:

Gowlers: Szczesny, Pinsoglio, Buffon
Difensuri: Chiellini, De Ligt, Alex Sandro, Danilo, Cuadrado, Bonucci, Frabotta
Plejers ta’ nofs il-grawnd: Arthur, Ramsey, McKennie, Rabiot, Bentancur, Bernardeschi, Kulusevski
Attakkanti: Ronaldo, Morata, Dybala, Felix Correia

Matthew Scerri

Agnelli: “Is-Super League ma tistax tkompli”

Il-proġett tal-European Super League wasal fi tmiemu. Andrea Agnelli stess illum ikkonferma li l-proġett ma jistax jibqa’ għaddej la darba ħafna klabbs telqu. Ceferin tkellem ftit tal-ħin ilu u sostna li “kulħadd reġa’ ġie lura, Naf li għandhom ħafna x’jagħtu lill-futbol f’kull livell.” Il-kliem ta’ Ceferin jixhed il-partijiet għamlu paċi u li se jkunu qed jaħdmu mill-ġdid flimkien.

Matthew Scerri

Mil-lenti tal-President

Kulħadd għandu dritt għall-opinjoni rigward din l-imbierka Superleague, però li ħafna minnkom li tissejħu Juventini toħorġu qatta bla ħabel kontra Agnelli u tinsew x’għamel f’dawn 9 snin ma niflahiex!

Ħafna minnkom issa stenbaħtu li l-futboll huwa flus biss u l-UEFA xebgħet terda’ u l-klabbs jieħdu il-loqom u l-Players iridu jitħallsu bil-miljuni! Ħafna minnkom tridu l-aqwa players fit-tim bil-paga tagħhom xi 30 miljun fi sena, min ser iħallashom dawn? Min fejn ser jiġu il-flus speċjalment bil-pandemija li għaddejjin minnha u dħul XEJN!!

Għax bi rispett kollu ħafna lanqas iħallsu Sħubija ta klabb lokali aħseb u ara kemm ser jgħatu ċenteżmu lil Juventus!!

U xi ngħidu għal players ser inaqqsu drastikament il pagi? Għax anki biex konna ngibu ex players fil-klabb tagħna konna nħallsu mijiet ta’ liri biex tifirħu bihom il-membri.

L-UEFA li fi ħdanha kellha lil Blatter u Platini u dawn instabu ħatja ta korruzjoni ser tiftaħ ida u tejn lil klabbs f’mument daqshekk delikat!

Nagħlaq billi infakkar lil dawn imsejħa Juventini fi żminijiet ta’ Blanc, Cobolli Gigli u Maifredi….. Jekk ma tiftakrux fittxu li storja ħalli forsi tapprezzaw dak li għamel Andrea Agnelli.

Joseph Fenech

L-ultras Juventini jipprotestaw

Tard ilbieraħ filgħaxija twaħħlu żewġ streamers mill- ultras ta’ Juventus mal-kanċelli tal-Allianz Stadiums. L-istreamers huma kontra s-Super League u għal darb’oħra kien imtenni li m’hemmx rispett lejn is-supporters. Tajjeb infakkru li l-ultras ilhom fi gwerra ma’ Juventus, l-ewwel bi strajk tas-support meta l-grawnds kienu miftuħin u fl-aħħar żmien permezz ta’ streamers ta’ dat-tip li kienu qed jitwaħħlu.

Matthew Scerri

L-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani (21 ta’ April 2021)

Qed inwasslulkom l-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani tal-isports tal-lum il-21 ta’ April 2021.

Super League. Il-proġett se jkun imfassal mill-ġdid

Permezz ta’ stqarrija uffiċjali, il-klabbs fundaturi tal-European Super League ħabbru li se jkun qed jirrevedu mill-ġdid il-punti kruċjali tal-proġett. Fl-istqarrija naqraw li l-klabbs għadhom konvinti mill-validità tal-proġett, biss lesti jikkunsidraw xi bidliet bil-għan jibqa’ dejjem li tintlaħaq stabilità finanzjarja filwaqt li s-supporters jingħataw l-aqwa spettaklu possibbli. Sar riferimetn għal sentenz ta’ qorti Spanjola li kkonfermat kemm il-proġett ma jikser ebda liġi. Fl-istess ħin inqtal li l-klabbs Ingliżi kellhom joħorġu mis-Super League minħabba l-pressjoni li saritilhom. Issa l-proġett se jkun imfassal mill-ġdid.

Matthew Scerri

M’hemm ebda konferma li Agnelli rriżenja minn President ta’ Juventus

S’issa ma sabet ebda konferma l-aħbar li Andrea Agnelli rriżenja minn President ta’ Juventus. L-aħbar jidher li ħarġet minn Spanja fejn hemm sentiment qawwi kontra s-Super League. Il-media Taljana qed tirraporta li m’hemm xejn veru f’dan l-għidut, anzi żiedet li l-klabbs Taljani huma maqugħdin biex jagħtu ħajja lill-European Super League.

Matthew Scerri

Riskju kbir li s-Super League tisfaxxa fix-xejn

Fl-aħħar minuti qed ikun irrapurtat li tard illejla, għall-ħabta tal-11.30 ta’ filgħaxija, se ssir laqgħa straordinarja li tista’ twassal biex il-proġett tal-European Super League jisfaxxa fix-xejn. Erba’ klabbs Ingliżi (Chelsea, Arsenal, Manchester United u Manchester City) jidhru li qed jirtiraw mis-Super League wara l-protesti tas-supporters. Anki Atletico u Barcellona jidhru li  m’għadhomx daqshekk konvinti mill-proġett. Hemm għidut anki li l-President ta’ Manchester United irriżenja b’rabta mal-każ. Insomma, is-Super League tidher fil-punt li tisfaxxa fix-xejn. Tajjeb ngħidu imma li t-12-il klabb iffirmaw kuntratt li jorbothom mas-Super League u mhux se jkun faċli li jinħallu minnu. Fi kliem ieħor jista’ jkun li s-Super League ma tkunx tista’ tibda imma l-klabbs li ma jridux jibqgħu fiha jkollhom jidħlu f’battalja legali li taf iddum is-snin.

Matthew Scerri

Bernardeschi fieq mill-Covid-19

Federico Bernardeschi fieq mill-Covid-19. Illum sarulu żewġ testijiet u d-darbtejn kellu riżultat negattiv. Għaldaqstant hu meqjus imfejjaq u jista’ jilgħab mill-ġdid.

Matthew Scerri