It-teatrini ta’ dil-ġimgħa!
Waslet biex tintemm l-ewwel ġimgħa mit-twaqqif tal-European Super League li mingħajr dubju serqet ix-xena fl-aħbarijiet u nistgħu ngħidu li għal darba wara iktar minn sena kellna xi ħaġa li fuqu tkellimna iktar milli fuq il-Covid!
Nibda billi ngħid li jien il-pożizzjoni tiegħi dwar is-Super League għamiltha ċara u ktibtha f’artiklu aktar kmieni dil-ġimgħa. Jien favur il-proġett għax nemmen li l-affarijiet għandhom jinbidlu biex insalvaw il-futbol. Wara ġimgħa nisma’ u naqra għadni dejjem iktar konvint mis-Super League u kull darba li jiftaħ ħalqu Ceferin inħossni nikkonvinċi ruħi li l-unika tama li għandna li l-futbol ikun salvat hu li tibda din l-imbierka Super League.
Nifhem u nirrispetta lil dawk is-supporters li jaħsbuha f’mod differenti. Nifhem li wara t-talba tagħhom hemm sejħa għal futbol inqas iddominat mill-flus u li jkun sport ta’ divertiment aktar milli bussiness. Sa ċertu punt naqbel magħhom, imma fl-istess ħin għadni m’iniex konvint li dan kollu jista’ verament iseħħ.
Ma naċċettax, però, li jkollna lezzjonijiet ta’ moralità mingħand nies bħal Mourinho, Guardiola u Neymar li ilhom snin jaqilgħu somom fenomenali u jaħdmu biss f’klabbs sinjuri li l-ħin kollu jippumpjaw il-flus. Il-Malti jgħid ‘Biex tiskonġra trid tkun pur” u ma naħsibx li nies bħal Mourinho jew Neymar jistgħu jitqiesu bħala paladini taż-‘żgħar’. Guardiola, imbagħad, jaħdem għal klabb li kiser ir-regoli tal-Fair Play Finanzjarju bla ma ħallas għal għemilu għax bħas-soltu l-‘mamma’ Uefa ħadet ħsieb kollox!
Hu inaċċettabbli wkoll dak kollu li għamel u qal Ceferin dil-ġimgħa. Hu bniedem frankament ridikolu li l-ħin kollu joħroġ il-ħdura tiegħu. Jekk il-futbol hi l-logħba tas-supporters kif qal, allura jmissu jibda jirrispetta lilna s-supporters.
Kif għidt aktar kmieni dil-ġimgħa, nemmen li Ceferin u sħabu huma rrabjati biss għax se jitilfu l-poter u l-monopolju tagħhom. Ilhom għexieren ta’ snin jużaw il-flus li jiġġeneraw il-klabbs biex huma jkunu jistgħu jagħmlu l-lobbying tagħhom u jżommu s-siġġu tagħhom. Xejn iktar! Moħħhom biss fihom infushom u fil-poter li għandhom u jridu jbellgħuhielna li qed jaħdmu għas-supporters, għall-klabbs iż-żgħar, eċċetra. Ceferin imissu jaqbad jirriżenja b’mod immedjatament. Aħna bħala supporters għandhom bżonn lit-tim tagħna u mhux bniedem arroganti bħal Ceferin. Aħna nżommu mal-Juventus u mhux mal-Uefa jew ma’ Ceferin.
Mhux se noqgħod nidħol wisq fil-mertu ta’ ħafna kritika li saret fl-aħħar jiem. Xtaqt nagħmel biss żewġ punti li għalija huma ta’ għafsa ta’ qalb:
(i) Is-Super League twaqqfet minn tnax-il tim. Illum kulħadd qed jipponta subgħajh lejn Agnelli u Perez. L-għaxar klabbs l-oħra għandhom l-istess tort (dejjem jekk hu tort). Il-media qed tipprova tbella’ lis-supporters li Agnelli u Perez biss huma ħatja. L-oħrajn, imma nsaqsi jien, ġew sfurzati li jiffirmaw il-kuntratt? Jew iffirmaw il-kuntratt għax raw li kien jaqblilhom? U għala ħarġu jumejn wara li ffirmaw? Mela ħasbu li dan hu kuntratt ta’ erba’ soldi?!
(ii) Ħafna tkellmu dwar mertu. Sostnew li huma kontra s-Super League għax se jkun hemm timijiet li jkollhomposthom garantit u allura ma jidħlux fuq bażi ta’ mertu. Forsi tajjeb li dawn in-nies jifhmu li timijiet bħal Juventus u Real Madrid ilhom li kisbu u wrew il-mertu tagħhom. Hemm l-istorja tal-klabbs li tixhed dan. Li Ancelotti bħala kowċ ta’ Everton jiġi jitkellem fuq mertu hi ħaġa ridikola. Tgħid veru jaħsibha hekk jew bħas-soltu qed juża s-Super League biex jattakka għal xejn b’xejn lil Juventus?
Matthew Scerri
Ceferin ikompli jparla fil-vojt
Der Spiegal qed jirrapurtaw li Alexandr Ceferin stqarr dan li ġej: “Min se jibqa’ involut fis-Super League, fil-futur mhux se jkun jista’ jilgħab fil-kompetizzjonijiet tal-Uefa. Il-kompetizzjonijiet tagħna se jibqgħu fantastiċi anki mingħajr dawn l-erba’ timijiet. Nistgħu ngħidu li jekk xi ħadd irid jibqa’ egoist, jista’ jipprova jagħmel mill-ġdid is-Super League. Diġà ppruvaw u fallew!”
Ir-riferiment hu ovvjament għal Juventus, Real Madrid, Barcellona u Milan li s’issa għadhom ma telqux mis-Super League. Tajjeb infakkru li hemm kuntratt iffirmat u hemm penali li trid titħallas minn min se jitlaq mis-Super League. Skont rapporti mhux uffiċjali, il-penali tammonta għal 300 miljun. Hi kemm hi l-penali, hi tal-mistħija li Ceferin qed jitkellem b’dal-mod. Hu qed jiddefendi l-interessi tiegħu personali u ta’ sħabu, u qed jiġi jaqa’ u jqum mis-supporters. Ngħid għalija Ceferin u sħabu jistgħu jagħmlu l-isbaħ kompetizzjoni, biss jekk mhux se jkun hemm Juventus, għalija dik il-kompetizzjoni se tkun qisha ma teżistix. Jien supporter Juventin u se nibqa’ nsegwi lil Juventus kulfejn se jilagħbu bħalma fl-2006 ma ddejjaqtx insegwi lil Juventus fis-Serie B!
Matthew Scerri
Grazzi, Agnelli!
Għażiż Andrea,
Għamilt possibbli il-qawmien tal-belt u n-negozji ġewwa Turin.
Għamilt possibbli ġojjell ta’ Stadium li hu l-għira ta’ kulħadd.
Għamilt possibbli lukanda 4 star il-J Hotel.
Għamilt possibbli s-sede u l-faċilitajiet tal-Continassa.
Għamilt possibbli 9 scudetti infila, 4 Coppa Italia u 5 Supercups.
Għamilt possibli il-wasla tal-aqwa player tad-dinja ġewwa Turin.
Għamilt possibbli dak li 10 snin ilu kien jidher impossibbli. L-ipokrezija tal-oħrajn mhux ħa taffettwa il-personalità tiegħek.
U dan biex ĦADD ma jinsa! Dejjem miegħek #AndreaAgnelli
Joseph Fenech
President
JC Vero Amore Malta
Ir-referees tal-partiti tat-33 Ġurnata tas-Serie A
Is-Sibt 24 ta’ April 2021, 3.00 p.m.
Genoa-Spezia: Manganiello
Is-Sibt 24 ta’ April 2021, 6.00 p.m.
Parma-Crotone: Rapuano
Is-Sibt 24 ta’ April 2021, 8.45 p.m.
Sassuolo-Sampdoria: Gariglio
Il-Ħadd 25 ta’ April 2021, 12.30 p.m.
Benevento-Udinese: Mariani
Il-Ħadd 25 ta’ April 2021, 3.00 p.m.
Fiorentina-Juventus: Massa
Inter-Verona: Abisso
Il-Ħadd 25 ta’ April 2021, 6.00 p.m.
Cagliari-Roma: Irrati
Il-Ħadd 25 ta’ April 2021, 8.45 p.m.
Atalanta-Bologna: Fabbri
It-Tnejn 26 ta’ April 2021, 6.30 p.m.
Torino-Napoli: Valeri
It-Tnejn 26 ta’ April 2021, 8.45 p.m.
Lazio-Milan: Orsato
Matthew Scerri
Illum se jiltaqa’ l-Eżekuttiv tal-Uefa
Illum mistenni jiltaqa’ l-Eżekuttiv tal-Uefa sabiex jiddiskuti fost l-oħrajn dak kollu li nqala’ dil-ġimgħa b’rabta mal-European Super League. L-indikazzjonijiet huma li mhux se jittieħdu passi fil-konfronti tat-tnax-il tim fundatur tas-Super League. Probabbli imma li l-Uefa se tieħu passi sabiex fil-futur ma jkunx possibbli li timijiet jaħdmu biex iwaqqfu kompetizzjonijiet simili.
Matthew Scerri
Alex Sandro hu l-Aqwa Plejer ta’ Juventus-Parma
Alex Sandro ġie magħżul mill-qarrejja tal-website tagħna bħala l-Aqwa Plejer tal-partita bejn Juventus u Parma. Fil-votazzjoni li saret online hu kiseb 68% tal-voti, segwit minn Cuadrado b’13% u minn Dybala b’11% tal-voti. Grazzi lil kulmin ħa sehem!
Matthew Scerri
Bħal-lum fil-passat (23 ta’ April)
23 ta’ April 1967. Juventus jilqgħu f’darhom lil Venezia. Il-partita tintemm b’rebħa Bianconera bl-iskor ta’ 2-1, doppjetta ta’ Bercellino.








