La Juve siamo noi. Ħaqqna rispett u mhux iktar dardir!

M’hemmx għalfejn ngħidu li l-aħbar tal-ikla jew festa fir-residenza ta’ McKennie kienet daqqa ta’ ħarta oħra għas-supporters Juventin fi staġun tassew tqil u fastidjuż. Iċ-ċiklu wasal fi tmiemu u bħalma jiġri f’każijiet bħal dawn, it-tim kollu qed jintelaq. Dis-sena rarissimu rajna partita tat-tim tal-qalb tagħna u ħadna verament gost. Nemmen li ħafna plejers ma tawx l-almu tagħhom. Rajna ħafna partiti mitlufa minħabba żbalji stupidi li llum lanqas it-tfal fin-nurseries m’għandhom jagħmlu. Ma tistax tirbaħ tajjeb. Dan hu fatt li qatt ma ċħadna. Li ma nistgħux inġerrħu iktar hu l-atteġġament tal-plejers ġewwa u barra l-grawnd. Ħalli titlef, imma f’ġieħ kemm hemm għandna kull dritt nitolbu li l-plejers jitfgħu qalbhom fil-grawnd. Għandna d-dritt nitolbu li l-plejers jilagħbu għall-flokk. Għandna d-dritt nitolbu li barra l-grawnd il-plejers iġibu ruħhom b’mod diċenti. Kulħadd hu liberu li jagħmel li jrid fil-ħajja privata tiegħu, imma hemm limitu għal kollox. Li tliet plejers jiddeċiedu li jinġabru ma’ nies oħra (10 jew 20, min jaf kemm kienu) għal ikla sa tard billejl meta fl-Italja hemm curfew hi ħaġa inaċċettabbli. Hemm rapporti li għal din l-ikla/festa xi xhieda raw taxis bi tfajliet deħlin fir-residenza ta’ McKennie. Hemm stejjer li McKennie għal siegħa sħiħa ma ħalliex lil Carabinieri jidħlu fid-dar tiegħu. ksur ta’ liġi sfaċċat u ripetut. Dan kollu hu tal-mistħija, speċjalment meta wieħed iqis li partijiet kbar tal-Italja u tad-dinja ilhom iktar minn sena b’restrizzjonijiet kbar minħabba l-imxija tal-Covid. Il-qżież m’hemmx iktar postu ma’ Juventus! It-tim li rridu nibdew nibnu s-sena d-dieħla jrid ikun ibbażat mhux biss fuq it-talent imma anki fuq l-imħabba li l-plejers għandhom lejn it-tim. Li fil-ġimagħtejn ta’ wara t-telfa umiljanti kontra Benevento plejer bħal Dybala jdarras lis-supporters l-ewwel b’filmat fuq Instagram fejn jidher jikkummiedja mal-partner tiegħu u wara jinqabad f’din l-ikla/festa hi ħaġa tal-mistħija! Jien wieħed minn dawk li lil Dybala nħobbu immens u nemmen li dan l-istaġun morna ħażin anki għax ma kienx hemm hu fil-grawnd. Biss issa nqabeż kull limitu u ma naħsibx li qed juri li Juventus għadhom prijorità għalih. Moħħu iktar fil-ħajja privata u Juventus jixirqilhom aħjar minn hekk!!

Matthew Scerri

Dybala, Arthur u McKennie mhumiex mgħajta għad-Derby bħala kastig

Fil-bidu nett tal-konferenza tal-aħbarijiet lejlet id-Derby, qabel ma’ ngħatat il-kelma lill-ġurnalisti biex jagħmlu d-domandi tagħhom, Pirlo ħabbar li Arthur, McKennie u Dybala mhux se jkunu mgħajta għall-partita kontra Torino b’rabta ma’ dak li seħħ żewġt iljieli ilu meta nqabdu mill-Carabinieri waqt ikla fir-residenza privata ta’ McKennie. S’issa għadu mhux magħruf meta huma se jkunu jistgħu jingħaqdu ma’ sħabhom. Fil-fatt Pirlo qal: “Imbagħad naraw meta se jkunu jistgħu jibdew jaħdmu mill-ġdid mal-kumplament tat-tim.” Mistoqsi jekk iħossx li għadu jżomm id iktar iebsa mal-plejers, Pirlo wieġeb: “Sa minn meta kont nilgħab jien, plejer jista’ jagħmel li jrid barra mill-grawnd basta ma jaqbiżx ċerta limiti. Dawn l-affarijiet dejjem saru biss issa ma kienx il-mument li issir ħaġa ta’ dat-tip.”

Matthew Scerri

Ir-referees tal-partiti tad-29 Ġurnata tas-Serie A

Is-Sibt 3 ta’ April 2021, 12.30 p.m.

Milan-Sampdoria: Piccinini

Is-Sibt 3 ta’ April 2021, 3.00 p.m.

Atalanta-Udinese: Manganiello

Benevento-Parma: Massa

Cagliari-Verona: Doveri

Genoa-Fiorentina: maresca

Lazio-Spezia: Giua

Napoli-Crotone: Di Martino

Sassuolo-Roma: Pairetto

Is-Sibt 3 ta’ April 2021, 6.00 p.m.

Torino-Juventus: Fabbri

Is-Sibt 3 ta’ April 2021, 8.45 p.m.

Bologna-Inter: Giacomelli

Matthew Scerri

Aktar inkwiet b’rabta mal-ikla fir-residenza ta’ McKennie

L-istorja tal-ikla fil-villa ta’ McKennie jaf tkun iktar serja milli kien maħsub għall-ewwel. La Stampa qed tirraporta li meta l-Carabinieri marru fil-villa ta’ McKennie għall-ħabta tal-11.30 ta’ billejl, ħadd ma ried jiftħilhom. Il-Carabinieri damu madwar siegħa barra mill-kanċell u mbagħad wara tħallew jidħlu. Jidher li McKennie jista’ issa jkun mixli li ma kkoperax u li rreżista għall-ordnijiet tal-Carabinieri. Jista’ jkun ukoll li anki l-mistednin l-oħra jkunu mixlija bl-istess mod.

Matthew Scerri

L-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani (2 ta’ April 2021)

 Qed inwasslulkom l-ewwel paġni tal-gazzetti Taljani tal-isports tal-lum it-2 ta’ April 2021.

Dybala jiskuża ruħu

Paulo Dybala skuża ruħu pubblikament talli mar ikla u dam barra. “Naf li f’mument tant diffiċli fid-dinja minħabba l-Covid ikun aħjar li ma tiżbaljax. Żbaljajt li domt barra għal ikla. Ma kinitx festa, imma xorta żbaljajt u niskuża ruħi.” Hekk kiteb Dybala fuq Instagram.

Matthew Scerri

Il-Finali tal-Coppa Italia se tintlagħab fil-Mapei Stadium minflok f’Ruma

Il-Finali tal-Coppa Italia se tintlagħab fil-Mapei Stadium minflok fl-iStadio Olimpico ta’ Ruma. Il-bidla hi meħtieġa minħabba li fid-19 ta’ Mejju, meta se tintlagħab il-Finali tal-Coppa Italia, f’Ruma trid tintlagħab il-partita tal-kampjonat Lazio-Torino li kienet ġiet pospostha minħabba l-Covid-19. Skont Tuttosport hu probabbli wkoll li jekk l-imxija tal-Covid-19 tkompli tbatti, dakinhar fil-Mapei Stadium jitħallew jidħlu xi supporters.

Matthew Scerri

McKennie, Dybala u Arthur imħarka għax kisru r-regolamenti kontra l-imxija tal-Covid-19

Għall-ewwel dehret li hi ċajta tal-1 ta’ April, biss din l-aħbar qed tingħata minn diversi sorsi u ma ġietx miċħuda minn Juventus jew mill-plejers innifishom. Għaldaqstant nistgħu nieħdu bħala vera l-aħbar li lbieraħ il-pulizija Taljana marret fir-residenza ta’ McKennie għall-ħabta tal-11.30 ta’ billejl. Hemm sabu li kienet għaddejja ikla li għaliha kienu preżenti 10 persuni (20 skont sorsi oħra). Fost il-mistednin kien hemm anki Dybala u Arthur. Din l-ikla tmur kontra l-miżuri tal-Gvern Taljan u għaldaqstant kull persuna mistiedna ġiet imħarka. Probabbli li t-tlett iplejers se jingħataw multa min-naħa ta’ Juventus.

Matthew Scerri

Demiral mar lura Turin

Merih Demiral mar lura Turin b’titjira speċjali. Hu għadu pożittiv għall-Covid-19 biss bi qbil mal-awtoritajiet tal-saħħa, hu mar lura Turin b’titjira u arranġamenti speċjali.

Matthew Scerri