Telf ta’ 71.4 miljun Ewro għal Juventus

Illum iltaqa’ l-Bord tad-Diretturi ta’ Juventus biex japprova l-accounts tal-klabb għall-istaġun li ntemm ftit tal-ġimgħat ilu. Komplessivament dis-sena Juventus kellhom telf ta’ 71.4 miljun, liema somma hi in parti dovuta għall-pandemija tal-Covid-19. Id-dejn tal-klabb niżel minn 463.5 miljun Ewro għal 385.2 miljun Ewro, però tajjeb li ma ninsewx li kien żieda fil-kapital min-naħa tax-share-holders u allura hu normali li d-dejn jinżel.

Matthew Scerri

Khedira jkompli jirrifjuta l-proposti mressqa lilu minn Juventus

It-tmiem tal-esperjenza ta’ Sami Khedira ma’ Juventus tidher li se tkun tassew qarsa hekk kif qed ikompli jwebbes rasu u qed jitlob l-paga sħiħa ta’ dis-sena (6 miljuni) u l-flus li għadhom dovuti lilhom mis-sena li għaddiet skont il-ftehim stipulat minħabba l-emerġenza tal-Covid-19. Juventus offrewlu somma flus biex hu jaċċetta li jxolji l-kuntratt, biss ma laqax l-offerta u kompla jinsisti li jrid il-flus li semmejna qabel. F’dan l-istadju hu tassew diffiċli li wieħed ibassar x’se jiġri. Li hu ċert hu li Khedira se jkompli jidher ikrah f’għajnejn is-supporters. Hu veru li kulħadd irid jitħallas skont il-kuntratt, imma hu veru wkoll li l-plejers mhumiex ħaddiema normali u li l-pagi tagħhom huma fenomenali. Wara snin taqla’ l-miljuni, l-irġulija tgħidlek li għandek taċċetta ftehim mill-klabb tiegħek anki jekk tkun se titlef xi miljuni. Fuq kollox Khedira mhux se jsibha bi tqila jsib klabb Amerikan jew Ċiniż li joffrilu paga miljunarja wara li jxolji l-kuntratt ma’ Juventus. Kif qed jiżvolġu l-affarijiet, Khedira qed jidher tassew ikrah u qed jonqos mir-rispett lejn il-klabb li baqa’ jemmen fih minkejja li qatta’ dejjem żminijiet kbar barra b’injury.

Matthew Scerri

Higuain se jiffirma ma’ Inter Miami sal-2022

Gonzalo Higuain jinsab l-Amerka fejn fis-sigħat li ġejjin se jkun qed jiffirma kuntratt ma’ Inter Miami sa Diċembru 2022. Hu se jilgħab fl-istess tim ta’ Matuidi u, fuq kollox, se jkun qrib familtu fl-Arġentina.

Matthew Scerri

Vidal u Suarez se jħallu lil Barcellona l-ġimgħa d-dieħla

Skont Mundo Deportivo, il-ġimgħa d-dieħla Arturo Vidal u Luis Suarez se jinħallu mill-kuntratti li għandhom ma’ Barcellona. Għalihom it-tnejn il-ftehim biex il-kuntratti tagħhom ikunu xolti jidhru li huma tassew fil-qrib u għalhekk wieħed jista’ jbassar li l-ġimgħa d-dieħla għandha tingħata l-aħhar li m’għadhomx plejers ta’ Barcellona.

Matthew Scerri

Ċaħda mill-aġent ta’ Giroud

Michael Manuello, li hu l-aġent ta’ Giroud, tkellem ma’ Tuttojuve.com dwar l-għidu tal-aħħar sigħat. Hu sostna: “F’dal-mument ma kienx hemm kuntatti ma’ Juventus.” Fi kliem ieħor dak kollu li smajt mill-bieraħ ‘l hawn jidher li mhuwiex minnu.

Matthew Scerri

Suarez se jagħmel l-eżami tat-Taljan nhar il-Ħamis f’Perugia?

Skont La Gazzetta dello Sport l-eżami tal-lingwa Taljana ta’ Luis Suarez x’aktarx se jsir nhar il-Ħamis fl-Università degli Stranieri ta’ Perugia. Kollox jindika li verament Suarez qed jagħmel dak kollu li hu possibbli biex verament jikseb il-passaport Taljan li hu tant meħtieġ biex Juventus ikunu jistgħu jirreġistrawh.

Matthew Scerri

Interess Spanjol f’De Sciglio

Villareal jidher li kellhom kuntatti ma’ Juventus għal Mattia De Sciglio. Il-klabb Spanjol jinsab interessat li jikseb lill-full-back Taljan u kien għalkemm li għamlu kuntatt mal-Bianconeri. Juventus lesti jneħħu lil De Sciglio anki għax bħalissa hemm ir-riskju li hu jkollu jibqa’ barra mil-lista tal-plejers li Juventus se jgħaddu lill-Uefa għall-fażi tal-gruppi taċ-Champions League.

Matthew Scerri

Xejn ġdid dwar Kean

Għad m’hemmx ftehim bejn Juventus u Everton għal Moise Kean. Juventus s’issa dejjem talbuh b’self jew bi tpartit. Everton ma jridux jafu b’dat-tip ta’ ftehim u qed ikomplu jinsistu li jridu biss bejgħ għal Kean.

Matthew Scerri

Tiftakru? L-ewwel u l-uniku gowl ta’ De Sciglio bil-flokk ta’ Juventus

Imsemmi anki Giroud ma’ Juventus

Gianluca Di Marzio qed isostni li hemm anki Olivier Giroud fost l-attakkanti li jistgħu jingħaqdu ma’ Juventus das-sajf. Allegatament Juventus għandhom ftehim ma’ Giroud għal kuntratt ta’ sentejn b’paga ta’ 4.5 miljun Ewro fis-sena. Chelsea qed jitolbu 5 miljuni għalih. Issa wieħed irid jifhem jekk Giroud huwiex qed jiġi kkunsidrat bħala riserva għal Suarez jew inkella huwiex l-attakkant li Juventus se jixtru f’każ li jfalli l-akkwist ta’ Suarez.

Matthew Scerri