Cuadrado mistenni jitlaq lil Juventus

Wara tmien staġuni Juan Cuadrado se jkun qed jitlaq lil Juventus das-sajf. L-għażla mhux ċert min ħadha. Hemm sorsi li qed isostnu li Juventus iddeċidew li ma jġeddulux il-kuntratt, filwaqt li sorsi oħra qed jirrapurtaw li kien il-Kolombjan li għażla bidla fil-karriera. Il-futur tiegħu issa jista’ jkun fi Spanja ma’ Valencia jew fit-Turkija ma’ Fenerbahce. Cuadrado libes il-flokk ta’ Juventus għal 314 darba u kien pilastru tal-Juventus rebbieħa tal-era Agnelli.

Matthew Scerri

Ħadd iktar ma jista’ jilbes il-flokk numru 88 fl-Italja

Il-Gvern Taljan iddeċieda li l-ebda plejer mhu se jkun jista’ jilbes il-flokk numru 88. Ir-raġuni hi li gruppi neonazisti jużaw dan in-numru minflok jiktbu ‘Heil Hitler’ (l-ittra ‘h’ hi t-tmien waħda l-alfabet). Għaldaqstant dan in-numru għandu konnotazzjoni antisemita u mil-lum ‘il quddiem l-ebda partita uffiċjali mhu se jkun possibbli li plejer jilbes il-flokk numru 88.

Matthew Scerri

Uffiċjali: Rabiot jibqa’ sena oħra ma’ Juventus

Kmieni waranofsinhar Juventus taw l-aħbar li Adrien Rabiot aċċetta li jibqa’ sena oħra magħhom. Hu kellu offerti importanti, fosthom dik ta’ Manchester United li ilhom warajh mis-sajf li għadda. Madankollu l-għażla tiegħu kienet li jibqa’ ma’ Juventus.

Matthew Scerri

Filmat: L-aqwa mumenti tal-2023 ta’ Rovella

Qed jingħad minn kollox dwar Rabiot

Illum kellna aħbarijiet kuntrastanti dwar il-futur ta’ Adrien Rabiot. Il-ġurnata bdiet bl-aħbar li Manchester United fetħu negozjati mal-aġent ta’ Rabiot (li hi ommu stess). Il-klabb Ingliż, u b’mod partikolari l-kowċ tagħhom, ilhom iridu lil Rabiot mis-sajf li għadda u jidher li issa li se jinbidlu s-sidien tal-klabb, se jkollhom iktar riżorsi biex jibnu tim qawwi. Għalhekk reġa’ ssemma li Rabiot jista’ jingħaqad ma’ Manchester United.

Iktar tard matul il-ġurnata, il-media Taljana bdiet tirraporta li Rabiot innifsu ta l-kunsens tiegħu biex ommu taċċetta l-offerta ta’ Juventus għal kuntratt ta’ sena bl-istess paga li kellu fl-aħħar snin.

Fil-jiem li ġejjin suppost inkunu nafu x’se jiġri verament. Rabiot tal-aħħar sena hu plejer mill-aqwa li żgur jista’ jagħti kwalità lil nofs il-grawnd Juventin. L-ottimiżmu li jibqa’ qiegħed kulma jmur jikber, għalkemm, bħal dejjem, sakemm jiffirma kollox għadu possibbli.

Matthew Scerri

Bħal-lum fil-passat (26 ta’ Ġunju)

Dalgħodu qed inwasslulkom filmat li joħodna lura għas-sena 1960 meta proprju bħal-lum Juventus kienu lagħbu partita ta’ ħbiberija kontra Stade de Reims f’dik li kienet tissejjaħ “La Coppa dell’Amicizia italo-francese”. Jiuventus rebħu 2-1 b’żewġ gowls ta’ John Charles.

Filmat: Il-gowls kollha ta’ Di Maria bil-flokk ta’ Juventus

It-trasferimenti uffiċjali ta’ Juventus s’issa

Plejers li ngħaqdu ma’ Juventus

IsemDettalji
Arkadiusz MilikJuventus xtrawh għal kollox mingħand O.Marseille għas-somma ta’ 6.3 miljun Ewro, liema somma se titħallas fi tliet rati. Hemm anki bonus ta’ 1.1 miljun Ewro favur O. Marseille. Milik iffirma kuntratt ma’ Juventus sat-30 ta’ Ġunju 2026.

Cambiaso, Pellegrini, Arthur, McKennie, Rovella, Zakaria, Aké u Pjaca ġew lura ma’ Juventus wara li ntemm il-perjodu ta’ self ma’ klabb ieħor.

Plejers mibjugħa

IsemDettalji
Angel Di MariaIntemmlu l-kuntratt.
Dejan KulusevskiTottenham għażlu li jixtru għal kollox lil Kulusevski u se jħallsu għalih 30 miljun Ewro. Il-pagamenti se jinqasmu f’sitt rati.
Leandro ParedesIntemm il-perjodu ta’ self u Juventus għażlu li ma jixtruhx għal kollox.

Nota: Qed jinġieb hawn kull tip ta’ ftehim ġdid li Juventus laħqu ma’ klabbs oħra wara l-15 ta’ Ġunju 2023. Mhux qed inniżżlu ftehim li sar ma’ klabbs oħra li nstab fis-snin li għaddew u li daħal fis-seħħ das-sajf.