Deċiżjoni għaqlija!by Matthew Scerri
Kif kien mistenni l-patteġġament tal-lum kienet għażla li qajmet furur kbir u ma niżlitx tajjeb ma’ ħafna supporters. Min-naħa tiegħi nammetti li dejjem sostnejt il-ħtieġa ta’ patteġġament għax kont u għadni nemmen li kien l-uniku mod kif stajna ninqalgħu minn sitwazzjoni delikata immens li setgħet ikollha konsegwenzi tassew gravi għal Juventus.
F’għajnejn ħafna l-patteġġament hu ekwivalenti għal li tammetti t-tort. Fil-verità diversi avukati u esperti fil-qasam legali spjegaw kemm-il darba li mhuwiex hekk. Il-patteġġament hi strateġija difensiva f’każijiet fejn ma jkollokx wisq aktar armi biex tiġġieled fil-qrati. Il-patteġġament hu ftehim li jintlaħaq bejn l-akkużat u l-prosekutur, liema ftehim jiġi approvat minn imħallef bil-għan li t-tilwima bejn il-partijiet tieqaf qabel jinħareġ il-verdett tal-Qorti.
Kif jaf kulħadd hu diffiċli ġġibha żewġ mal-Ġustizzja Sportiva minħabba l-mod kif topera u l-prinċipji li tħaddan. Il-kawża tal-manovra stipendi kienet waħda taħraq ferm għal Juventus għax l-istqarrija għall-aħbarijiet kienet ħarġet b’informazzjoni mhix eżatta 100%, l-investigaturi kellhom xhieda tal-plejers li l-ftehim magħhom kien differenti minn dak miktub fl-istqarrija għall-aħbarijiet u fuq kollox Juventus naqsu milli jirreġistraw id-dokumenti kollha kif kien dovut minnhom. Il-ftehim mal-plejers, biex niftehmu, seta’ jsir u sar b’mod regolari. Il-paperwork imma sar ħażin b’mod mill-aktar stupidu u dilettantesk min-naħa ta’ min kien qed imexxi l-klabb dak iż-żmien. Issa la fuq il-plusvalenze, fejn m’hemmx regoli, Juventus instabu ħatja, kif qatt nistgħu naħsbu li setgħu joħorġu meħlusa fil-każ tal-manovra stipendi? U la nafu li l-Ġustizzja Sportiva għandha dejjem il-jolly tal-Artiklu 4 – il-lealtà sportiva – li bih tista’ ssibek prattikament dejjem ħati, kif qatt realistikament stajna qatt nemmnu li Juventus kienu se jirbħu l-każ?
Juventus għażlu t-triq li kienet l-iktar konvenjenti: il-patteġġament. Għażlu dit-triq b’mod intelliġenti u b’nuqqas ta’ arroganza. Juventus baqgħu u se jibqgħu jsostnu li huma innoċenti imma kellhom imorru għal patteġġament għax il-kundizzjonijiet kienu kollha kontrihom fejn tidħol il-Ġustizzja Sportiva (fil-Qrati Ċivili se tkun storja oħra!). Ħelsu minn kundanna oħra kważi ċerta li kienet se twassal għal iktar telf ta’ punti. Minflok bil-patteġġament ħadna biss multa u mhux se nappellaw dwar il-kawża l-oħra tal-plusvalenze (liema appell kien se jkun għalxejn għax la l-Collegio di Garanzia del CONI u wisq inqas it-TAR ma jistgħux jidħlu fil-mertu tas-sentenza, iżda xogħolhom hu biss li jiċċertifikaw li ġew segwiti l-proċeduri kollha stabbiliti mil-liġi).
Ħrigna minn din il-burraxka bl-inqas danni possibbli. Minn riskju ta’ Serie B (kif diversi gazzetti xebgħu jiktbu) għal multa ta’ tliet kwarti ta’ miljun (imma fil-verità fil-Kodiċi tal-Ġustizzja Sportiva hemm miktub li klabb li jinstab ħati li wettaq irregolaritajiet fil-kuntratti tal-plejers, jista’ jeħel multa sa massimu ta’ tliet darbiet il-valur tal-kuntratti irregolari … aħdmuha ftit tliet darbiet il-paga ta’ tliet xhur ta’ Ronaldo u taraw li hi ferm ferm iktar mit-tliet kwarti ta’ miljun li ftehmu dwaru fil-patteġġament!). Weħilna ukoll 10 punti mnaqqsa (dawk tal-każ l-ieħor tal-plusvalenze) li se jħalluna barra miċ-Champions League (li kien ħaqqna għax dak kien il-verdett tal-grawnd) imma għallinqas se nkunu qed nilagħbu fit-Tazzi Ewropej. In-nies li Elkann poġġa fit-tmexxija ta’ Juventus huma nies intelliġenti li għarfu joħorġu l-bastiment minn tempesta qalila. U issa nistgħu nħarsu ‘l quddiem biex nibnu tim mill-ġdid kompetittiv. Nafu li ġej Direttur tal-Isport ġdid u naħseb hu evidenti wkoll li se jkun hemm bidla tal-kowċ. Minn diriġenza teknika esperta fil-management se ngħaddu issa għal diriġenza ta’ natura differenti: waħda li għandha kompetenzi iktar fil-logħba tal-futbol. Nemmen li t-tim mhuwiex ħażin daqskemm ħafna qed isostnu. Neħtieġu bidla fl-ideat ta’ logħob u diriġenza qawwija li tagħraf tmexxi mhux titmexxa kif ġara fl-aħħar snin. U ovvjament neħtieġu DS u kowċ li flimkien kapaċi jagħmlu l-bidliet meħtieġa biex it-tim jagħmel qabża ta’ kwalità fil-limiti taċ-ċirkostanzi attwali.
Nagħlaq bi ħsieb dwar is-Super League. Jien kont u nibqa’ favur is-Super League. Ir-raġunijiet spjegajthom kemm-il darba. Nemmen imma li Juventus iridu jkunu issa intelliġenti li jagħmlu pass lura f’dit-taqbida mal-Uefa. Li nkomplu noħorġu għonqna għas-Super League f’dan l-istadju ma jagħmilx sens. Li niġġieldu l-battalja għas-Super League u naqilgħu fuqna l-vendetti tal-Uefa ma jagħmilx sens. Anki għax is-Super League hi biss idea u xejn iktar (għalissa). Juventus għandhom bżonn jibnu mill-ġdid relazzjonijiet tajbin mal-Uefa. Imbagħad jekk xi darba s-Super League tibda, Juventus bħal kull klabb ieħor, ikollhom id-dritt li jagħżlu fejn se jilagħbu. Xejn iktar u xejn inqas. Sakemm tibda s-Super League, però, jkun biss att arroganti u stupidu li nkomplu għaddejjin bi gwerra (aħna bla armi u huma armati sa snienhom) mal-Uefa.
Matthew Scerri