Ftit ħsibijiet dwar il-kawża tal-plusvalenzeby Matthew Scerri
Tajjeb li bħas-soltu niċċaraw xi affarijiet li ġraw illum b’rabta mas-sentenza tal-kawża tal-plusvalenze fittizji li wasslet biex tnaqqsu 10 punti lil Juventus fil-klassifika ta’ dis-sena. Id-dokument tal-lum spjegalna kif ġew ikkalkulati l-10 punti mnaqqsa u għala ma baqgħux 15-il punt bħal fl-ewwel sentenza.
Forsi għal ħafna hu ridikolu li s-sentenza rabtet il-punti mal-kundanni ta’ Agnelli, Paratici, Arrivabene u Cherubini. Pero’ tajjeb infakkru li f’din il-kawża Juventus kienu mixlija bl-Artiklu 6, dak tar-responsabilità oggettiva. Fi ftit kliem dan l-Artiklu 6 ifisser li l-klabb hu responsabbli għax indirettament jew direttament iggwadanja minn aġir irregolari tal-uffiċċjali tal-istess klabb. Issa ladarba Agnelli, Paratici, Arrivabene u Cherubini nstabu ħatja, Juventus kellhom ukoll ibatu l-konsegwenzi.
Il-Collegio di Garanzia tal-CONI, fil-mument li ordna li l-kawża terġa’ tinstema, ikkonferma l-kundanni ta’ Agnelli, Paratici, Arrivabene u Cherubini. L-istess Collegio kkonferma li l-Qorti tal-Appell tal-FIGC kellha raġun tixli bil-ksur tal-Artiklu 4 (il-lealtà sportiva), biss kienet naqset li tispjega b’mod ċar kif kienu ġew ikkalkulati l-15-il punt imnaqqsa. Minħabba f’hekk il-kawża kellha terġa’ tinstema. Is-sentenza tal-Collegio wittiet it-triq għal kundanna oħra ta’ Juventus. Meta reġa’ nstema l-każ quddiem il-Qorti tal-Appell ma kinitx iktar kwistjoni jekk Juventus kinux se jinstabu ħatja jew innoċenti. Fil-verità il-Qorti tal-Appell, proprju minħabba s-sentenza tal-Collegio, kellha ssib lil Juventus ħatja iżda kellha tispjega b’mod ċar il-verdett tagħha. U hekk għamlet. Fil-fatt illum sirna nafu kif ġew ikkalkulati l-10 punti mnaqqsa, proprju b’relazzjoni mal-kundanni ta’ Agnelli, Paratici, Arrivabene u Cherubini (li tajjeb infakkru li nstabu ħatja li kisru l-Artiklu 4 u konsegwentement Juventus weħlu fuq il-bażi tal-Artiklu 6 li jagħmel lill-klabb responsabbli għall-aġir tal-uffiċċjali tiegħu). Ma baqgħux 15-il punt (kif kienet l-ewwel sentenza f’Jannar) għax Nedved u l-membri tal-Bord tad-Diretturi ta’ Juventus inħelsu mill-akkużi peress li ma kinux firmatarji.
Il-kundanna hi issa waħda definittiva. Juventus mhux se jappellaw mill-ġdid quddiem il-Collegio di Garanzia del CONI bħala parti mill-ftehim tal-patteġġament. Kif qal Calvo nhar il-Ħadd Juventus ma ġewx iġġudikati b’mod ġust, imma issa dak hu kapitlu magħluq.
F’dawn il-paġni ktibna u għidna ħafna dwar dan il-każ. Nibqgħu nsostnu li hi inġustizzja li kawża li kienet magħluqa reġgħet infetħet, inbidel il-kap tal-imputazzjoni u wasalna għal kundanna ta’ 15-il punt imnaqqsa fil-klassifika għal xi ħaġa li jagħmel kull klabb fid-dinja u li dwarha m’hemmx regoli. Hi inġustizzja u nibqgħu ngħiduha għal dejjem. Madankollu Juventus għamlu sew li għażlu t-triq tal-patteġġament għax is-sens komun jitlob li xi kultant trid tieħu d-deċiżjonijiet li ma tridx tieħu sakemm dan ikun fl-aqwa interess tiegħek. Il-kawża l-oħra (li tajjeb infakkru li hi kawża differenti) tal-manovra stipendi, il-partnership ma’ klabbs oħra u r-relazzjonijiet ma’ aġenti, kienet ferm iktar taħraq u ‘on paper’ seta’ kellha konsegwenzi gravissimi għal Juventus. Għaldaqstant il-patteġġament kienet għażla għaqlija għax minn banda evitajna xhur ta’ inċertezza telgħin u niżlin il-Qrati, u fl-istess ħin Juventus għalqu dan il-kapitlu kompletament mal-Ġustizzja Sportiva bl-inqas danni possibbli. Ftakru li kieku kompliet il-kawża tal-manovra stipendi, ir-riskju kien ta’ aktar punti mnaqqsa, ferm iktar mill-10 punti li tnaqqsulna.
Issa l-battalja tkompli fil-Qrati Ċivili fejn Juventus ikunu jistgħu jiddefendu ruħhom aħjar u jkunu jistgħu jnaddfu isimhom mill-ħafna akkużi tal-aħħar xhur.
Matthew Scerri