Ftit punti dwar dak li nqala’ dil-ġimgħaby Matthew Scerri
Dil-ġimgħa, m’hemmx xi ngħidu, l-attenzjoni ttieħdet mill-famuża ‘karta sigrieta’ li Chine’ u sħabu ma jridux juru lill-avukati difensuri ta’ Juventus u l-eks uffiċċjali tagħha. Nafu li żewġ qrati ċivili laqgħu r-rikors imressaq mill-avukati ta’ Paratici u Cherubini u lbieraħ finalment sirna nafu x’inhu l-kontenut tal-karta sigrieta. Jibqa’ misteru kif f’temp ta’ ftit minuti dawn id-dokumenti jaslu f’idejn il-media li jaqbdu mill-ewwel jaqtghu l-verdett tagħhom. Kellna ħafna kliem bombastiku li kien awtogowl ta’ Juventus u l-magna tal-gideb tal-gazzetti donnha qed tagħti l-impressjoni li issa Juventus mhux se jingħataw lura l-15-il punt li ttiħdulhom. Tajjeb għaldaqstant niċċaraw ftit l-affarijiet.
1. X’fih id-dokument?
Qabelxejn id-dokument inkwistjoni (numru 10940) hi nota datata 14 ta’ April 2021 li l-Procuratore Federale Chine’ bagħat lil Covisoc (li hi mwaqqfa fi ħdan il-Federazzjoni biex issegwi mill-qrib il-qagħda finanzjarja tal-klabbs). Fih m’hemm ebda referenza għal Juventus u jissemmew biss xi każijiet antiki. Chine’ jsostni li hu għandu d-dritt li jindaga fuq klabbs li joħolqu sistema fejn jiftehmu bejniethom biex jieħdu vantaġġ finanzjarju minn dal-ftehim.
2. Għala ntalab dad-dokument?
Dil-ġimgħa saret ħafna retorika li dad-dokument kien fih prova ċerta li Juventus għandhom jinħelsu minn kull akkuża. Dan kollu kien biss paroli fil-vojt għax fil-verita’ ħadd ma kien jaf il-kontenut tad-dokument. Hekk stqarr Calvo ġimgħa ilu. L-għan tad-difiża kien li jsibu f’dad-dokument l-hekk imsejħa notitia criminis. Fi ftit kliem dan ifisser li li kieku d-dokument kien fih referenza ċara għall-każ tal-plusvalenze ta’ Juventus, l-avukati difensuri kienu jistgħu jitolbu li l-kawża taqa’ minħabba li Chine’ fetaħ il-kawża tard jew aħjar wara li ghaddiet id-deadline stabbilita mill-kodiċi tal-Ġustizzja Sportiva.
3. Xi jmiss issa?
Għalkemm in-notitia criminis ma nstabitx, madankollu Chine’ kien qed iwieġeb għal dokument li ntbagħatlu mill-Covisoc. Anki dad-dokument għadu mistur u allura l-avukati mistennija jitolbu li jarawh bit-tama li tinstab in-notitia criminis fih.
4. Huwa awtogowl?
Le. Ovvja li le. L-istrateġija difensiva ta’ Juventus u tal-eks uffiċċjali tagħha mhix ibbażata biss fuq dad-dokument. Ir-rikors imressaq minn Juventus fih mijiet ta’ paġni u hemm diversi punti li madwarhom inbena r-rikors. Id-dokument 10940 kien jagħti palata kbira lid-difiża li kieku nstabet in-notitia criminis. La ma nstabitx, imma, Juventus għandhom diversi punti oħra biex jiddefendu lilhom infushom.
Mhuwiex awtogowl anki għax qrati ċivili waqqfu l-arroganza tal-Federazzjoni li ma riditx tgħaddi dokument lid-difiża. Hekk inħoloq preċedent u mil-lum ‘il quddiem il-Federazzjoni jkollha tgħaddi d-dokumenti mitluba kif tagħmel kull entita’ oħra f’pajjiż demokratiku.
Mhuwiex awtogowl għax qrati ċivili kitbu ċar u tond li jista’ jkun hemm talba għal danni aktar ‘il quddiem dwar dal-każ. Fi kliem ieħor, jista’ jkun li Juventus eventwalment xi darba jkunu f’pożizzjoni li jitolbu lill-Federazzjoni tħallashom għad-danni (nassumu jekk Qorti Ċivili turi li s-sentenza tal-Ġustizzja Sportiva kienet fażulla).
5. Għala wasalna hawn?
Id-domanda li hafna qed jagħmlu hi: għala l-Federazzjoni ma riditx turi dokument li ma fih xejn kompromettenti? Uffiċjalment Chine’ ma riedx jgħaddi dad-dokument għax hi waħda mill-ħafna internal memos bejn kompartimenti differenti tal-Federazzjoni u ma riedx li jinħoloq preċedent fejn il-klabbs joqogħdu l-ħin kollu jitolbu li jaraw dawn il-memos. Onestament tidher li hi skuża banali. Ma nagħmlux mod li d-dokument 10940 ma jriduhx joħroġ biex id-difensuri ma jkunux jistgħu jaslu għal dokumenti oħra li jaħarqu? U fuq kollox ċerti li d-dokument 10940 ma fih xejn kompromettenti? Aħna ma rajniex id-dokument kollu (qrajna biss summary li ħarġet fil-gazzetti) u anki li kieku rajnieh, mhux neċessarjament konna naraw dak li avukati esperti jirnexxielhom isibu għall-finijiet tar-rikorsi tagħhom.
6. U issa?
Tkellimna diversi drabi oħra dwar xi jmiss kemm fil-Qrati Ċivili kif ukoll quddiem il-ġustizzja sportiva. Ma narax li għandha nerġgħu nidħlu fihom. Li hu żgur li hu dax-xahar stess il-Collegio di Garanzia tal-Coni għandu jibda jisma l-Appell. Mhux se jkun każ faċli anki jekk bosta esperti stqarrew li huma ċerti li Juventus se jingħataw lura l-15-il punt li tnaqqsulhom. Nisperaw li jkun hekk. Tkellmu diversi esperti u stqarrew li r-rikors ta’ Juventus hu miktub sew. Nafu imma li l-ġustizzja sportiva taħdem b’mod stramb immens u allura rridu nistennew u naraw x’se jiġri.
Jien personalment nibqa’ nemmen li ġie traskurat il-punt ta’ kif ġew ikkalkolati l-15-il punt li tnaqqsu lil Juventus. Hu fatt gravissimu għalija li dwar kwistjoni fejn m’hemmx ksur ta’ regola, prosekutur jibdel il-kap ta’ imputazzjoni, terga’ tinfetaħ kawża magħluqa u mħallef jiddeċiedi b’mod diskrezzjonali li jnaqqas 15-il punt lil klabb bla ma jispjega eżattament kif ikkalkola li Juventus kellhom jitnaqqsulhom dawn il-punti. Jidhirli li dan hu aġir mhux xieraq f’pajjiż demokratiku fejn hemm is-saltna tad-dritt.
Matthew Scerri