Instema’ l-Appell quddiem il-Collegio di Garanzia tal-Coni. Ma naqsux is-sorpriżi!by Matthew Scerri
Illum quddiem il-Collegio di Garanzia tal-CONI nżammet is-seduta li matulha ġie diskuss l-appell imressaq minn Juventus wara li tnaqqsulhom 15-il punt fil-klassifika minħabba l-hekk imsejħa ‘plusvalenze’ fittizji. Is-seduta ħadet madwar tliet sigħat. Juventus talbu li s-sentenza tiġi annullata, filwaqt li l-Prokuratur Ġenerali Ugo Taucer (l-akkuża biex niftehmu) talab li l-kawża terġa’ ssir mill-ġdid peress li hemm xi affarijiet nieqsa fil-motivazzjoni tas-sentenza. Fi kliem ieħor skont il-Prokuratur Ġenerali, il-Qorti naqset milli tagħti spjegazzjoni ċara u dettaljata dwar l-aspetti kollha li wasslu għas-sentenza u għaldaqstant qed jitlob li l-kawża terġa’ ssir. Interessanti li l-Prokuratur Ġenerali minflok ma ddefenda s-sentenza u talab li tkun ikkonfermata, talab minflok li l-kawża terġa’ ssir milli ġdid. Jekk it-talba tiegħu tkun milqugħa, il-ħmistax-il punt għalissa ma jitnaqqsux lil Juventus. Imbagħad la jerġa’ jistema’ l-każ quddiem il-Ġustizzja Sportiva, Juventus ikunu jistgħu jiġu meħlusa mill-akkużi u allura ma jeħlu xejn. Iżda, jekk jinstabu ħatja, ikunu jistgħu jeħlu l-istess piena (tnaqqis ta’ 15-il punt) jew waħda differenti (tnaqqis ta’ inqas jew iktar punti minn dawk il-ħmistax-il punt, jew inkella multa biss).
Id-deċiżjoni tal-Collegio di Garanzia tal-CONI mhix mistennija toħroġ il-lejla. Li hu żgur hu li t-talba tal-Prokuratur Ġenerali tixhed dak li dejjem sostnejna: ma kienx kollox sew fis-sentenza ta’ Jannar li għadda! Taucer stess ammetta llum waqt is-seduta li jara li d-difiża għandha raġun li tilmenta għall-fatt li Juventus ġew ikkundannati fuq il-bażi tla-Artiklu 4. Fl-istess ħin Taucer indika li l-15-il punt imnaqqsa mhumiex spjegati sew.
Matthew Scerri