Posts

Andrea Agnelli sospiż għal sittax-il xahar u mmultat 60,000 Ewro

Andrea Agnelli ġie sospiż għal sittax-il xahar oħra u se jkollu jħallas multa ta’ 60,000 Ewro b’rabta mal-hekk imsejħa ‘manovra stipendi’. Il-ġustizzja sportiva sabitu ħati u tatu dil-kundanna. Ta’ min ifakkar li Agnelli kien l-uniku wieħed li ma aċċettax il-patteġġament. Issa rridu nistennew li tinħareġ is-sentenza sħiħa biex naraw eżattament fuq liema bażi l-Qorti tal-FIGC sabitu ħati.

Matthew Scerri

L-aħħar diskors ta’ Andrea Agnelli

Illum kellna anki l-aħħar diskors ta’ Andrea Agnelli fi tmiem il-Presidenza tiegħu. Se nisiltu l-punti prinċipali tad-diskors tiegħu li ħa madwar għoxrin minuta.

Qabelxejn Agnelli sostna li l-futbol wieħed ma jridx jarah biss bħala logħba. Fil-verità l-klabbs huma parti mid-dinjità tad-divertiment. Hu semma ħafna ċifri biex juri kemm l-klabbs tal-futbol jiġġeneraw flus u jimpjegaw nies. Agnelli kkritika lil min għandu s-setgħa li jieħu ċerta deċizjonijiet u li ma jafx jagħmel differenza bejn logħba u industrija. Fl-opinjoni ta’ Agnelli l-klabbs tal-futbol, għallinqas dawk tal-għola livell, għandhom jitqiesu bħala parti minn industrija kbira u d-deċiżjonijiet iridu jittieħdu f’dad-dawl.

Agnelli sostna li hu seta’ qagħad komdu fil-karigi tiegħu ta’ President ta’ ECA u membri tal-Eżekuttiv tal-Uefa. Madankollu ħass li l-futbol kellu jinbidel minħabba l-kriżi finanzjarja tal-klabbs, l-aktar minħabba l-fatt li l-klabbs ma kinux qed jiġġeneraw profitti. Skontu kienu hemm anki r-riskju li l-mekkaniżmi ta’ dħul fil-kompetizzjonijiet Ewropej seta’ jxekkel u jpoġġi f’riskju kbir id-dħul finanzjarju tal-klabbs. In-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji inevitabbilment ipoġġi f’riskju kbir lill-klabbs. Minħabba f’hekk fl-2021 ħa d-deċiżjoni drastika li jaħdem flimkien ma’ klabbs oħra għat-twaqqif tas-Super League (li però ma semmiex b’isimha). Ikkritika lill-Uefa li riedet tieħu passi dixxiplinari fil-konfront tal-klabbs sempliċiment għax il-klabbs iltaqgħu mingħajr il-permess tal-Uefa sabiex jirraġunaw flimkien u jsibu soluzzjoni kif jistgħu jaqilgħu lill-klabbs mis-sitwazzjoni mwegħra li jinsabu fiha. Wissa li hemm riskju kbir li l-kampjonati kollha jiġu marġinalizzati minħabba l-qawwa finanzjarji tal-Premier League.

Tkellem ovvjament anki dwar il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li trid tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-monopolju tal-Uefa. Hawn Agnelli sostna li qed jissemma spiss l-kunċett tal-ispeċifiċità tal-isport kif inhu stabbilit anki fil-qafas legali-amministrattiv tal-Unjoni Ewropea. Madankollu minħabba d-dimensjoni finanzjarju tiegħu, il-futbol tal-ogħla livell m’għandux jibqa’ jitqies biss f’termini tal-sport, iżda għandu jiġi meqjus għal dak li verament hu, jiġifieri industrija.

Kien hemm ħin għal ringrazzjamenti għal kulmin ħadem miegħu f’dawn it-tlettax-il sena. Agnelli qal li jħossu kburi li Juventus investew 400 miljun f’proprjetajiet u li wessa’ l-operat tiegħu f’diversi oqsma (retail, hospitality, id-dinja diġitali, eċċetera). Żied li se jibqa’ kburi li Juventus ħolqu logo li jmur kontra dak li tradizzjonalment naraw fil-klabbs tal-futbol. Fi kliemu dan il-logo se jagħti l-opportunità lil Juventus li jiddjalogaw ma’ min mhuwiex supporter u essenzjalment jinsab barra mid-dinja tal-futbol.

Fuq livell sportiv, ma setax jonqos li jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għċ-ciklu rebbieħ ta’ Juventus, kif ukoll għat-twaqqif tal-Juventus Women u tan-Next Gen li qed jiksbu unuri. Agnelli bassar li f’temp ta’ 5-8 snin nofs it-tim ta’ Juventus se jkun iffurmat minn plejers ġejjin mill-Youths u min-Next Gen. B’dan il-mod Juventus ikunu jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom, filwaqt li jibqgħu kompetittivi kif dejjem kienu fl-Italja u fl-Ewropa.

Ma naqasx ukoll milli jsemmi l-ħafna sitwazzjonijiet marbutin ma’ kawzi u inkjesti li Juventus kellhom iħabbtu wiċċhom magħhom fl-aħħar tlettax-il sena. Sostna li Juventus iddefendew ruħhom bl-aħjar mod li setgħu.

Finalment, fuq nota personali, Andrea Agnelli ħabbar li b’għażla tiegħu personali u bi qbil ma’ John Elkann, hu se jkun qed jieqaf mhux biss minn ma’ Juventus, iżda se jkun qed jwarrab ukoll mill-karigi l-oħra li għandu fid-dinja Exor u Stellantis. Qed jagħmel dan sabiex ikollu moħħu frisk u jagħżel b’mod liberu l-proġetti li se jkun qed jaħdem fuqhom fil-futur.

Matthew Scerri

Riżenji inevitabbli

Ir-riżenja ta’ Agnelli u l-Bord kollu tad-Diretturi ta’ Juventus hi f’għajnejn ħafna supporters sajjetta fil-bnazzi. Madankollu kulmin kien qed isegwi l-affarijiet mill-qrib kien jaf li dar-riżenji se jaslu. Fi tmiem Ottubru, malli ntemmet l-inkjesta Prisma, Agnelli, Nedved, Arrivabene u uffiċċjali oħra kienu jafu li se jitressqu l-Qorti bl-akkuza li wettqu irregolaritajiet finanzjarji. Ir-riżenji kellhom bilfors jintefgħu minħabba l-hekk imsejħa ‘reiterazione del reato’ li tfisser li bniedem baqa’ għaddej jirrepeti l-istess reat fuq medda ta’ snin (u allura s-sentenza tkun iktar ħarxa). Agnelli u l-oħrajn irriżenjaw biex jevitaw ir-‘reiterazione del reato’. Barra minn hekk huma jridu jiddefendu lilhom infushom personalment, filwaqt li Juventus jeħtieġu nies esperti li jkunu jistgħu jieħdu ħsieb id-difiża tal-klabb u jwettaq ir-riformi meħtieġa sabiex fil-futur il-klabb ma jkollux inkwiet ta’ dat-tip.

Matthew Scerri

Jirriżenjaw Agnelli. Nedved, Arrivabene u d-Diretturi kollha ta’ Juventus

Permezz ta’ stqarrija uffiċjali, Juventus FC ikkonfermaw li kien hemm ir-riżenja tal-Bord kollu tad-Diretturi, inklużi Andrea Agnelli, Pavel Nedved u Maurizio Arrivabene. Ir-riżenji saru fuq proposta ta’ Andrea Agnelli bil-għan li jinbeda proċess fi ħdan il-klabb għal restructuring li jiggarantixxi amministrazzjoni finanzjarja aħjar. Kollox hu marbut mal-investigazzjoni ‘Prisma’ ovvjament, bl-uffiċċjali ta’ Juventus iridu jwieġbu għall-akkużi ta’ irregolaritajiet amministrattivi-finzjarji. Din l-investigazzjoni wasslet biex il-CONSOB (ir-regolatur biex niftehmu għall-kumpaniji kkwotati fil-Borża) talbet lil Juventus tiċċara diversi punti marbuta mal-accounts tal-klabb. Il-CONSOB tidher li mhix kuntenta bit-tweġibiet mogħtija minn Juventus u għaldaqstant il-Laqgħa Ġenerali tax-share-holders ta’ Juventus ġiet posposta diversi drabi.

F’dan l-istadju Maurizio Scanavino se jinħatar Direttur Ġenerali tal-klabb, filwaqt li Arrivabene se jibqa’ jservi ta’ CEO (b’setgħat limitati ferm) sakemm jinħatar Bord ġdid tad-Diretturi. Il-Bord il-ġdid se jinħatar fit-18 ta’ Jannar 2023. Il-membri tal-Bord tad-Diretturi, minkejja li tefgħu r-riżenja tagħhom, skont kif titlob il-liġi xorta se jibqgħu responsabbli tal-klabb sakemm jinhħatar il-Bord il-ġdid. Huma mhux se jkunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ġodda, imma se jkunu qed jiggarantixxu li l-klabb jibqa’ għaddej sakemm il-Bord il-ġdid jinħatar u jibda jopera.

Matthew Scerri

Il-karigi l-ġodda fi ħdan Juventus se jitħabbru llum

Illum fis-2.30 ta’ waranofsinhar Andrea Agnelli se jindirizza konferenza tal-aħbarijiet li matulha se jkunu mħabbra u ppreżentati l-persuni u l-karigi l-ġodda fi ħdan it-Technical Area (jew Football Area kif isejħulha Juventus). Fost l-oħrajn se jkun preżentat Maurizio Arrivabene li se jkun qed jokkupa l-kariga ta’ CEO tat-Technical Area.

Matthew Scerri

Bidliet fl-amministrazzjoni Juventina? Il-Ħamis inkunu nafu!

Nhar il-Ħamis jaf tkun ġurnata deċiżiva għall-futur ta’ Juventus. Fil-fatt l-Exor se tkun qed tifli mill-qrib is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Juventus bil-għan li jinbeda proċess għal żieda fil-kapital fi ħdan it-tim Juventin. Għalkemm l-Exor normalment ma tidħolx fl-amministrazzjoni teknika tal-klabb, jidher li jekk verament se jkun hemm bidliet fil-Presidenza u fid-diriġenza, dawn se jkunu diskussi u approvati waqt l-imsemmija laqgħa. Il-kwistjoni tal-kowċ, mill-banda l-oħra, mhux mistennija tkun fuq l-aġenda peress li l-Exor se tkun qed tiddeċiedi min għandu jmexxi lill-klabb u wara tħalli f’idejn dal-persuni biex jagħżlu l-kowċ u l-plejers għas-sena d-dieħla.

Matthew Scerri

Paratici jitkellem dwar Pirlo u Agnelli

Qabel Fiorentina-Juventus, Fabio Paratici tkellem dwar diversi kwistjonijiet. Fost l-argumenti li tkellem dwarhom kien hemm anki l-futur ta’ Pirlo u ta’ Agnelli. Hu sostna li jekk Juventus jiġu mal-ewwel erbgħa fi tmiem il-kampjonat, Pirlo se jibqa’ jkun il-kowċ ta’ Juventus. Dwar Agnelli, Paratici sostna li qed jarah kalm u trankwill, u li qed jaħdem għall-futur tat-tim Juventin.

Matthew Scerri