Posts

Arrivabene jgħid tiegħu dwar Pogba, De Ligt u Dybala

Maurizio Arrivabene ta intervista esklussiva lil Tuttosport fejn tkellem fit-tul dwar is-suq tat-trasferimenti ta’ Juventus. B’mod partikolari hu kellu l-opportunità li jagħti l-verżjoni tiegħu dwar Pogba, Dybala u De Ligt.

Skont Arrivabene, Juventus jinsabu f’taħdidiet ma’ Pogba u l-affarijiet sejrin tajjeb ferm. Dwar Dybala spjega li hu veru li kien hemm offerta ta’ erba’ snin lill-plejer (iċ-ċifra ma semmihiex), liema offerta kienet ġiet mgħoddija lill-aġent tal-plejer. Madankollu, imbagħad, Juventus għamlu kunsiderazzjonijiet ulterjuri li wassluhom biex iwaqqgħu dik l-offerta. Fakkar li f’Jannar l-affarijiet inbidlu drastikament wara li nkiseb Vlahovic.

Id-diriġent Juventin kellu l-opportunità li jitkellem dwar l-għidut li għandu x’jaqsam ma’ De Ligt. Fi kliem Arrivabene, illum hu impossibli li l-klabb iżomm plejer kontra r-rieda tiegħu. Tenna li fil-futbol tal-lum il-plejers jagħmlu biss dak li jgħidulhom l-aġenti. Skontu, f’sitwazzjonijiet bħal dawn hu importanti li t-tliet partijiet iqumu minn mal-mejda tat-taħdidiet kuntenti. Fi kliem ieħor irid jinstab ftehim li jkun konvenjenti għax-xerrej, għall-bejjiegħ u għall-plejer innifsu.

Matthew Scerri

Il-karigi li mistennija jitħabbru llum

Illum fis-2.30 ta’ waranofsinhar se jkun qed jiġu mħabbra l-karigi l-ġodda fi ħdan it-Technical Area ta’ Juventus. L-uniku wiċċ ġdid se jkun dak ta’ Maurizio Arrivabene li se jkun CEO tat-Technical Area (filwaqt li Aldo Mazzia se jkun CEO tal-Financial Area). Federico Cherubini se jkun qed jieħu post Fabio Paratici. Promotions anki għal Giovanni Manna (li se jkun Direttur tal-Isports għat-tim Under 23) u Matteo Tognozzi (Scouting Manager). Fit-Technical Area se jkollu kariga msaħħa anki Marco Storari li ilu jaħdem għal Juventus biex jgħin lit-talenti żgħar jikbru u jimmaturaw.

Matthew Scerri

Il-karigi l-ġodda fi ħdan Juventus se jitħabbru llum

Illum fis-2.30 ta’ waranofsinhar Andrea Agnelli se jindirizza konferenza tal-aħbarijiet li matulha se jkunu mħabbra u ppreżentati l-persuni u l-karigi l-ġodda fi ħdan it-Technical Area (jew Football Area kif isejħulha Juventus). Fost l-oħrajn se jkun preżentat Maurizio Arrivabene li se jkun qed jokkupa l-kariga ta’ CEO tat-Technical Area.

Matthew Scerri

Arrivabene se jinħatar DĠ ta’ Juventus

Maurizio Arrivabene mistenni jkun maħtur Direttur Ġenerali ta’ Juventus, kariga li ftit tas-snin ilu kien jokkupa Marotta. Arrivabene ilu mill-2012 fil-Bord tad-Diretturi ta’ Juventus. Bejn l-2014 u l-2019 kien serva anki bħala Direttur Ġenerali tat-tim tal-Ferrari li jtellaq fil-Formula 1.

Matthew Scerri