Posts

Id-dettalji tal-ftehim bejn Juventus u Liverpool għal Arthur

Liverpool qablu li jħallsu 4.5 miljun Ewro sabiex jiksbu b’self lil Arthur għal sena. Huma se jkollhom id-dritt li jixtruh għal kollox għal 37.5 miljun Ewro s-sena d-dieħla. Dawn huma d-dettalji uffiċjali tal-ftehim bejn il-klabbs kif ippublikati fl-istqarrija maħruġa minn Juventus.

Matthew Scerri

Arthur misluf lil Liverpool

Il-Brażiljan Arthur telaq minn Turin dalgħodu biex imur jagħmel it-testijiet mediċi fl-Ingilterra għal ma’ Liverpool. Hu se jingħaqad magħhom b’self għal sena, b’Liverpool allegatament m’għandhom ebda dritt jew obbligu li jixtruh għal kollox. Sal-bieraħ kien qed jissemma li Arthur kien se jiffirma għal Sporting, biss dal-lejl l-affarijiet inbidlu hekk kif Liverpool għamlu kuntatt mal-aġent tiegħu.

Matthew Scerri

Erba’ klabbs interessati li jiksbu lil Arthur

Nhar is-Sibt Arrivabene għamilha ċara li hu essenzjali għal Juventus li jneħħu lil xi plejers li għandhom fit-tim sabiex ma jkunx hemm piż żejjed fuq l-accounts tal-klabb. Wieħed mill-plejers li Juventus iridu jneħħu hu Arthur. Nafu li Valencia ilhom iriduh b’self. Klabbs oħra li fl-aħħar sigħat urew interess fih huma: Nice, Sporting Lisbon u Everton. L-aġent qed jaħdem bla qatigħ bil-għan li tinstab soluzzjoni li twassal biex Arthur jingħaqad ma’ tim ieħor li jkun jista’ jiggarantixxi lill-midfielder Brażiljan post fiss mal-ewwel ħdax tat-tim tiegħu.

Matthew Scerri

Arthur-Valencia. Kollox wieqaf

M’hemm xejn ġdid dwar it-trasferiment ta’ Arthur b’self ma’ Valencia. In-negozjati bejn Juventus u l-klabb Spanjol jidhru weqfin bħalissa, bil-partijiet ma jirnexxilhomx isibu ftehim bejniethom. Il-kwistjoni kollha hi marbuta ma’ kif se tinqasam il-paga ta’ Arthur bejn iż-żewġ klabbs. Valencia lesti jħallsu sa massimu ta’ 25% tal-paga ta’ Arthur, filwaqt li Juventus qed jitolbuhom li jħallsu nofs il-paga. Valencia ma jridux jaċċettaw u allura kollox jinsab wieqaf. Probabbli li t-trasferiment, jekk iseħħ, ikun possibbli biss fl-aħħar jiem qabel jagħlaq is-suq tat-trasferimenti.

Matthew Scerri

L-aġent: “Arthur irid jitlaq lil Juventus”

Federico Pastorello, li hu l-aġent ta’ Arthur, ikkonferma li hemm interess min-naħa ta’ Valencia fil-midfielder Brażiljan. Hu qal li jittama li jinstab ftehim għax Arthur irid jitlaq lil Juventus. Skont Pastorello, Arthur hu plejer tajjeb wisq biex joqgħod jara lill-oħrajn jilagħbu.

Matthew Scerri

X’qed jingħad dwar is-suq tat-trasferimenti Juventin

L-għidut dwar it-tim Juventin mhu jaqta’ xejn hekk kif is-suq tat-trasferimenti riesaq bil-mod il-mod lejn tmiemu. Fadal bejn wieħed u ieħor tliet ġimgħat u nofs, u jekk s’issa n-negozjati mxew b’pass kajman, issa t-timijiet iridu jibdew jiffinalizzaw l-akkwisti tagħhom. Juventus huma attivi ferm kemm mil-lat ta’ bejgħ ta’ plejers, kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam max-xiri ta’ plejers ġodda.

Il-plejers li probabbli jitilqu lil Juventus huma Rugani u Arthur. It-tnejn li huma għandhom paga għolja u Juventus lesti jneħħuhom peress li huma meqjusa biss bħala riservi ma’ Juventus. Arthur jinsab qrib ħafna li jingħaqad ma’ Valencia b’self. Rugani, mill-banda l-oħra, x’aktarx ikun mibjugħ. Galatasaray qed joffru 10 miljuni għalih, somma li Juventus lesti jaċċettaw. Rugani jinsab anki fil-mira ta’ klabbs Taljani bħal Empoli u Sampodoria, biss dawn mhumiex joffru daqs Galatasaray.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-akkwist, Juventus nafu li qed ifittxu playmaker, plejer max-xellug u attakkant. Nafu li hemm ftehim kemm ma’ Kostic kif ukoll ma’ Paredes, bil-plejers diġà aċċettaw l-offerta mressqa lilhom minn Juventus. Jonqos issa li Juventus jilħqu ftehim mal-klabb rispettiv tagħhom. Dwar l-attakkant hemm ħafna iktar inċertezza. Issemmew diversi plejers, b’Morata dejjem ikun indikat bħala l-favorit nett, għalkemm fil-verità Atletico ma tantx jidhru disposti jitilquh minn idejhom. Attakkanti oħra li qed jissemmew bħalissa huma: Muriel u Raspadori. Fl-aħħar tajjeb ngħidu li jekk verament jitlaq Rugani, hu probabbli li Juventus jixtru difensur ieħor, b’Milinkovic ta’ Fiorentina jkun il-kandidat prinċipali.

Matthew Scerri

Arthur lejn self ma’ Valencia

Hu probabbli ferm li Arthur iħalli lil Juventus biex jingħaqad b’self mat-tim ta’ Valencia. Gattuso jridu b’saħħa fit-tim tiegħu u qed jagħmel pressjoni mad-diriġenza tal-klabb Spanjol sabiex jiksbu lil Arthur. Il-Brażiljan, min-naħa tiegħu, mhux jopponi dat-trasferiment u l-klabbs qegħdin jitkellmu bejniethom biex isibu ftehim. Hemm qbil li Arthur jingħaqad ma’ Valencia b’self. Jidher li jonqos l-iktar dettall importanti li dwaru l-klabbs għadhom iridu jsibu qbil: kif se jaqsmu bejniethom il-ħlas tal-paga ta’ Arthur. Valencia qed jagħmluha ċara li ma jifilħux iħallsu l-paga li Arthur għandu ma’ Juventus u allura l-Bianconeri se jkollhom joħorġu d-differenza huma.

Matthew Scerri

Juventus iridu jbigħu qabel jixtru aktar plejers f’nofs il-grawnd

F’nofs il-grawnd Juventus mistennija jagħmlu minn tal-inqas akkwist ieħor. Qed jissemma b’saħħa Paredes fil-pożizzjoni ta’ playmaker. Qabel isir dan l-akkwist, Juventus iridu però qabelxejn ibigħu peress li bħalissa fit-tim Juventin hemm wisq plejers li jilagħbu f’nofs il-grawnd. L-uniċi ċerti li se jżommu posthom ma’ Juventus huma Pogba u Locatelli. McKennie, Zakaria u Rabiot, probabbli jibqgħu, għalkemm jekk tasal offerta tajba, Juventus lesti jbigħuhom. Ramsey u Arthur, mill-banda l-oħra, mhumiex parti mill-pjanijiet ta’ Juventus. Ramsey jinsab f’negozjati ma’ Juventus biex jittermina l-kuntratt tiegħu, filwaqt li hemm it-tama li Arthur jkun misluf (Arsenal). Imbagħad hemm it-tlieta żgħar – Rovella, Fagioli u Miretti – li s’issa mhux magħruf x’se jsir minnhom. Kollox jindika li wieħed mit-tlieta biss se jibqa’ ma’ Juventus, għalkemm il-preseason jaf jibdel il-pjanijiet ta’ Juventus. La darba Juventus ikunu neħħew plejer jew plejers fit-tim tagħhom, ikunu jistgħu jgħaddu għal aktar akkwisti.

Matthew Scerri

Zaniolo msemmi b’saħħa ma’ Juventus

Kulma jmur Nicolò Zaniolo qed jissemma dejjem iktar b’saħħa ma’ Juventus. Minn dak li qed jiġi rrapurtat, jidher li r-rieda ta’ Zaniolo hi li jitlaq lil Roma biex jingħaqad ma’ Roma. It-taħdidiet ma’ Roma għall-kuntratt il-ġdid tiegħu huma weqfin bil-partijiet mhux jirnexxilhom jiddjalogaw. Zaniolo jrid jitlaq. Roma jridu jżommuh biss fehmu li l-plejer għandu intenzjonijiet oħra u, bħal dejjem, klabb diffiċli jżomm plejer kontra r-rieda tiegħu. Bil-mod il-mod Juventus għaddejjin bil-ħidma tagħhom biex jiksbu s-servizzi ta’ Zaniolo. S’issa ma jirriżultax li kien hemm offerti uffiċjali min-naħa ta’ Juventus, għalkemm nafu fiċ-ċert li l-klabbs iltaqgħu u tkellmu b’mod informali dwar Zaniolo. L-għidut hu li Juventus lesti joffru tpartit ma’ Arthur jew inkellha jiksbu lil Zaniolo b’self bl-obbligu li jixtruh għal kollox is-sena d-dieħla.

Matthew Scerri

Imsemmi tibdil fin-nofs il-grawnd ta’ Juventus

F’nofs il-grawnd ta’ Juventus x’aktarx se jkun hemm xi bidliet fil-jiem li ġejjin. Hu fatt magħruf li l-aġent ta’ Arthur ilu miftiehem ma’ Arsenal. Fil-jiem li għaddew kellna l-aħbar li Aston Villa qed juru interess qawwi fl-akkwist ta’ Bentancur. Imbagħad hemm Ramsey li fi kliem Allegri stess se jkun qed jitlaq lil Juventus (anki jekk s’issa l-ftehim bejn il-partijiet biex jiġi tterminat il-kuntratt tal-plejer minn Wales għadu ma nstabx!). Intant fl-aħħar sigħat kellna l-aħbar li Juventus qed jaħdmu biex jiksbu b’self lil Nandez mingħand Cagliari. Fl-istess ħin, kien hemm anki aħbar li l-Bianconeri għamlu kuntatt ma’ Milan għal Kessie li għandu kuntratt li jiskadi f’Ġunju 2022. Kien hemm verità f’dan l-għidut kollu ma nafux. Biss wara dak kolli li nqala’ ma’ Vlahovic, żgur li kollox jista’ jiġri!

Matthew Scerri