Posts

Bernardeschi hu plejer ta’ Toronto FC

Federico Bernardeschi ffirma ma’ Toronto FC u se jkun qed ikompli l-karriera tiegħu fl-MLS. Hu se jkun qed jilgħab fl-istess tim ma’ Criscito u Insigne, li għadhom kemm ingħaqdu ma’ Toronto FC. Allegatament Bernardeschi se jkun qed jaqla’ ma’ Toronto 5 miljuni fis-sena, li hi paga għola minn dik li kien jaqla’ ma’ Juventus.

Matthew Scerri

Anki Bernardeschi se jitlaq b’xejn?

Wara Paulo Dybala, jidher li hemm ċans kbir li Juventus jitilfu plejer ieħor li l-kuntratt tiegħu se jintemm tliet xhur oħra. Federico Bernardeschi, għall-kuntrarju ta’ Dybala, x’aktarx se jitlaq b’għażla tiegħu iktar milli tal-klabb peress li mhix togħġbu l-offerta mressqa lilu. Juventus qed joffrulu kuntratt b’paga ta’ 2.5 miljun, bil-possibbilità li jitilgħu sa massimu ta’ 3 miljuni fis-sena. Attwalment Bernardeschi għandu paga ta’ 4 miljuni fis-sena. L-aġent tiegħu dejjem għamilha ċara li Bernardeschi ma jridx jinżel mill-paga tiegħu u allura f’dan l-istadju l-aktar soluzzjoni probabbli hi li Bernardeschi jagħżel li jisma’ l-offerti tal-klabbs l-oħra u jaċċetta l-proposta li tkun taqbillu l-iktar. Nifhmu li klabbs oħra lesti joffrlu iktar milli qed joffrulu Juventus. Bernardeschi, xi ftit jew wisq bħal Dybala, fl-aħħar xhur intilef ma’ Juventus minħabba l-ħafna injuries u Juventus huma xettiċi ħafna dwaru. Il-wirjiet ta’ Bernardeschi fl-aħħar snin ma jiġġustifikawx paga għola minn dik li Juventus qed joffrulu u ċertament id-diriġenza Bianconera tista’ ssib plejer ta’ livell aħjar b’dik il-paga. Anki f’dal-każ, bħal Dybala, l-kwistjoni kollha tibqa’ li missna qatt ma wasalna f’punt li nitilfu plejer b’xejn. Nisperaw li mil-lum ‘il quddiem Juventus ikollhom il-policy li jbigħu plejers ladarba n-negozjati magħhom għall-kuntratt ġdid ma jagħtux frott.

Matthew Scerri

M’għandniex bżonn paroli fil-vojt!

It-tmiem tal-era Pirlo ġabet magħha ħafna kummenti minn protagonisti Juventini tal-aħħar sena. Ħafna mill-kummenti kienu frankament bla sugu u, apparti Pirlo, ħadd minn dawk li tkellmu ma qata’ figura tajba. Pirlo kien ġentlom sal-aħħar u kellu kliem ta’ ringrazzjament sinċier fil-konfront ta’ Juventus. L-istess ma nistgħux ngħidu għl kliem Bernardeschi, Baronio u Tudor. L-ewwel li tkellem kien Bernardeschili wara l-gowl kontra San Marino qal li mal-Italja għalih hu iktar faċli li jilgħab għax jingħata l-libertà. Issa ngħiduha kif inhi: Bernardeschi kellu tliet kowċis differenti ma’ Juventus u taħt l-ebda wieħed ma bbrilla. Tgħoddhom fuq idejk il-wirjiet vera tajba li kellu. Ħafna drabi kellu wirjiet tal-mistħija u rajnieh jitlef blalen bl-aktar mod stupidu, biex ma nsemmux id-drabi meta tfixkel f’saqajh jew waqa’ fil-ballun. Minn Bernardeschi ma rajna kważi xejn u m’għandux għalfejn jipponta subgħajh lejn Pirlo!

Baronio u Tudor, mill-banda l-oħra kienu kemxejn polemiċi fi kliemhom. Baronio tella’ ritratt qed jifraħ wara gowl ta’ plejer Juventin u kiteb li kien ‘ferħ ġenwin’. Issa , jista’ jkun li feraħ ġenwinament, imma ma naħsibx li kien ħaqqu li jibqa’ ma’ Juventus sempliċiment għal feraħ bil-qalb wara gowl. X’għamel realment Baronio dis-sena? Kemm għen lil Pirlo? Kemm verament kien jagħmel sens li Pirlo jkollu miegħu wieħed bħal Baronio li għadu qed jibda l-karriera, minflok xi ħadd b’iktar esperjenza? U fuq kollox għala dar-ritratt tellgħu issa u mhux meta ġie skurjat dak il-gowl?

Tudor, imbagħad, qal ma jħossx li hu sew li Juventus keċċewhom. Żied li ddeċieda li ma jkun qatt iktar viċi ta’ ebda kowċ ieħor u esprima d-diżappunt tiegħu li Pirlo daħħal lil Baronio fl-istaff tekniku u qiegħdu fuq l-istess livell tiegħu (ta’ Tudor). Anki hawn forsi tajjeb li xi ħadd ifakkar lil Tudor li Juventus huma klabb serju u li jixirqilhom ħafna aħjar minn dak li rajna fl-aħħar staġun. Tim bħal Juventus għandu jimmira li jiġġieled sal-aħħar għar-rebħ ta’ unuri importanti. Il-grawnd urina realtà kompletament differenti. Pirlo u l-istaff tiegħu tneħħew għax fallew il-miri tagħhom (li niġu r-raba’ b’dat-tim, f’ġieħ kemm hemm, mhuwiex riżultat ta’ min jiftaħar bih!). Dwar il-kwistjonijiet interni bejnu u Baronio, naħseb li Tudor kien jagħmel aħjar li kienu żamm ħalqu magħluq. Lilna s-supporters ma jinteressana xejn minn dal-kwisjtoni. Il-lanzit mhu tajjeb għal ħadd u Pirlo ħaqqu li jkollu miegħu professjonijisti serji li jgħinuh. Żgur li Pirlo ma ħaqqux assistenti li jġibu ruħhom b’mod immatur. Aħna s-supporters ħaqqna aħjar minn Baronio, Tudor u Bernardeschi!

Matthew Scerri

Bernardeschi pożittiv għall-Covid-19

Federico Bernardeschi hu pożittiv għall-Covid-19. Dan ħabbruh Juventus ftit tal-minuti ilu. Hu m’għandux sintomi. Kif jitlob il-protokoll, Bernardeschi beda jagħmel il-kwarantina u se jkun segwit mill-istaff mediku.

Matthew Scerri

Multa ta’ 2000 Ewro għal Bernardeschi

Federico Bernardeschi se jkollu jħallas multa ta’ 2000 Ewro minħabba li lejn l-aħħar minuti tad-Derby waqa’ waħdu fil-kaxxa u pprova jinganna lir-referee. Fil-grawnd hu qala’ karta safra u issa l-Imħallef tal-Isports stabilixxa li għandha titħallas dil-multa wkoll.

Matthew Scerri

Erba’ plejers Juventini mgħajta mat-tim nazzjonali Taljan

Bonucci, Chiellini, Bernardeschi u Chiesa huma l-erba’ plejers Juventini mgħajta minn Roberto Mancini mat-tim nazzjonali Taljan għall-partiti kontra l-Irlanda ta’ Fuq (25 ta’ Marzu), il-Bulgarija (28 ta’ Marzu) u l-Litwanja (31 ta’ Marzu).

Il-plejers kollha mgħajta huma:

Il-prezz li Juventus qed jitolbu għal Bernardeschi

L-għidut hu li Juventus qed jippruvaw isibu klabb xerrej għal Federico Bernardeschi. Skont Il Corriere della Sera Juventus qed jitolbu somma ta’ 20 miljun Ewro għalih. Wieħed irid jara kemm verament se jkun hemm klabbs interessati fih.

Matthew Scerri 

Milan tefgħu mill-ġdid għajnejhom fuq Bernardeschi

Federico Bernardeschi jista’ jkun l-ewwel akkwist ta’ Milan fl-2021. Skont La Stampa Maldini qed jaħdem biex jissodisfa t-talba ta’ Pioli sabiex ikun imsaħħaħ it-tim. F’das-sens jidher li kien hemm diġà kuntatti ma’ Raiola. Milan iriduh b’self, filwaqt li Juventus qed jitolbu somma ta’ 25 miljun Ewro. Issa wieħed irid jara kif se tevolvi dis-sitwazzjoni bit-taħdidiet bejn il-klabbs għadhom iridu jibdew formalment.

Matthew Scerri

Il-bejgħ ta’ Bernardeschi jaf ikun essenzjali għal akkwist importanti min-naħa ta’ Juventus

Diversi gazzetti u siti qed jaqblu li f’Jannar hu probabbli li Juventus ibigħu lil Bernardeschi. Fil-pjanijiet tal-Bianconeri hemm li jinstab tim lest jinvesti somma tajba fl-akkwist tal-winger Taljan. Juventus, imbagħad, jużaw il-flus li jdaħħlu mill-bejgħ ta’ Bernardeschi biex jixtru midfielder ta’ livell għoli li jista’ jgħolli l-kwalità ta’ nofs il-grawnd tat-tim ta’ Pirlo.

Matthew Scerri

Arthur hu l-Aqwa Plejer ta’ Juventus-Cagliari

Arthur ġie magħżul mill-qarrejja tal-website tagħna bħala l-Aqwa Plejer tal-partita bejn Juventus u Cagliari. Fil-votazzjoni li saret online hu kiseb 41% tal-voti, segwit minn Ronaldo b’38% tal-voti, filwaqt li fit-tielet post insibu lil Bernardeschi b’13% tal-voti. Grazzi lil kulmin ħa sehem.

Matthew Scerri