Posts

Juventus qrib li jixtru lil Zakaria

Wara Vlahovic, Juventus jinsabu pass ‘il bogħod milli jiksbu anki lil Denis Zakaria mingħand Borussia Monchengladbach. Juventus għandhom ftehim mal-aġenti tal-plejer u aktar kmieni llum ressqu offerta lill-klabb Ġermaniż. Juventus qed joffru lil Borussia s-somma ta’ 5 miljuni flimkien ma’ 2 miljuni oħra f’bonuses.
Matthew Scerri

Diversi klabbs interessati li jiksbu lil Kulusevski

Dejan Kulusevski jidher li wasal fi tmiem l-esperjenza tiegħu ma’ Juventus. Fl-aħħar jumejn kien hemm ħafna għidut li Kulusevski se jitlaq lil Juventus. Fuqu hemm interess minn diversi klabbs tal-Premier League: Everton, Arsenal u Tottenham. Jirriżulta li Milan għamlu kuntatt ma’ Juventus għal Kulusevski bil-medjazzjoni tal-aġent Lucci. Il-proposta ta’ Juventus kienet ta’ self għal sena u nofs, b’Milan ikollhom l-obbligu li jixtruh għal kollox sena u nofs oħra għal 35 miljun Ewro. Dil-proposta ma għoġbitx lil Milan li ma jridux l-obbligu li jixtruh għal kollox.

Matthew Scerri

Uffiċjali: Juventus xtraw lil Vlahovic

Juventus ħabbru li xtraw mingħand Fiorentina lil Dusan Vlahovic. Il-prezz li Juventus se jħallsu għalih hu ta’ 70 miljun Ewro, liema somma se titħallas fi tliet rati. Juventus se jħallsu anki 11.6 miljun Ewro f’solidarity payments kif mitlub mir-regolamenti tal-FIFA peress li Vlahovic għandu inqas minn 23 sena. Barra minn hekk Juventus qablu li jħallsu 10 miljun Ewro oħra f’bonuses jekk jintlaħqu ċerti miri sportivi. Vlahovic iffirma kuntratt ma’ Juventus sal-2026 u se jkun qed jilbes il-flokk numru 7.

Matthew Scerri

Kaio Jorge lejn self ma’ tim tas-Serie A

Hu probabbli ferm li Kaio Jorge jħalli lil Juventus fis-sigħat li ġejjin. Diversi klabbs tas-Serie A kkuntattjaw lil Juventus u talbuhom b’self lill-attakkant Brażiljan. F’dan l-istadju t-tim li qed ikun indikat bħala l-favorit li jikseb is-servizzi ta’ Kaio Jorge huma Salernitana. Juventus lesti jisilfuh lil tim fejn Kaio Jorge jkun jista’ jilgħab b’mod regolari u jekk jikseb l-esperjenza meħtieġa qabel jirritorna Turin.

Matthew Scerri

Illum mistennija jsiru t-testijiet mediċi ta’ Vlahovic

Tard ilbieraħ Juventus iffinalizzaw il-ftehim ma’ Dusan Vlahovic biex b’hekk nistgħu ngħidu li sar plejer ta’ Juventus. Jonqos biss l-aħħar formalità qabel ikun jista’ jiffirma l-kuntratt, jiġifieri jrid jagħmel it-testijiet mediċi. Dawn huma mistennija li jsiru llum. Skont il-gazzetti t-testijiet se jsiru direttament f’Turin, għalkemm ma neskludux li jistgħu jsiru band’oħra peress li fil-jiem li għaddew kien hemm għidut li l-attakkant Serb kellu l-Covid u s’issa għad ma kellniex konferma li fieq.

Matthew Scerri

Juventus f’kuntatti ma’ Cagliari għal Nandez

Fl-aħħar jumejn-tlieta d-diriġenza Bianconera kienet attiva ferm f’dak li għandu x’jaqsam mas-suq tat-trasferimenti. Apparti l-akkwist ta’ Vlahovic, kollox jindika li Juventus qed jippruvaw jiksbu b’self lil Nahitan Nandez ta’ Cagliari. Hu mistenni jieħu post wieħed mill-midfielders li se jitilqu lil Juventus: Ramsey, Bentancur u/jew Arthur. Il-kuntatti ma’ Cagliari u l-aġent tal-plejer kienu kontinwi fl-aħħar jumejn. Cagliari qed jitolbu 2 miljuni għas-self ta’ sitt xhur u qed jitolbu li Juventus ikunu obbligati jixtruh għal kollox fis-sajf għal 15-il miljun Ewro dejjem jekk it-tim Juventini jilħaq ċerta miri f’dan l-istaġun. Fil-ftehim jista’ jkun li Cagliari jiksbu b’self lil Ake u lil Kaio Jorge. Għandna nifhmu li Juventus se jieħdu lil Nandez biss jekk jeħilsu minn midfielder li attwalment għandhom fit-tim. Il-kuntatti bejn il-klabbs se jibqgħu għaddejjin. Is-sessjoni tas-suq tat-trasferimenti tax-xitwa tagħlaq nhar it-Tnejn 31 ta’ Jannar. Għaldaqstant Juventus u Cagliari għandhom biżżejjed ħin biex jiffinalizzaw il-ftehim għal Nandez.

Matthew Scerri

Imsemmi tibdil fin-nofs il-grawnd ta’ Juventus

F’nofs il-grawnd ta’ Juventus x’aktarx se jkun hemm xi bidliet fil-jiem li ġejjin. Hu fatt magħruf li l-aġent ta’ Arthur ilu miftiehem ma’ Arsenal. Fil-jiem li għaddew kellna l-aħbar li Aston Villa qed juru interess qawwi fl-akkwist ta’ Bentancur. Imbagħad hemm Ramsey li fi kliem Allegri stess se jkun qed jitlaq lil Juventus (anki jekk s’issa l-ftehim bejn il-partijiet biex jiġi tterminat il-kuntratt tal-plejer minn Wales għadu ma nstabx!). Intant fl-aħħar sigħat kellna l-aħbar li Juventus qed jaħdmu biex jiksbu b’self lil Nandez mingħand Cagliari. Fl-istess ħin, kien hemm anki aħbar li l-Bianconeri għamlu kuntatt ma’ Milan għal Kessie li għandu kuntratt li jiskadi f’Ġunju 2022. Kien hemm verità f’dan l-għidut kollu ma nafux. Biss wara dak kolli li nqala’ ma’ Vlahovic, żgur li kollox jista’ jiġri!

Matthew Scerri

X’se jkun il-futur ta’ Morata?

Fil-bidu ta’ Jannar Allegri kien stqarr li Alvaro Morata ġie mgħarraf li se jkollu jibqa’ ma’ Juventus sa tmiem l-istaġun. Nafu li Morata ried imur ma’ Barcellona, biss imbagħad aċċetta li jibqa’ bil-qalb mal-Bianconeri. Issa li Juventus jinsabu tassew qrib li jiffirmaw lil Vlahovic, id-domanda hi: Morata se jibqa’ jew le? L-għidut hu li Barcellona għadhom iriduh u jista’ jkun li Juventus iħalluh jitlaq sabiex jiffrankaw il-paga tiegħu. Anki jekk jibqa’ sa tmiem l-istaġun, f’dan l-istadju hu kważi żgur li fis-sajf Juventus mhux se jixtruh għal kollox u se jibagħtuh lura ma’ Atletico Madrid. F’dax-xenarju kollu, bħas-soltu, ir-rieda tal-plejer se tkun determinanti. Sa fejn nafu aħna Morata hu favur trasferiment ma’ Barcellona u allura mhux ta min jeskludi li l-Ispanjol imur lura f’pajjiżu taħt it-tmexxija ta’ Xavi.

Matthew Scerri

Interess konkret min-naħa ta’ Juventus f’Nandez

Dusan Vlahovic jista’ ma jkunx l-uniku akkwist ta’ Juventus f’dis-sessjoni ta’ Jannar tas-suq tat-trasferimenti. Fil-fatt qed jissemma b’saħħa ma’ Juventus anki Nahitan Nandez ta’ Cagliari. Il-midfielder Urugwajan x’aktarx se jkun qed jieħu post Arthur jekk Juventus jisilfu jew ibigħu lil Arthur lit-tim ta’ Arsenal. Qed jingħaqad li Nandez jista’ jingħaqad b’self ma’ Juventus bil-Bianconeri jkollhom id-dritt li jixtruh għal kollox fis-sajf. Cagliari min-naħa tagħhom x’aktarx jiksbu lil Kaio Jorge b’self għall-kumplament tal-istaġun.

Matthew Scerri

Vlahovic jinsab pass ‘il bogħod milli jsir plejer ta’ Juventus

Kollox jindika li Dusan Vlahovic se jkun qed jingħaqad ma’ Juventus fis-sigħat li ġejjin. L-uffiċċjali ta’ Juventus ilhom f’kuntatti kontinwi ma’ Fiorentina għal dawn l-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa. Fiorentina qed jitolbu 75 miljun Ewro cash, biss il-ftehim li wasal biex jintlaħaq x’aktarx hu ta’ 60 miljun flimkien ma’ 7 miljuni oħra f’bonuses. Intant f’Firenze s-supporters ta’ Fiorentina xebgħu jwaħħlu streamers ta’ tgħajjir fil-konfront ta’ Vlahovic. Il-Questura ta’ Firenze kellha tibgħat pulizija jgħasses ir-residenza privata ta’ Vlahovic minħabba li hemm il-biża’ li s-sitwazzjoni tiddeġenera u xi ħadd jħebb għall-attakkant Serb.

Matthew Scerri