Posts

Id-dettalji tal-ftehim bejn Juventus u Atalanta għal Demiral

Juventus ħabbru b’mod uffiċjali d-dettalji tal-ftehim li permezz tiegħu Atalanta xtraw lil Merih Demiral għal kollox. Kif maqbul bejn il-klabbs sena ilu, Atalanta kisbu lil Demiral għas-somma ta’ 20 miljun Ewro, liema somma se titħallas f’erba’ rati. Ma’ dis-somma jistgħu eventwalment jiżdiedu performance bonuses sa massimu ta’ 2.5 miljun Ewro Barra minn hekk Juventus se jkollhom id-dritt li jdaħħlu 10% tas-somma komplessiva tal-bejgħ ta’ Demiral minn Atalanta lil xi klabb ieħor.

Matthew Scerri

Juventus għadhom ma ressqu ebda offerta għal Kostic

Qed ikun hemm diversi rapporti li Juventus għandhom ftehim biex jiksbu lill-midfielder mal-linja xellugija ta’ Eintracht Frankfurt, Kostic. Hu qed ikun indikat bħala s-sostitut ta’ Bernardeschi fit-tim ta’ Allegri. Minkejja l-ħafna għidut li kien hemm fl-aħħar jiem, s’issa jirriżulta li Juventus għadhom ma ressqu ebda offerta għal Kostic. Fuqu hemm interess qawwi minn Inter, li ilhom ħafna f’negozjati mal-aġent tiegħu, u Roma.

Matthew Scerri

De Ligt mistenni jiffirma kuntratt ġdid ma’ Juventus

Matthijs De Ligt wisq probabbli se jkun qed jiffirma kuntratt ġdid ma’ Juventus das-sajf. L-aġenti tal-Olandiż jinsabu f’taħdidiet ma’ Juventus. Qed ikun irrapurtat li l-partijiet għandhom ftehim bejniethom dwar il-kuntratt il-ġdid. L-uniku punt li għad irid jinstab qbil dwaru hu marbut mal-klawżola fil-kuntratt li permezz tagħha De Ligt ikun jista’ jinħall mill-kuntratt ma’ Juventus. Fil-kuntratt attwali dil-klawżola teżisti u hemm marbut magħhom il-ħlas ta’ penali li tammonta għal 125 miljun Ewro. De Ligt qed jitlob li dil-klawżola tibqa’ imma jonqos il-valur tagħha. Qed jissemma li l-aġenti tiegħu talbu li l-penali tinżel għal 80 miljun. Juventus għalissa qed jaħsbuha. Kollox jindika imma l-ftehim mhux se jdum ma’ jinstab mal-aġenti ta’ De Ligt.

Matthew Scerri

L-aħbarijiet mis-suq tat-trasferimenti (24 ta’ Mejju)

Is-suq tat-trasferiment qed ikompli jiddomina l-gazzetti, il-website u l-programmi tat-televixin. Dan li ġej hu dak li laqatna matul il-ġurnata tal-lum.

Morata – L-Ispanjol dejjem stqarr li jqis lil Juventus il-familja tiegħu. Nafu li Juventus lesti jżommuh imma mhux se jonfqu l-35 miljun li kienu parti mill-ftehim ma’ Atletico Madrid sentejn ilu. Nafu wkoll li l-istrateġija ta’ Juventus hi li jkomplu jinnegozjaw ma’ Atletico bit-tama li jinżlu mill-prezz għal Morata. Jidher, però, li l-aġent ta’ Morata għadu jitkellem ma’ Barcellona, klabb li f’Jannar kien qrib ħafna li jikseb il-firma ta’ Morata. L-attakkant Spanjol lest imur jilgħab ma’ Barcellona u Atletico Madrid jistgħu jikkuntentawh anki minħabba l-fatt li l-klabbs Spanjoli għad iridu jissetiljaw kollox bejniethom għal Griezmann.

Koulibaly – Fl-aħħar jiem issemma b’ċerta insistenza Koulibaly ma’ Juventus. Kien hemm rapporti, mhux konfermati, li l-aġent tiegħu tkellem ma’ Juventus wara li kellu kuntatti ma’ Barcellona fix-xhur li għaddew. Koulibaly irrifjuta l-offerta ta’ Napoli għall-kuntratt il-ġdid. Il-kuntratt attwali tiegħu jiskadi s-sena d-dieħla u l-għidut hu li Napoli lesti jbigħuh das-sajf għal somma ta’ bejn 30 u 35 miljun Ewro.

Rabiot – Adrien Rabiot spiċċa fil-mira ta’ Chelsea. Il-prezz li qed jitolbu Juventus għalih hu ta’ bejn 15 u 20 miljun Ewro. I-Bianconeri x’aktarx se jkunu lesti jħallu lil Rabiot jitlaq f’każ li taslilhom offerta tajba.

Miretti, Ranocchia u Fagioli – X’se jkun il-futbol ta’ Miretti, Ranocchia u Fagioli s’issa għadu mhux magħrud b’mod uffiċjali. Ix-xnigħat tal-lum huma li Miretti se jibqa’ ma’ Juventus, filwaqt li Ranocchia u Fagioli se jkunu misluf lil xi tim tas-Serie A. Għal Ranocchia qed jissemma interess min-naħa ta’ Udinese. Fagioli spiss issemma ma’ Lazio, biss Juventus x’aktarx jippreferu jisilfuh lil xi tim inqas ikkwotat. Se jkun interessanti naraw kif se jaħdmu l-klabbs wara l-bidliet fir-regolamenti dwar is-self ta’ plejers.

Full-backs – Kulħadd irid li Juventus isibu full-backs ġodda, l-aktar mal-linja x-xellugija fejn Alex Sandro ilu jiddeludi. Spiss issemmew il-full-backs ta’ Udinese, Molina u Udogie. Illum La Stampa qed tirraporta li Juventus jinsabu qrib li jiffinalizzaw l-akkwist ta’ Raoul Bellanova mingħand Cagliari.

Matthew Scerri

Atalanta mistennija jixtru lil Demiral

Merih Demiral wisq probabbli mhux se jkun qed jirritorna ma’ Juventus das-sajf. Wara l-aħħar partita ta’ Atalanta, Demiral kiteb fuq is-social media messaġġ li bih sellem lis-supporters tat-tim tiegħu. Ħafna ħasbu li dan kien ifisser li Atalanta ma kinux se jixtru lil Demiral għal kollox u kienu se jibagħtuh lura ma’ Juventus. Madankollu jidher li dan mhuwiex il-każ. Fil-fatt kollox jindika li Atalanta se jixtru għal kollox mingħand Juventus biex imbagħad ibigħuh mill-ewwel das-sajf stess lil xi tim ieħor.

Matthew Scerri

L-attenzjoni ddur fuq is-suq tat-trasferimenti. Mistennija bidliet radikali fi ħdan it-tim Juventin

Hekk kif il-kampjonat u l-istaġun waslu fi tmiemhom, l-attenzjoni se ddur għal kollox fuq is-suq tat-trasferimenti. Juventus jidhru li qed jaħdmu bla waqfien biex ikun hemm bidla radikali fi ħdan it-tim. Diversi plejers mistennija jitilqu lil Juventus u minflokhom se jinkisbu plejers oħra. It-tir hu li Allegri jkollu tim iktar kompetittiv b’taħlita ta’ plejers maturi u ta’ esperjenza, flimkien ma’ talenti żgħażagħ.

S’issa nafu li Chiellini għażel li ma jkomplix jilgħab għal Juventus. Dybala u Bernardeschi se jitilqu b’għażla ta’ Juventus li ma ġeddewlhomx il-kuntratti tagħhom. Apparti dawn l-aħbarijiet uffiċjali, smajna ħafna għidut li Juventus ma jridux iżommu iktar lil Kean, Arthur, Alex Sandro, Rugani u Ramsey. Mhux faċli, però, li ssib tim lest joħodhom minħabba l-pagi tagħhom u anki għall-fatt li ġejjin minn wirjiet ferm deludenti. Morata, mill-banda l-oħra, hu plejer li Allegri jixtieq iżomm imma Juventus ma jridux iħallsu l-35 miljun Ewro li skont il-ftehim ta’ sentejn ilu l-Bianconeri għandhom iħallsu biex jixtru lill-iSpanjol għal kollox. L-indikazzjonijiet huma li Juventus se joffru 15-il miljun Ewro lil Atletico Madrid għal Morata, biss l-Ispanjoli għalissa ma jidhrux disposti jinżlu inqas minn 25 miljun.

Mhux ċert il-futur ta’ Rabiot, Pellegrini u McKennie. It-tlieta li huma jistgħu jibqgħu ma’ Juventus anki s-sena d-dieħla, biss jekk tasal offerta tajba għalihom, Juventus x’aktarx ikunu lesti li jbigħuhom. Mhux magħruf anki x’se tkun l-istrateġija ta’ Juventus dwar Rovella, Miretti, Fagioli u Ranocchia. Diffiċli li jibqgħu kollha ma’ Juventus, imma mhux eskluż li xi ħadd minnhom jingħata l-opportunità li jkun parti mit-tim ta’ Allegri.

Niġu issa għall-akkwisti l-ġodda. Qed jissemmew b’saħħa tliet plejers li għandhom il-kuntratt li se jiskadi ftit tal-ġimgħat oħra mat-timijiet rispettivi: Di Maria, Pogba u Perisic. Skont il-gazzetti u l-websites tal-futbol, Di Maria u Pogba diġà aċċettaw l-offerta li saritilhom minn Juventus. S’issa, però, m’hemm ebda firma fuq xi kuntratt u allura mhux eskluż li jista’ jkun hemm xi u-turn mill-plejers inkwistjoni. Perisic ukoll jidher qrib li jingħaqad ma’ Juventus, għalkemm il-partijiet għadhom jiddiskutu d-dettalji tal-ftehim. Fid-difiża qed jissemma bdil bejn Acerbi u Rugani. Barra minn hekk Atalanta x’aktarx mhux se jixtru għal kollox lil Demiral u allura probabbli li Juventus se jkunu jistgħu jżommu flimkien ma’ Gatti li nxtara f’Jannar.

Matthew Scerri

Calciomercato mill-passat. L-akkwist ta’ Pietro Anastasi

Fix-xhur tas-sajf il-Calciomercato letteralment jiddomina x-xena sportiva. Nixtiequ nibdew serje ta’ artikli dwar xi akkwisti ċelebri li saru fil-passat. Se nibdew din is-serje b’Pietro Anastasi.

Kien l-1968 u l-kampjonat intemm kmieni ħafna minħabba l-Euro. It-timijiet tas-Serie A għaldaqstant bdew jorganizzaw diversi partiti ta’ ħbiberija. Fit-18 ta’ mejju f’San Siro, Inter lagħbu kontra Roma. In-Nerazzurri kellhom magħhom b’self mingħand Varese lil Pietro Anastasi.
Kollox kien jindika li Inter kellhom ftehim ma’ Varese biex jixtru lil Anastasi għas-sena ta’ wara. L-affarijiet però marru b’mod differenti minħabba rabtiet kummerċjali. Fil-fatt il-President ta’ Varese kien Borghu, sid il-kumpanija Ignis. Dik il-ħabta l-Ignis kellhom bżonn ammont kbir ta’ kumpressuri peress li l-affarijiet kienu sejrin tajjeb ferm għalihom u kellhom żidiet kbar fil-bejgħ. Il-President ta’ Juventus, Vittore Catella kien jaf dan u offrilu l-kumpressuri tal-FIAT bi prezz favorevoli. Għal dan il-pjaċir, Juventus kisbu lil Anastasi minkejja li Varese kellhom ftehim ma’ Inter.

Matthew Scerri

Sassuolo lesti jitkellmu ma’ Juventus dwar Raspadori

L-għidut hu li Juventus għandhom fil-pjanijiet tagħhom li jixtru lil Raspadori mingħand Sassuolo sabiex jieħu post Dybala. Dwar dan kollu tkellem iċ-CEO ta’ Sassuolo, Giovanni Carnevali. Dan hu dak li qal:

“Ma’ Juventus diġà kellna t-trasferiment ta’ Locatelli. Jekk ikun hemm l-opportunità ta’ aktar trasferimenti, inkunu kuntenti. F’Jannar klabb Ingliż talabulna spiss, iżda għalina hu plejer fondamentali.”

Matthew Scerri

Juventus qed jagħżlu li ma jġeddux il-kuntratt ta’ Dybala?

Juventus u Paulo Dybala jidhru dejjem imbegħdin minn xulxin. Dil-ġimgħa Juventus kellhom ikollhom laqgħa mal-aġent Jorge Antun, biss id-diriġenza Bianconera allegatament ħassret il-laqgħa u mexxietha għal wara l-partita kontra Villareal. F’dan l-istadju kollox qisu qed jindika li Juventus ma jridux iġeddu l-kuntratt ta’ Dybala. Nafu li ftit qabel il-Milied Dybala kien lest jaċċetta l-proposta ta’ Juventus. Imbagħad, però, Juventus bidlu fehemthom u baxxew l-offerta tagħhom. Ovvjament Dybala ħa għalih. Issa dak li nqala’ dil-ġimgħa qed jidher bħala konferma oħra ta’ kemm Juventus huma xettiċi li jġeddu l-kuntratt ta’ Dybala. L-Arġentin qed ikollu wisq injuries u Juventus qed ikollhom jgħaddu mingħajru parti kbira mill-istaġun. Barra minn hekk qed jissemma li l-Bianconeri f’dan l-istadju qed jippreferu jixtru lil Raspadori minflok iġeddu l-kuntratt ta’ Dybala. Dwar il-kontribut ta’ Dybala lit-tim ma tantx hemm wisq x’tgħid għax l-affarijiet qegħdin quddiem għajnejn kulħadd. Il-kwistjoni kollha tibqa’, però, kemm hi għaqlija l-għażla ta’ Juventus li jitilfu b’xejn lil Dybala tliet xhur oħra.
Matthew Scerri

Chelsea f’diffikultà enormi. Emerson u Jorginho msemmija ma’ Juventus

Chelsea għaddejjin minn mument tassew diffiċli hemm kif l-awtoritajiet tar-Renju Unit qed jieħdu passi drastiċi fil-konfront ta’ Roman Abramovic u ta’ ħafna biljunarji Russi li jgħixu fl-Ingilterra. L-assi ta’ Abramovic jinsabu ffriżati u ovvjament hemm riperkussjonijiet kbar anki fuq Chelsea hekk kif sar magħruf li l-bank Barclays bblokkja saħansitra l-kont ta’ Chelsea. Kellu rapporti li minħabba l-miżuri l-klabb ta’ Chelsea bħalissa lanqas jista’ jinbigħ u saħansitra l-klabb lanqas biss ibigħ il-biljetti tal-partiti. Is-sitwazzjoni, għaldaqstant, tant hi mwiegħra li hemm periklu kbir li Chelsea qed jirriskjaw il-falliment. Bħalissa għaddejjin spekulazzjonijiet kbar li l-plejers ta’ Chelsea se jkunu mingħajr kuntratt minn hawn u ftit tax-xhur oħra minħabba l-qagħda tal-klabb. Juventus huma interessati f’Emerson Palmieri u Jorginho. Plejers oħra ta’ Chelsea għandhom pagi fenomentali li Juventus ma jaffordjawx. Nafu, però, li ż-żewġ plejers Taljani ilhom snin fil-mira ta’ Juventus u jistgħu jingħaqdu ma’ Juventus biex jieħdu post Arthur u Alex Sandro.

Matthew Scerri