Posts

Il-kundizzjonijiet ta’ Juventus biex ibigħu lil McKennie

Weston McKennie jista’ jitlaq lil Juventus. Ilna nisimgħu u naqraw li McKennie jaf ikun mibjugħ minħabba li Juventus jeħtieġu jagħmlu plusvalenze sat-30 ta’ Ġunju meta tagħlaq is-sena finanzjarja. McKennie sewa lil Juventus 18.5 miljun Ewro flimkien ma’ 6.5 miljun Ewro oħra f’bonuses. Dan ifisser li biex Juventus ibigħuh trid taslilhom offerta minn tal-inqas ta’ 30 miljun Ewro. Barra minn hekk din l-offerta trid tasal sal-aħħar ta’ Ġunju. Wara Lulju, jekk ħadd ma jkun ressaq offerta għalih, hu probabbli li Juventus jagħżlu li jżommu lil McKennie magħhom għall-istaġun li jmiss dejjem jekk ikun iridu l-kowċ tas-sena d-dieħla. Fil-fatt f’Lulju tibda sena finanzjarja oħra u Juventus ikollhom sena żmien biex isaħħu l-qagħda finanzjarja tagħhom.

Matthew Scerri

Juventus kisbu lil Huijsen

Juventus kisbu lid-difensur ta’ Malaga, Dean Huijsen. Hu għad għandu sittax-il sena. Jilgħab bħala difensuri ċentrali u fiżikament hu b’saħħtu ħafna. Fuqu kien hemm Real Madrid u Sevilla, biss finalment kienu Juventus li kisbu l-firma tiegħu fuq il-kuntratt kif ikkonferma missieru stess ma’ Voetbalzone.nl.

Matthew Scerri

Min jista’ jieħu post Alex Sandro ma’ Juventus

Alex Sandro jista’ jkun li jitlaq lil Juventus das-sajf. Skont Tuttosport hemm tlett iplejers li jistgħu jiħdulu postu ma’ Juventus: Emerson Palmieri (Chelsea), Gosens (Atalanta) u José Gayà (Valencia). Fl-aħħar sigħat kellna anki rapporti li Gosens irrifjuta offerta mressqa minn Leicester minħabba li hu qed jagħtu l-ewwel preferenza tiegħu lil Juventus.

Matthew Scerri

L-ultras ta’ Milan f’konfront ma’ Donnarumma. Ma jriduhx jilgħab kontra Juventus

Sky qed jirrapurtaw li delegazzjoni ta’ partitarji ultras ta’ Milan marru Milanello u talbu li jkellmu lil Donnarumma. Il-gowler għall-ewwel irrifjuta anki minħabba kwisjtoni marbuta mas-sigurtà, biss eventwalment aċċetta li jisma’ dak li kellhom xi jgħidulu. Allegatament l-ultras ma kinux ħelwin fi kliemhom u saħansitra waslu jitolbu lil Donnarumma ma jilgħabx kontra Juventus jekk ikun għadu ma ġeddidx il-kuntratt.

Matthew Scerri

Chelsea u Barcellona b’saħħa fuq Rabiot

Chelsea u Barcellona huma l-aktar żewġ timijiet li qed juru interess f’Adrien Rabiot. Huma qed jikkunsidraw serjament li jressqu offerta għalih. Min-naħa tagħhom, Juventus jidhru li lesti jbigħu lil Rabiot u qed jitolbu minn tal-inqas 20 miljun Ewro.

Matthew Scerri

Trincao mill-ġdid imsemmi ma’ Juventus

Trincao qed jerġa’ jkun imsemmi ma’ Juventus. Ir-relazzjonijiet bejn Juventus u Barcellona huma tajbin ħafna u hu probabbli ferm li das-sajf il-klabbs se jkunu qed ipartu xi plejers bejniethom. Trincao hu wieħed minn dawk li jista’ jkun li jitlaq minn Spanja biex jingħaqad ma’ Juventus.

Matthew Scerri

Everton b’offerta għal Demiral

Merih Demiral mistenni jkollu diversi offerti das-sajf minn klabbs oħra. Il Corriere di Torino qed jirraporta li Everton bdew jikkunsidraw li jressqu offerta ta’ bejn 25-30 miljun Ewro għalih. Juventus, f’dan l-istadju, jidhru li ma jridux ibigħuh. Madankollu mhux eskluż li minħabba l-qagħda tal-finanzjarja tal-klabb, Juventus jaf ikunu kostretti jbigħu lil Demiral jekk taslilhom offerta tajba.

Matthew Scerri

Barcellona għadhom iridu lil De Ligt

Skont El Chiringuito, Barcellona se jagħmlu tentattiv ieħor das-sajf biex jiksbu lil Matthijs De Ligt. Juventus min-naħa tagħhom ma jridux jafu li jbigħu lil De Ligt u se jirrifjutaw kull offerta li se taslilhom għalih. Tajjeb infakkru li fil-kuntratt ta’ De Ligt hemm klawżola li biha jista’ jinħall mill-kuntratt bil-ħlas ta’ penali ta’ 125 miljun Ewro. Dil-klawżola, però, se tidħol fis-seħħ biss fl-2022.

Matthew Scerri

Atletico Madrid jipproponu l-bdil Morata-Dybala

Qed ikun irrapurtat li Atletico Madrid ipproponew lil Juventus bdil ta’ plejers bejn Morata u Dybala. Morata bħalissa jinsab misluf lil Juventus mingħand Atletico. Il-Bianconeri m’għandhomx 45 miljun biex jixtru lil Morata. L-Ispanjoli, min-naħa tagħhom għarrfu lil Juventus li lesti jagħtu lil Morata għal kollox lil Juventus bi tpartit ma’ Dybala. F’dan l-istadju jidher li hu tassew diffiċli li jsir dat-tpartit hekk kif m’hemmx dubju li Dybala għandu valur ferm ogħla minn dak ta’ Morata.

Matthew Scerri

Se jkun innegozjat mill-ġdid il-ftehim għas-self ta’ Morata

Diversi rapporti li qed jidhru fil-gazzetti Taljani qed isostnu li Juventus lesti jġeddu s-self ta’ Alvaro Morata biss biħsiebhom jinnegozjaw mill-ġdid il-ftehim ma’ Atletico Madrid. Fis-sajf li għadda l-klabbs laħqu ftehim li dis-sena Juventus jistgħu jixtru lil Morata għal kollox jew inkella jġeddu s-self billi jħallsu 10 miljuni oħra. F’dan l-istadju hu impossibbli li Juventus jixtru għal kollox lil Morata minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja u għaldaqstant se jġeddu s-self tiegħu. Is-somma ta’ 10 miljuni, wara li diġà kienu tħallsu 10 miljuni oħra sena ilu għas-self f’dan l-istaġun, hi meqjusa għolja. Juventus mistennija jkellmu lil Atletico Madrid u se joffrulu 5 miljuni minflok 10 miljuni għas-self fl-2021/22.

Matthew Scerri