Posts

Manchester United interessati ħafna f’Kulusevski

Qed ikun irrapurtat li Manchester United ilhom li tefgħu għajnejhom fuq Dejan Kulusevski u spiss kellhom kuntatti ma’ Juventus bit-tama li jippruvaw jiksbu s-servizzi tiegħu. S’issa jidher li Juventus ma jridux jafu li jħallu lil Kulusevski jitlaq. Madankollu, skont Calciomercato.com, wieħed irid jara x’se jiġri f’każ li Juventus imorru għal Pogba u r-Red Devils jitolbuhom fil-ftehim proprju lil Kulusevski.

Matthew Scerri

Bejn plusvalenze u bidliet fit-tmexxija tal-klabb. Xahrejn kruċjali għall-futur ta’ Juventus

Ftit tal-ġimgħat ilu, fl-istqarrija dwar l-approvazzjoni tal-accounts tagħhom mill-Bord tad-Diretturi konna qrajna li minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja attwali Juventus jaf kien se jkollhom ibigħu xi plejers. Kitbuha huma stess u ma kinitx xi analiżi tal-ġurnalisti. Is-sitwazzjoni kompliet marret għall-agħar hekk kif Juventus inqalgħu miċ-Champions League. Is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Juventus mhix gravissima daqskemm ħafna qed isostnu u m’hemm l-ebda riskju ta’ falliment peress li l-proprjetajiet li għandhom u l-valur tal-plejers jagħmel tajjeb għad-dejn li nħoloq. Però hu evidenti li f’dan l-istadju Juventus iridu bilfors ibigħu numru ta’ plejers u jagħmlu l-hekk imsejħa plusvalenze ħalli jżommu s-sitwazzjoni taħt kontroll f’perjodu ta’ inċertezza marbut ukoll mal-Covid-19. Diversi siti u gazzetti qed isemmu li sat-30 ta’ Ġunju (meta tintemm is-sena finanzjarja tal-klabbs Taljani) Juventus iridu jagħmlu bejn 80 u 100 miljun f’plusvalenze. L-ismijiet nafuhom: Rabiot, Ramsey, il-plejers iż-żgħar tipo Frabotta, kif ukoll il-ħafna plejers li hemm mislufin (Costa u De Sciglio fuq kulħadd). Ma’ dawn hemm anki Dybala li forsi hu l-uniku plejer li jista’ jinbigħ għal somma għolja. Xejn impossibbli. Il-problema hi u se tibqa’ marbuta mad-diriġenza. Hu open secret li xi ħaġa qed tinħema u hu probabbli ferm li Agnelli, Paratici u Nedved jitilqu lil Juventus das-sajf. Jekk il-bidla se ddum ma sseħħ, mhuwiex eskluż li dawn il-plusvalenze jaf jilħqu ma jsirux. Hu għaldaqstant importanti li s-sidien ta’ Juventus ma jdumux ma jieħdu d-deċiżjoni dwar min se jmexxi lill-klabb fl-istaġun li jmiss. Nasal ngħid li iktar mill-bidla ta’ Pirlo, illum hu fundamentali li jkun deċiż jekk Agnelli-Nedved-Paratici humiex se jibqgħu u jekk le, min se jidħol minflokhom. S’issa ħlejna staġun … nisperaw li dawn ix-xahrejn li fadal jintużaw biex jitpoġġew il-bażijiet għas-sena d-dieħla!

Matthew Scerri

Damsgaard segwit b’interess minn Juventus u Inter

Mikkel Damsgaard hu wieħed minn dawk il-plejers li qed ikun segwit minn Juventus u Inter. Hu kellu staġun tajjeb ma’ Sampdoria u jista’ jkun utli fil-proċess ta’ tiġdid li Juventus għandhom ippjanat. Il-prezz li Sampdoria qed jitolbu għalih hu ta’ bejn 20 u 25 miljun Ewro. F’dan l-istadju nifhmu li Juventus u Inter qed isegwuh u eventwalment se jiddeċiedu iktar ‘il quddiem għandhomx iressqu offerta għalih.

Matthew Scerri

Il-kuntratt ta’ Donnarumma jintemm tliet xhur oħra

Tliet xhur oħra jasal fi tmiemu l-kuntratt ta’ Gigio Donnarumma ma’ Milan. S’issa kollox jindika li t-taħdidiet tal-klabb mal-aġent Raiola ma wasslu imkien. Milan ressqu żewġ offerti: paga ta’ 7 miljuni l-ewwel u wara tellgħu l-offerta għal 8 miljuni fis-sena. Raiola qed ikompli jinsisti li jrid 10 miljuni fis-sena. F’dawn il-ġranet qed jissemma ħafna li Donnarumma jista’ jkun il-gowler il-ġdid tar-Rossoneri għalkemm tajjeb ngħidu li hu stess dejjem stqarr pubblikament li jħossu marbut ma’ Milan u jrid ikompli jiddefendi l-lasti tagħhom.

Matthew Scerri

Tliet ismijiet għan-nofs il-grawnd ta’ Juventus

M’hemm ebda dubju li Juventus das-sajf se jkunu ferm attivi fis-suq tat-trasferimenti. Speċjalment f’nofs il-grawnd Juventus jeħtieġu taqlib kbir. Qed jissemma ħafna Locatelli, b’investiment ta’ madwar 40 miljun Euro min-naħa ta’ Juventus. Barra minn hekk qed jissemmew ukoll Donny van de Beek (Manchester United) u Jorginho (Chelsea).

Matthew Scerri

Milik se jitlaq lil O. Marseille das-sajf

Milik mistenni jitlaq lil O. Marseille das-sajf. Skont L’Equipe, il-klabb Franċiż lest ibigħu għal somma bejn 12 u 15-il miljun Ewro sabiex ikun jista’ jagħmel plusvalenza li tgħinhom ipoġġu l-accounts tagħhom f’psothom. Juventus għadhom interessati f’Milik u jidhru disposti li jaslu sa massimu ta’ 15-il miljun Ewro biex jiksbu s-servizzi tiegħu.

Matthew Scerri

Audero jitkellem dwar l-għidut tas-suq tat-trasferimenti

Emil Audero tkellem dwar dak kolu li qed jingħad fuqu, speċjalment l-aħbarijiet li klabbs kbar fosthom Juventus jinsabu interessati fih. Audero sostna li jinsab kuntent ħafna b’dan l-għidut peress li jfisser li fl-aħħar sentejn kellu l-opportunità jsir gowler aħjar ma’ Sampdoria. Fl-istess ħin sostna anki li hu jrid jibni l-futur billi jaħseb fil-preżent. Fi kliem ieħor hu se jkompli jaħdem jum wara jum biex jgħin lil Sampdoria jilħqu l-miri tagħhom u hekk juri li ħaqqu jilgħab f’tim importanti.

Matthew Scerri

Destinazzjoni ġdida għal Romagnoli?

Dan jista’ jkun l-aħħar staġun ta’ Alessio Romagnoli ma’ Milan. Bħalissa Raiola jinsab f’taħdidiet ma’ Milan hekk kif il-kuntratt ta’ Romagnoli jiskadi fl-2022. It-talba tal-plejer hi li l-paga tiegħu titla’ minn 3.5 għal 6 miljuni fis-sena. Ir-Rossoneri ma tantx jidhru disposti li jikkuntentawh. Anzi, skont La Gazzetta dello Sport, Milan lesti jbigħuh jekk taslilhom offerta ta’ 20 miljun Ewro għalih. It-timijiet interessati huma Juventus, Barcellona u Chelsea.

Matthew Scerri

Ħafna xnigħat dwar Dybala

L-għidut dwar il-futur ta’ Dybala mhuma jieqfu xejn. Bħalissa qed jissemma b’saħħa li Tottenham lesti jressqu offerta tajba lil Juventus għall-istilla Arġentina. Sorsi oħra qed isostnu li Juventus jaf se jkunu qed ipartuh ma’ Dembele jew Griezmann das-sajf.

Matthew Scerri

Juventus f’kuntatt mal-aġenti ta’ Aguero

Juventus, PSG u Barcellona huma t-tliet timijiet li bħalissa jinsabu l-aktar interessati f’li jiksbu lil Sergio Aguero. L-Arġentin se jkun qed jitlaq lil Manchester City das-sajf hekk kif jintemmlu l-kuntratt. Skont La Gazzetta dello Sport Juventus kellhom kuntatt mal-aġenti tiegħu, għalkemm s’issa l-Bianconeri għad ma ressqulu ebda offerta.

Matthew Scerri