Posts

Ftehim bejn Juventus u Suarez

Matul il-lejl li għadda faqqgħet l-aħbar li Juventus sabu ftehim ma’ Luis Suarez sabiex ikun jista’ jingħaqad magħhom. Issa jonqos biss, dejjem skont dak li qed ikun irrapurtat, li Suarez isib ftehim ma’ Barcellona sabiex ixoljulu l-kuntratt. Din l-aħbar ġiet mogħtija minn diversi siti u gazzetti. Illum probabbli li se nisimgħu ħafna iktar dwar dan kollu.

Matthew Scerri

X’qed joffru PSG għal Bellerin

Fl-aħħar ġimgħat qrajtna u smajna ħafna li Hector Bellerin hu l-full-back li Pirlo jrid għat-tim tiegħu. Il-konkorrenza għall-akkwist tiegħu hi tassew qawwija. Nafu li PSG offrew 25 miljun Sterlina flimkien ma’ 5 miljuni oħra f’bonuses. Anki Bayern Munich iriduh, għalkemm s’issa m’hemmx aħbarijiet ta’ offerti għalih min-naħa tagħhom. Arsenal bħalissa qed jilqgħu l-offerti għalih u lesti jbigħuh biss jekk taslilhom offerta verament tajba.

Matthew Scerri

Inter f’kuntatti mal-aġent ta’ Dzeko

Allegatament Inter qed jippruvaw ifixklu n-negozjati ta’ Juventus għall-akkwist ta’ Edin Dzeko. Fil-fatt jidher li sar kuntatt bejn uffiċċjali ta’ Inter u l-aġent tal-attakkant, Silvano Martina. L-indikazzjonijiet huma, imma, li Dzeko jinsab determinat li jilgħab għal Juventus dis-sena.

Matthew Scerri

Uffiċjali: Juventus iħabbru żewġ akkwisti ġodda

Juventus ħabbru li Samuel Iling Jr u Felix Nzouango Bikien iffirmaw il-kuntratti li se jorbtuhom mat-tim Juventin għas-snin li ġejjin. L-ewwel wieħed hu attakkant Ingliż ta’ 17-il sena, l-istess età ta’ Nzouango Bikien hu difensur Franċiż. It-tnejn li huma se jkun qed jiffurmaw parti mit-tim Primavera.

Matthew Scerri

Locatelli: “Hi ħolma li qed inkun imsemmi ma’ Juventus”

Għall-ewwel darba Manuel Locatelli tkellem dwar il-futur tiegħu. Hu sostna li ma jinsabx deluż għall-fatt li Milan xtraw lil Tonali minfloku. Locatelli sostna li Pirlo hu l-idolu tiegħu, filwaqt li jħoss li hi “ħolma” li qed ikun imsemmi ma’ Juventus.

Matthew Scerri

Suarez se jibqa’ fejn hu?

El Chiringuito Tv, li fl-aħħar snin kien dejjem pjuttost preċiżi fl-aħbarijiet tagħhom, huma tal-idea li Barcellona se jżommu lil Suarez finalment. Fil-fatt għalissa m’għandhomx il-flus għall-akkwist ta’ Lautaro u, fin-nuqqas ta’ possibbiltà li jiffirmaw attakkant ta’ livell għoli, qed jikkunsidraw li jżommu lil Suarez.

Matthew Scerri

Aġġornament dwar Dzeko u Suarez

Dzeko jew Suarez. Wieħed minn dawn it-tnejn se jkun l-attakkant il-ġdid ta’ Juventus. Tuttosport qed iġġib fuq l-ewwel paġna tal-lum li l-preferit ta’ Pirlo hu Edin Dzeko. Nafu imma li Roma mhux se jħalluh jitlaq qabel jirnexxilhom jixtru lil Milik. F’das-sens tajjeb ngħidu li skont Il Corriere dello Sport, Napoli u Roma għandhom ftehim għal bdil bejn Milik/Maksimovic u Under/Veretout/Riccardi. Nittamaw li sa tmiem dil-ġimgħa s-sitwazzjoni tkun ferm iktar ċara u naslu għall-firma tal-kuntratt.

Matthew Scerri

Beckham tkellem ma’ Higuain. Xejn ġdid dwar il-ftehim biex ixolji l-kuntratt ma’ Juventus

Qed ikun irrapurtat li fl-aħħar sigħat David Beckham innifsu kellem lil Higuain sabiex jikkonvinċih jingħaqad ma’ Inter Miami. L-aħbar ingħatat minn TycSports. Jirriżulta li Juventus mhux se jkunu qed jitolbu flus lil Inter Miami għal Higuain biss qed jittamaw li l-attakkant Arġentin jaċċetta li jxolji l-kuntratt mingħajr ma jieħu somma flus.

Matthew Scerri

Il-prezz ta’ Ramsey

Il-prezz li Juventus qed jitolbu għal Aaron Ramsey hu bejn 15 u 20 miljun Ewro skont Calciomercato.com. Hu qed jissemma ħafna ma’ Everton fil-ftehim li jista’ jwassal biex Moise Kean jirritorna ma’ Juventus.

Matthew Scerri

Illum jiftaħ uffiċjalment is-suq tat-trasferimenti

Illum l-1 ta’ Settembru jiftaħ uffiċjalment is-suq tat-trasferimenti fl-Italja u fl-Ewropa kollha. Ilna nisimgħu ħafna dwar trasferimenti ta’ plejers u xi negozjati diġà ġew imħabbra (biss biss Juventus xtraw lil Arthur u McKennie, wara li f’Jannar kienu kisbu lil Kulusevski). Mil-lum il-kuntratti tat-trasferimenti jkunu jistgħu jintlagħqu fl-uffiċini tal-Federazzjoni. Id-data ta’ tmiem is-suq tat-trasferimenti hi l-5 ta’ Ottubru.

Matthew Scerri